24.4.23

Il-Ħajja għoliet u ser tkompli

1. F’daqqa waħda l-pajjiż, fl-aħħar, ġie jisma’ r-realtà li huwa qiegħed imiss magħha. Għat-twissijiet tal-poplu u l-Oppożizzjoni li l-ħajja qegħda togħla sew, il-Gvern iwieġeb li l-ekonomija ser ikollha tkabbir. Il-Bank Ċentrali, fir-rapport annwali tiegħu juri kemm dan kollu huwa minnu. Juri li r-rata annwali tal-inflazzjoni żdiedet sew. Juri li l-prezzijiet għall-bnedmin fuq dawn il-gżejjer telgħu ferm iktar ‘il fuq milli kien qiegħed jingħad. Figuri li l-istess Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonferma. Il-verità li l-Gvern ilu għal dawn l-aħħar xhur jaħbi issa ħarġet fil-beraħ. Mix-xahar ta’ Marzu 2022 sa Marzu 2023 kellna żieda ta’ minn 4.5% għal 7.1%.

L-effetti


2. Dan ifisser li bil-paga li l-ħaddiem qiegħed idaħħal jista’ jixtri inqas milli kien qabel. Ix-xirja tiegħu ser tkun inqas għax ma jiflaħx għal iktar. Għax kif jispjegaw: “In economics, inflation is an increase in the general price level of goods and services in an economy. When the general prices level rises, each unit of currency buys fewer goods and services. Consequently, inflation coresponds to a reduction in the purchasing power of money.” (Fl-ekonomija, l-inflazzjoni hija żieda fil-livell tal-prezzijiet ġenerali tal-ikel u s-servizzi f’ekonomija. Meta l-livelli tal-prezzijiet ġenerali jogħlew, tixtri bihom ferm inqas ikel u servizzi. Konsegwentement, l-inflazzjoni tfisser tnaqqis fil-kapaċità li wieħed jixtri.)

Il-fatti


3. Kif l-istess Bank Ċentrali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblikaw, f’Marzu 2023 kien hemm l-ikbar qabża fil-prezzijiet. Żieda ta’ 2.3% fl-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku tul Marzu, żieda annwali fuq l-istess prodotti ta’ 12.9%. Aħbarijiet xejn tajba, speċjalment meta huwa ċar li l-Gvern ma kienx qiegħed jagħti kas ta’ dan kollu. Tista’, nazzjonalment, tinjora problema, imma b’daqshekk ma ssolvihiex u anqas tibda taħdem biex issib tarf tagħha. Tibqa’ hemm, tistenna li toħroġ barra f’xi mument. U hekk ġara llum. Bil-kumplikazzjonijiet li dan ifisser sabiex wieħed jikkumbatti lura. Iktar u iktar meta l-istess Gvernatur tal-Bank Ċentrali ddikjara li l-inflazzjoni hija “Mostru li jrid jiġi mmansat” (Inflation Monster must be tamed). Kif ukoll mal-punt evidenti li qed ngħixu f’sitwazzjoni tat-tielet gwerra mondajli bl-effetti kollha tagħha fuq kull ekonomija, tagħna nkluża.

Oħrajn


4. Biss jidher li pajjiżi oħrajn m’għamlux l-iżball li għamel il-Gvern: dak li jinjora dak li hu għaddej. Jekk wieħed iħares lejn l-aħħar statistika tal-Eurostat isib, fil-fatt, li diversi pajjiżi għandhom rata inqas minn tagħna. Il-Lussemburgu kellu 7.9% f’Marzu 2022 u issa għandu rata ta’ 3%. Il-Belġju kellu 9.3% u issa għandu 4.9%. L-Olanda kellha 11.7% u issa għandha 4.5%. Pajjiżi li ma njorawx il-pożizzjoni, imma li ħadu passi. Hemm diversi oħra li anki jekk raw żidiet, però ppruvaw jieħdu miżuri varji biex jikkontrollaw u jniżżlu ‘l isfel. Ċertament, hemm f’dan varjetà, bħal dak li ppruvaw iwettqu l-Franċiżi. Hemm ukoll abbużi varji li ħarġu, imma l-prezzijiet, anki fis-suq liberu, hemm il-mument meta jridu jiġu kkontrollati. M’għandux ikun li nibqgħu naħsbu li s-suq huwa xi forma ta’ strument ta’ ‘ġustizzja soċjali’ naturali.

X’rimedji


5. Hemm dak li l-Bank Ċentrali jista’ jagħmlu. Ovvjament naħseb li aktar minn qabel, minn issa ‘l quddiem ikun żball jekk il-Bank tagħna jieqaf iwissi u ma jitlobx miżuri tajba biex tonqos l-inflazzjoni. Mhux biss, imma li jkun hemm iktar fil-miftuħ eżempji li nistgħu nieħdu minn ekonomiji oħra. Għax biex timmansa mostru bħal dan trid ħafna passi, u trid ukoll linja strateġika ċara u effettiva. Trid tifhem is-suċċessi li oħrajn qed iwettqu u timplimenta. Hemm ukoll f’dan il-miżura ‘tradizzjonali’ li l-istess Bank imur għaliha: dik li jżid ir-rata tal-imgħax. Waħda li mhux dejjem tolqot fejn jaqbel li tolqot. Waħda li ma tweġibx għar-realtà li dawk li huma fis-soċjetà qed imissu magħha. Għax kif jispjegaw oħrajn: “The logic behind such moves is that higher rates make it more expensive to borrow money and encourage savings and lower spending, therefore disencouraging price rises. Yet they are indiscriminate, hitting everyone who borrows, not just the better off.”

Il-problema

6. F’dawn ix-xhur, il-problema kkumplikat iktar ruħha. L-ewwel: għax kif inhuwa ċar, inħbiet; u t-tieni: għax inqabad ritmu fis-suq li baqa’ kostanti ta’ żidiet. Meta s-suq ma jkollux kontroll iwassal sabiex jaqbad toroq li jafu jwasslu għad-diżastri ekonomiċi. Nafu iktar li fil-passat, proprju tul gwerra dinjija, persuni bħal John Kenneth Galbraith fasslu ġabra ta’ kontrolli fil-prezzijiet għal dak iż-żmien il-Presidenza ta’ Franklin D. Roosevelt. Linja li diversi qablu magħha u li żammet l-ekonomija għaddejja. Dak li sar, wieħed irid jieħu minnu l-aħjar eżempji u prattiċi biex iħaddimhom mill-ewwel f’pajjiżna. Jekk dan ma jsirx ser ikollna konsegwenzi ekonomiċi xejn tajba.

Il-konsegwenzi


7. L-ewwel u l-iktar ċar huwa li dak li għaddej ser ikompli jolqot lil diversi fis-soċjetà. Dawk li huma fil-klassi tal-ħaddiema, dawk li huma pensjonanti, dawk li għal xi raġuni m’għandhomx dħul ogħla minn dak medju. Dawk li qegħdin fil-faqar diġà qed imissu ma’ dan. It-tieni: jekk kollox jibqa’ għaddej, kif jidher, ser ikun hemm żidiet “ineffettivi” u fit-tul kontro-produċenti fil-pagi bil-mekkaniżmu tal-COLA li ser iwasslu biex ma nibqgħux iktar f’pożizzjoni li naraw daqshekk ħaddiema jaħdmu. Ser ikun hemm kunflitti ikbar. Ser ikun hemm żidiet oħra fil-kirjiet. Ser ikompli jinbena xenarju xejn tajjeb ta’ instabilità soċjali u ekonomika. Sitwazzjonijiet li nistgħu naħirbu minnhom, imma li ser jilħquna.

Diġà ninsabu

8. F’dan għandna diġà l-kumplikazzjoni li l-iżbilanċ fid-dejn nazzjonali żdied sew. Fi tlett snin, dan irreġistra ruħu fl-ammont ta’ 3,000 miljun ewro fis-sena. Minn 5,328 miljun ewro fl-aħħar ta’ Diċembru 2018, issa tlajna għal 8,830 miljun ewro sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Pożizzjoni li turi li l-flessibilità tagħna qegħda tonqos. Pożizzjoni li tnaqqas mill-abbiltà li wieħed ikun jista’ jsalva lil dawk li qegħdin ibatu mill-għoli tal-ħajja. Il-pajjiż ma jiflaħx ikollu żidiet aktar fir-rata tal-inflazzjoni. Irid jaġixxi llum qabel għada. Irid jieħu l-passi neċessarji, inkella l-mostru li qiegħed idur barra ser ikompli jsib iktar vittmi. Ser ikompli jieħu passi li jkissru l-ekonomija tagħna. Pożizzjoni li għaliha l-Gvern naqas milli jaġixxi. Proprju għalhekk li, fid-dawl ta’ dan kollu, wieħed għandu jiddikjara li l-ħajja għoliet u ser, sfortunatament, tkompli togħla.

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...