17.4.23

Wara sittin sena

1.   Għandna, bħala bnedmin, nibqgħu nħarsu ‘l quddiem b’fiduċja.  M’għandniex, f’ebda mument, iswed kemm hu iswed is-sħab, nieqfu milli nittamaw.  Ma nabbandunawx, ma niċħdux u ma nittradixxux it-tama.  Anzi, nibqgħu nittamaw kontra kull tama li l-futur miegħu jġib paġni ġodda.  Paġni ta’ bidla, ta’ differenza, li jagħmlu minn ħajjitna sens u jagħtuna direzzjoni ferm ikbar milli għandna.  Għandna bżonn, bħala bnedmin, li fir-realtà tagħna u mhux fl-illużjoni li noħolqu, inħarsu lejn dak li huwa sewwa.  Inħarsu, u fl-istess ħin nemmnu li dak li huwa tajjeb, għada pitgħada ser jirrenja fuqna jekk ikollna l-perseveranza, il-paċenzja u d-determinazzjoni li naħdmu aħna wkoll ma’ oħrajn, huma min huma, għaliha.

 

Papa Roncalli

 

2.   F’dan, ċertament illum, iktar minn jiem oħra, għandna l-bieb miftuħ sabiex inħarsu lura lejn ħidmet Angelo Roncalli.  Ħidmet il-Papa Ġwanni XXIII, illum dikjarat qaddis, li biddel tant fil-ħajja tal-Knisja Kattolika u tad-dinja.  Vuċi għas-sewwa, li mpenja ruħu fi proġetti li bihom ninsabu aħjar milli konna.  Proġetti bażati fuq ideat li għalkemm jistgħu jintesew minn uħud, huma minjieri ta’ għerf.  Mimlija b’riżorsi qawwija li tajjeb li wieħed, għalkemm iħossu sejjer lura fiż-żmien, ikun fil-fatt qiegħed jarma ruħu għall-futur.  Ftit papiet qablu ma kellhom, bħalma kellu hu, dik l-abbiltà li jitkellem bil-lingwa tal-bnedmin.  Li jitkellem direttament lejn il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jkunu qed jisimgħuh.  Dawk, li għalkemm ġejjin minn toroq varji, ser jieħdu magħhom lura ideat u tamiet għall-eżistenza tagħhom.

 

F’dan iż-żmien

 

3.   Kliemu u ħidmietu jibqgħu rilevanti.  Aktar u aktar f’dawn iż-żminijiet fejn id-dinja dieħla jew diġà daħlet fit-tielet gwerra mondjali.  Dinja li taf li dak li huwa għaddej huwa żbaljat, imma mhix kapaċi twaqqaf il-proċess li jista’ jiġbed lil kulħadd fit-toroq tad-distruzzjoni.  Iktar u iktar fid-dell tal-użu, jum wara jum, ta’ armamenti dejjem iktar sofistikati u viċin dawk nukleari.  Fejn l-aħbarijiet isiru dejjem inqas kapaċi jsegwu l-verità ta’ dak li għaddej.  Fejn il-bnedmin qed jitilfu kull forma ta’ dinjità.  Fejn il-qtil ta’ ħutna huwa biss numru.  Fejn it-tkissir ta’ bliet u ċiviltà huma biss linji fil-gazzetti jew fil-vuċi tal-mezzi tal-aħbarijiet.

 

Enċiklika speċjali

 

4.   F’dan, l-enċiklika Pacem in Terris tibqa’ unika.  Ikun hemm, bħal dejjem, it-tentazzjoni li wieħed iħares lejn dokumenti passati bħala dawk li kellhom sehem dak iż-żmien, imma llum dak spiċċalhom.  Jiġu relegati, żbaljatament, bħala dawk li huma issa għad-dispożizzjoni tal-istoriċi f’xi arkivju kollu trab.  Imma dan ma jgħoddx għal dak li nkiteb minn bniedem mimli tjubija u qdusija huwa u miexi fit-triq tal-mard tiegħu.  Kien jaf li kellu l-kankru u li jiemu kienu, f’din l-art, numerati.  Biss, kien determinat, minn dak li diversi stqarrew, li dan id-dokument jiġi pubblikat fil-jiem u fil-mument meta ried hu.  Kienet dik l-enċiklika li n-New York Times ippubblikat fis-sħiħ u li gazzetti oħra ddikjarawha bħala l-vuċi tal-kuxjenza dinjija.

 

Dikjarazzjoni

 

5.   Il-kitba asseriet diversi punti li minnhom id-dinja setgħet timxi aħjar tul dawn is-snin.  Kif kien qal Peter Hebblethwaite fil-ktieb John XXIII. Pope of the Century, ġabret lista determinanti.  Affermat l-importanza tad-demokrazija u li kull bniedem għandu dritt u dmir jieħu sehem attiv fil-ħajja politika.  Mhux biss, imma kif jgħid l-istess Hebblethwaite: “John saw human rights as fundamental to the preaching of the Gospel.” (Ġwanni ra d-drittijiet umani bħala fundamentali fit-tagħlim tal-Vanġelu).  Kif kien qal qabel dwaru Don Luigi Sturzo: “Peace, justice, liberty, mutual understanding of rights and duties – all in the accents of love.” (Paċi, ġustizzja, rispett reċiproku tad-drittijiet u tad-dmirijiet – ilkoll fl-importanza tal-imħabba).

 

Iktar minn hekk

 

6.   Hebblethwaite jgħid hekk: “John’s three features, however, are all positive.  First he noticed ‘a progressive improvement in the economic and social conditions of working people’ who insist on being treated as human beings.  Next ‘the part that women are now playing in political life in everywhere evident’ and ‘wome are gaining an increasing awareness of their natural dignity’.  Next about nuclear weapons ‘In this age which boasts of its atomic power, it no longer makes sense to maintain thatwas is a fit instrument with which to repair the violation of justice’”.  (It-tlett punti ta’ Ġwanni kienu lkoll pożittivi.  L-ewwel iddikjara li kien hemm proċess ta’ progress fil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-ħaddiem u li jinsistu li jiġu ittrattati ta’ bnedmin.  It-tieni, il-parti li n-nisa qed jieħdu sehem fil-ħajja politika hija evidenti kullimkien, u li qed iżidu fl-għarfien tad-dinjità naturali tagħhom.  Ma’ dan dwar l-armi nukleari qal li f’din l-età ma jagħmilx iktar sens li wieħed isostni li l-gwerra hija l-istrument biex issewwi l-inġustizzji.)

 

Affermat

 

7.   Afferma b’mod ċar li l-Insara għandhom dmir li jkunu miftuħa għall-oħrajn.  Miftuħa biex jifhmu lill-oħrajn u jaħdmu magħhom mingħajr preġudizzji jew pre-kunċetti.  Huma min huma, ġejjin minn liema reliġjonijiet jew fehmiet politiċi, fid-dmir li jisimgħu u jitkellmu.  Prinċipji importanti, aktar u aktar illum.  Għax f’dan, proprju fix-xenarju li kien qiegħed jiżviluppa fil-kwistjoni Kubana nsista b’mod ċar li huma l-laqgħat bejn il-mexxejja li jġibu l-bidla, u mhux il-konfrontazzjoni.  Kitbietu juruna li f’dinja u età nukleari li ninsabu fiha, l-għażla hija bejn id-djalogu, il-katastrofi jew tensjoni internazzjonali permanenti.

 

11 t’April 1963

 

8.   F’dik il-Ħamis ix-Xirka li fih il-Papa Ġwanni XXIII ried ikun ċert li dak li kellu jgħid, jingħad.  Ried iħalli dan it-testment ċar għall-ġenerazzjonijiet futuri.  Ideat, viżjoni, prinċipji li għadhom attwali sallum.  Għadhom għad-dispożizzjoni tagħna fil-kunflitti li għaddejjin.  Għadhom strumenti ċari, naturali u li jagħmlu mill-bniedem persuna aħjar.  Għadhom, f’dan kollu, dawk li għandna nfakkru proprju llum fis-sittin anniversarju tagħhom.

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...