22.6.15

Is-saħħa tagħna.





1.       Il-Partit Nazzjonalista daħal issa fil-bidu tat-tielet sena tiegħu barra mir-responsabbiltà tal-poter.  Żmien li għandu jkun wieħed marbut mal-ħsieb, mar-riflessjoni u preparazzjoni.  Kien fuq din il-linja politika, bid-diffikultajiet u kumplikazzjonijiet li diversi minna ġarrbu qabel, li nbena partit kapaċi jibdel ‘il-pajjiż.  Fiż-żmien li l-pajjiż għabbiena bir-responsabbiltà wrejna li mill-maġġoranza ta’ ħidmietna l-poplu avvanza ‘l quddiem.  Jingħad x’jingħad, il-Partit Nazzjonalista kien strument ta’ bidla vera.  Waħda li kienet bażata fuq il-valuri nsara li huwa jħaddan.  Iddur fejn iddur, xogħol tajjeb sar.  L-istituzzjonijiet demokratiċi kibru.  Il-liġijiet li taw iktar dinjità u drittijiet lill-ħaddiema u liċ-ċittadini tagħna.  Post, pajjiż inbidel fid-dimensjoni soċjali u ekonomika tiegħu.

2.       X’differenza għamilna, dawk ta’ warajna għad iridu jifhmu u japprezzaw.  Dan seħħ minħabba, fost l-oħrajn, żewġ elementi determinanti.  L-ewwel: il-valuri u l-prinċipji li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jħaddan u jżomm.  It-tieni: minħabba l-bnedmin li rawwem u basket ġewwa fih.  Il-valuri tagħna ta’ reliġjon u patria kienu u jibqgħu ankri sodi.  Ma għandniex minn xhiex nistħu minnhom.  Dan għax dawn iż-żewġ prinċipji qatt ma ġew meħuda f’linja ta’ partit li qiegħed fuq il-lemin, iżda f’wieħed li qiegħed fiċ-ċentru.  Meta tkellmu fuq reliġjon qabel, missirijietna ħarsu u kitbu li fehmu li dan kien fl-enċikliċi tal-Papiet li kienu l-iktar avvanzati u soċjali, bħal f’dak il-mument ir-Rerum Novarum.  Il-patria qatt ma rajniha min-nazzjonaliżmu tal-lemin estrem.  Ħadniha fid-dimensjonijiet ta’ indipendenza, ta’ fiduċja u abbiltà li mmexxu lilna nfusna ‘l quddiem.

3.       Dawn il-prinċipji għamluna u assigurawna iktar bħala partit li huwa demokratiku nisrani.  Għandna valur bħala partit proprju  minħabba dan.  Ma aħniex allejanza ta’ membri parlamentari indipendenti minn xulxin.  Ma aħniex ġabra ta’ bnedmin li ngħaqadna għall-interessi personali, iżda ġejna flimkien biex inservu taħt bandiera waħda li l-valuri demokristjani jagħtuna.  Il-partit għandu fih storja, valuri, ideat u wirt li ħadd ma jista’ jiddikjara ruħu superjuri għalih.  Il-partit huwa ikbar minn kull min jikkomponih.  U min huwa fih huwa f’ugwaljanza ma’ oħrajn.  Min jaħseb li għandu xi poter ikbar ikun qiegħed jiżbalja.

4.       Fil-Partit Nazzjonalista l-wirt u l-istorja huma li kull darba li d-deċiżjonijiet ġew meħuda f’daqqa kien hemm suċċess.  Il-proċess demokratiku, dak ta’ qsim, diskussjoni u djalogu interni jwasslu għal punti ta’ konvenġenza.  Punti fejn l-esperjenzi, il-viżjonijiet iwasslu għal pożizzjonijiet li jmexxuna ‘l quddiem.  Il-vantaġġ tal-Oppożizzjoni hawn qiegħed: li kull tmexxija għandha d-dmir li timxi fuq dawn it-toroq.  Ma aħniex u ma għandniex inkunu xi forma ta’ partit monarkiku fejn persuna jew ftit jiddeċiedu għall-oħrajn.  Il-kolleġġjalità, ir-responsabbiltà demokratika hemm qegħda.  Waħda li timxi fuq il-linja li ġġib għaqda, anke fejn diversi jkollhom ideat konfliġġenti.  Is-saħħa tagħna bħala partit hawn qegħda.  Iktar ma nħaddmuha, iktar aħjar.  Kif tifred u tibdel il-kontra ta’ dan ma nimxux ‘il quddiem.

5.       L-eventi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ġiebu ħafna bidliet fil-partit.  Sejrin issa għal bidliet oħra.  Biss, jekk naħarbu minn dawn il-prinċipji nkunu qed niżbaljaw u flok inkomplu navvanzaw, immorru lura fejn konna.  Agħar minn dan, jekk ma noqogħdux attenti, allura nistgħu nimxu sabiex inwaqqgħu lilna nfusna fir-redikolu.  Il-pożizzjonijiet tagħna jridu jittieħdu fid-dawl li l-partit huwa wieħed kbir, fejn id-demokrazija interna tiegħu taħdem sew.  Wieħed li jirrispetta lil min jikkomponih u jagħtih l-ispazju u l-post fejn jesprimi l-vuċi tiegħu.  Kull min jidentifika ruħu fil-partit tagħna jrid aktar dan kollu.  Il-qabżiet li rridu nwettqu m’humiex dawk li jiġu bażati fuq l-apparenzi, imma fuq is-sustanza.

6.         Is-saħħa tagħna ġejja mill-fatt li għandna wirt ta’ serjetà u responsabbiltà li ta’ qabilna tawna.  Punti li ġew issudati proprju għax fittixna li mmorru iktar lejn dak li huwa veru milli dak li huwa apparenti.  Dan huwa li jkompli jmexxini, bħal ma jien ċert, diversi oħra bħali.  Għax kull ġurnata f’dawn is-snin li għandna quddiemna huma determinanti biex nimxu fuq dan.  Determinanti sabiex aktar nies jisimgħu l-vuċi tagħna.  Iktar mill-poplu biex jifhem u jipperswadi ruħu minn dak li qed ngħidu.  Li dak li qed insostnu huwa tajjeb u kapaċi sabiex issir il-bidla minn dak li qiegħed isir ħażin illum.  Il-partit jibqa’ sod, jibqa’ rilevanti kemm jibqa’ jagħti każ il-prinċipji tiegħu u l-eżempji tajba li ħallewlna ta’ qabilna.  Fil-jiem li ġejjin nittama li dan ikun f’moħħ kull min għandu d-dritt li jġib il-bidla.  Jekk le, nitilfu mis-saħħa li għandna.



No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...