22.6.15

Gula politika.




1.       Fil-Miklem Malti tal-mibki u maħbub Erin Serracino Inglott, il-kelma “gula” jagħtiha din l-ispjegazzjoni: “Mġiba ta’ min jagħmel għal żaqqu; regħba għall-ikel; żaqqiqerija; ħneżrija; kilba ta’ ġuh anki f’min ikun xaba’”.  Huma ħafna f’dan il-pajjiż li jħobbu jieklu ikla tajba u jixorbu magħha wkoll inbid u birra.  Il-figuri mid-dinja tas-saħħa juruna li aktar ma mmorru, aktar għandna persuni li qed isibu diffikultà sabiex inaqqsu mill-piż tagħhom għall-ġid ta’ saħħithom.  L-istess jgħodd għal dawk li ma jistgħux jirreżistu li jixorbu dak il-grokk jew dik it-tazza nbid tajba.  Ħafna jieklu u jixorbu iktar milli għandhom bżonn.

2.       L-imġieba f’din il-linja wieħed jagħrafha u fortunatament illum hemm min irid jikkumbattiha u jrażżanha.  Strumenti ġodda li l-istat stess qiegħed jiċċaqlaq jew jiġi mċaqlaq mill-Oppożizzjoni fil-Parlament sabiex jieħu dan b’iktar serjetà.  Fil-fatt, sa ftit xhur ilu, l-Kamra tad-Deputati ddiskutiet mozzjoni parlamentari mmexxija mill-Onor. Robert Cutajar proprju fuq dan.  Il-mozzjoni għaddiet u għadha pendenti, biss il-Gvern qiegħed jidher li qed ikaxkar saqajh fuqha.  Dawk li jagħmlu għal żaqqhom, dawk li huma maħkuma miż-żaqqiqerija huma ta’ natura differenti minn dawk li joqogħdu attenti.

3.       Hemm dawk li jħobbu jieklu l-ikel u hemm oħrajn li jħobbu jakkwistaw.  Dawk li jħaxxnu bwiethom fejn ma għandhomx.  Jieħdu dak li ma ħaqqhomx jew li ma għandhomx dritt għalih.  Hemm min jieħu ftit u hemm min jieħu ħafna iktar milli b’xi mod jiflaħ.  Tul dawn l-aħħar sentejn skorruti, dan il-Gvern ġdid daħal fi proċess mill-iktar interessanti sabiex iqassam u jagħti fejn ma għandux u jonqos li jagħti fejn minflok għandu.  Hemm żbilanċi ta’ gula u żaqqiqerija.  Hemm dawk li huma mejtin għall-qatra u oħrajn mejtin fis-sakra.  Iktar ma jgħaddu l-ġranet, iktar qed joħroġ għad-dawl kemm dan huwa minnu.

4.       Tiġi tqila l-kelma, imma qiegħed nużaha kif għallem tajjeb Erin Serracino Inglott: il-ħniżrijiet li qed naraw ma’ kull ġurnata huma verament inkwetanti.  Gvern għandu fuqu l-obbligu li jqassam tajjeb.  Li jieħu ħsieb li jmexxi b’ġustizzja soċjali l-ġid nazzjonali.  Li jibni linji li minnhom ħadd ma jieħu aktar minni għandu u wisq inqas jieħu dak li ma ħaqqux.  Kull ġurnata fil-gazzetti tagħna nistenbħu nisimgħu b’dak u l-ieħor li għandhom pakketti qawwija tad-deheb.  Wisq persuni ngħataw salarji li s-soċjetà qegħda tħoss u tifhem li ma humiex ġusti u anqas sostenibbli.  Il-ħniżrijiet li qed jiġu mwettqa u li diġà twettqu qed idejqu lil ħafna.  Kuxjenza s-soċjetà għandha.  Tista’ tipprova tnawwarha, tikkorrompiha, iddarriha f’dak li ma għandhiex tidra bih, imma xorta s-sewwa jibqa’ joħroġ u jirbaħ.

5.       Il-poplu qiegħed jifhem kemm għandna klijenteliżmu qawwi li reġa’ daħal lura b’saħħa fis-sistema politika tagħna.  Il-klijenteliżmu ma hemmx agħar minnu.  Hemm min jiddependi politikament minnu.  Biss, dak jixhed biss li ma huwiex kapaċi jkollu ideat ġodda u kemm ma għandux prinċipji.  Voti għall-pjaċiri jnawru soċjetà demokratika u f’dan il-Gvern preżenti qiegħed f’fażi qawwija ta’ gula ta’ dawk li għandhom kilba ta’ ġuħ, anki jekk diġà xebgħu.  Diversi huma dawk li fehmu li l-maġġoranza verament qawwija li għandu l-Partit Laburista fil-Parlament u fl-elettorat, flok wasslet biex jittieħdu iktar deċiżjonijiet bżonnjużi li jnaqqsu l-abbużi, iġibu aktar ġustizzja u jassiguraw ġustizzja soċjali aqwa, qed isir proprju l-kontra.

6.       Iż-żaqqiqerija, il-ħneżrija politika taħdem kontra d-demokrazija, kontra li kull pesuna hija ugwali bħal oħra.  Minflok iġibu tnawwir u abbuż fil-poter.  Nafu lkoll li l-pajjiż, fil-bidu tal-leġislatura ma qal xejn.  Wara beda jitkellem u fit-toroq jiddiskuti dan.  Biss, hemm issa diversi li ma jistgħux jemmnu iktar li dan il-pajjiż kellu jiġi f’dan l-istat daqshekk malajr minn min kellu żmien twil fl-oppożizzjoni biex jaħseb u jirrifletti.  Il-gula politika irridu naċċettaw li nfirxet u nxterdet.  Sija fost uħud li għandhom responsabbiltà, sija fost dawk li huma jikkunsidraw il-klijentela politika tagħhom.  It-tnejn għandhom fattur komuni: li qed jieħdu u jagħtu dak li ma ħaqqhomx.  Għalhekk huwa, l-ewwel, leġittimu li wieħed jistaqsi: jekk din il-gula politika hija daqshekk kbira llum wara sentejn, x’ser tkun lejn l-aħħar tal-leġislatura?  U t-tieni, li jiddikjara li jekk l-Oppożizzjoni trid li l-istat demokratiku jattakka l-obeżità huwa ovvju li l-Gvern irid ikattar il-gula klijentelari.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...