8.6.15

Inħarsu fit-tul.





1.      Għaddew diġà ġimgħatejn minn meta saru l-elezzjonijiet għal numru ta’ Kunsilli Lokali u għar-referendum dwar il-kaċċa.  Mhux biss, imma din il-ġimgħa kienet ġustament meħuda fid-dell iswed ta’ traġedja ikbar f’parti minn proċess ta’ konsegwenzi prodotti minn pożizzjonijiet politċi xejn tajba dwar l-immigrazzjoni irregolari.  Dan ingħad, xorta waħda naħseb li ċerti punti jridu jsiru.  Nemmen li meta jsiru numru ta’ domandi, dan ikun leġittimu.  Id-domandi ma jistgħux ikunu żbaljati.  It-tweġibiet għalihom, sija fil-kliem kif ukoll fl-azzjoni, dawk jistgħu jkunu hekk.  Persważ li anzi jkun żball ikbar jekk wieħed joqgħod lura u ma jistaqsix.  Dan ovvajament dejjem jekk wieħed irid il-ġid u jrid jidħol jew jibqa’ parti minn proċess li jservi għall-ġid komuni.

2.      Ir-riżultati huma li huma.  F’lokalitajiet imxejna pass ‘il quddiem, f’oħrajn bqajna fejn konna u f’uħud oħra sfortunatament morna lura.  Komplessivament, meta tgħaqqad il-figuri, tara li ċaqliq għall-Partit Nazzjonalista kien hemm.  Dan huwa tajjeb sakemm jibqa’ marbut mar-realtà.  Sakemm nibqgħu nħarsu b’attenzjoni u nifhmu dak li għaddej.  Inħarsu lejn is-soċjetà u lejna.  Is-soċjetà l-ewwel li tibqa’ tiġi interpretata ħażin minn numru ta’ persuni fil-politika u li anzi qegħda titkarrab sabiex il-polz veru tagħha jintagħraf.  Il-partit it-tieni li għad fadallu x’jibdel, sija minn dak li kien hemm qabel, kif ukoll mid-deċiżjonijiet li ġew meħuda f’dawn is-sentejn.

3.      Il-politika tista’ tkun dinamika u tista’ tkun impotenti.  Tista’ tkun strument ta’ riforma u tista’ tkun sempliċement amministratriċi tal-poter li stat modern u demokratiku jkollu fi ħdanu.  Il-kritika ilha ġejja, speċjalment minn ċerti setturi li l-politiku huwa impotenti, inkapaċi, mingħajr programm u jrid biss li jew jibqa’ jew jidħol fil-poter.  Setturi li jagħrfu min għandu il-melħ politiku u jagħmlu ħilithom biex iċekknuh jew jattakkawh.  Persuni li jridu jiġu konfrontati bl-ideat u b’viżjoni politika bażata fuq il-prinċipji.  Setturi fil-politika jridu dawk li lesti li jwettqu dak li huwa konvenjenti, f’alleanzi ta’ konformiżmu biex il-poter jidher f’idejn uħud mentri jkun għas-servizz tal-ftit.

4.      Ma huwiex aċċettabbli, iktar u iktar illum li jkun hemm min jibla’ l-istorja li żmien il-prinċipji, żmien l-ideoloġiji, spiċċa.  Il-partit tagħna għaraf imexxi ‘l quddiem dan il-poplu proprju għax ħa ħsieb, għal perjodu twil, jassigura li kull klassi fis-soċjetà timxi ‘l quddiem.  Proċess li jiftaħ iktar il-fruntieri tiegħu għal iktar bnedmin, persuni umani billi jneħħi l-ixkiel u jimbotta lil kemm jista’ jkunu ‘l fuq.  Proċess li rabat u bbaża ruħu fuq il-prinċipji demokratiċi nsara.  Il-valuri tagħna ma humiex ħaġa moħġaġa.  Huma valuri nsara, sodi u dinamiċi.  Min jibqa’ lura milli jiddikjara dan ikun qiegħed effettivament jiċħadhom mhux biss fil-partit stess, iżda iktar u iktar ma’ elettorat li jrid iktar u iktar ċertezza politika minn min irid jafda l-vot tiegħu.

5.      Kull partit jibni programm.  Jista’ jwettaq dan b’neċessità jew għax ġejja l-elezzjoni, jew għax jarah bħala espedjent politiku.  Biss, min ikollu viżjoni, allura l-programm ikun fih il-proġett li huwa jrid iwettaq fis-soċjetà għall-pajjiż kollu.  Programm, manifest jinbena: l-ewwel, għax partit għandu prinċipji politiċi (fil-każ tagħna demokratiċi nsara), u wara għax dak li jkun ser jiġi propost jitqiegħed f’postu u allinjat sabiex ma niġux li fuq naħa ngħidu ħaġa u fuq oħra differenti, jekk mhux l-oppost.  Jekk irridu nimxu ‘l quddiem f’dan irridu nħarsu li nkomplu nibnu oppożizzjoni soda.  Soda mhux f’termini ta’ asserzjonijiet psewdo-leministi-dittatorjali-monarkiċi iżda fil-ħsieb, fil-formazjoni u koerenza.  Partit jimxi ‘l quddiem mhux għax joqgħod isabbat jew jgħajjat ma’ kull kantuniera li ġej il-lupu, imma għax ikun qiegħed jitkellem bis-sens u direzzjoni.

6.      Jekk irridu nħarsu ‘l quddiem u nżommu ruħna mal-ħajja ta’ kull ġurnata rridu nkunu iktar partit li jaħrab mit-tentazzjonijiet tal-politika tal-immaġini li jġib miegħu l-għażla ta’ min jidher u min le, independentement minn x’jagħżel l-elettorat biex jirrappreżentah.  Hemm ħafna problemi li s-soċjetà qegħda tmiss illum li ma aħniex għal mument identifikati bħala r-rappreżentanti, il-ġellieda għat-tneħħija tagħhom.  U għalhekk dawn it-tentazzjonijiet f’dan qed jaqdfu iktar il-kontra tagħna.  Irridu noħorġu iktar minn dik il-fosdqa li turina f’dawl ta’ elitiżmu li bnedmin oħra wassluna għalih.  Ngħid li aħna stess għad irridu nifhmu verament għala l-poplu vvota lill-Partit Laburista sija fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, kif ukoll illum.  Ir-raġunijiet li jitressqulna m’humiex komprensivi u xi drabi anqas wisq konvinċenti.  Irridu nistaqsu għala wkoll diversi vvutawlna f’dawn iż-żewġ appuntamenti u x’għandhom ikunu r-raġunijiet li jistgħu, tlett snin oħra, iressqu oħrajn li jagħtuna l-kunsens tagħhom.

7.      Il-qabża li ġejja wara r-referendum u l-Kunsilli Lokali hija possibilment twila tlett snin.  Waħda li għandha diversi vantaġġi, jekk tinħadem tajjeb.  Jekk nilbsu iktar iċ-ċoqqa tal-umiltà politika li minnha niddiskutu aħjar.  Niddiskutu b’aktar appuntamenti fejn il-partit, fl-elementi tiegħu, jesprimi ruħu biex iwassal dak li hemm barra ġewwa u fl-istess ħin ikun kapaċi jwassal minn ġewwa lil barra.  Irridu nkomplu nistaqsu: kemm konna interpreti tajba tas-soċjetà f’dawn iż-żewġ appuntamenti?  Nistaqsu: kemm fhimna dak li għaddej u kellna sehem biex ninfluwenzaw?  Proċess li jrid jitwieled minn inqas biżgħat ta’ x’ser jgħid dak u x’ser jidher li qed jgħid l-ieħor.  Inqas tħaris lejn dak li jistgħu jgħidu dwarna.  Fejn irridu nsibu lilna nfusna, insibu iktar min kapaċi jifhem il-politika x’sewwasew hi u iktar bnedmin li jġorru l-bandiera tas-sewwa tal-partit fuq il-livelli kollha.  Iktar kolleġġjalità, difiża tagħna bħala partit u ġewwa fih f’kull livell.

8.      F’kelma waħda diversi domandi, imma li lkoll għandhom jgħinuna u jservuna ma’ oħrajn sabiex inħarsu fit-tul tas-sehem tagħna fil-politika għas-servizz tas-soċjetà kollha.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...