17.4.23

Imsejħin nagħtu xiehda

1.   F’dan il-Ħadd il-Għid il-Kbir, pajjiżna qiegħed jaqleb paġna u jkompli jgħix mill-ġdid.  Tul dawn il-ġimgħat tar-Randan, diversi ħadu sehem. Diversi daħlu fi proċess li jibdel il-bniedem f’imġibtu u f’ħajtu.  Jinbidel f’dak li huwa, u jġib lura ordni morali fl-intern tiegħu.  Ħarġu wkoll, f’dawn il-jiem, it-tradizzjonijiet ta’ snin ilu b’saħħa u skop ferm aqwa minn qabel.  Apprezzament, u fl-istess ħin aġir konxju li dak li qiegħed iseħħ qed iseħħ proprju għax għandu sens u sustanza.  F’dawn l-aħħar snin, diversi sabu ruħhom jgħixu f’dinja li ma kinitx qed tagħtihom wisq skop jew missjoni.  Imma oħrajn servew biex jirriflettu mill-ġdid, u f’dan ħarġu ideat differenti diretti biex dak li jiġi ċelebrat jingħata iktar piż.


Tibdil intern

 

2. Għalkemm kull persuna titwieled, ċertament, bit-talenti partikolari tagħha u bi skop preċiż, dan ma jfissirx li ma tgħaddix mit-toroq ta’ bidla.  Timxi, drabi għax taf, u drabi għax il-ħajja tgħaddik sabiex tkun persuna aħjar.  Aħjar fis-sens li joħorġu aktar għad-dawl il-kapaċitajiet tas-sewwa tiegħek.  Il-mumenti huma varji.  Drabi, wieħed ifittixhom u drabi oħra le, imma jiġu fuqek.  U l-fatt jibqa’ li wieħed jista’ jinbidel u jagħti bidu lejn paġni ġodda ta’ dak li huwa.  Dan huwa pass il-quddiem fid-direzzjoni li wieħed iġib ordni morali aħjar.  Pass li jgħin lis-soċjetà tkun aħjar milli hija fil-mod ta’ kif il-bnedmin iġibu ruħhom ma’ xulxin u fil-ħidmiet li wieħed jidħol għalhom ma’ oħrajn.

 

Ma hemmx età

 

3.  F’dan il-proċess, kull persuna, hi x’inhi l-età tiegħu, huwa msejjaħ biex jidħol f’din il-linja.  Kull persuna m’għandhiex toqgħod lura milli tkompli fil-ħidma attiva tagħha bħala komponent essenzjali fis-soċjetà.  Għax kull persuna m’għandhiex tibqa’ lura mill-ħidma tagħha.  Għandha kemm għandha żmien, u għandha x’għandha fit-tbatija li l-ħajja tagħti.  Iktar u iktar fis-soċjetà tagħna fejn dawk li qed javvanzaw dejjem qed jikbru fil-maġġoranza.  Hemm esperjenza tal-ħajja li hija unika u li ilha ġejja maż-żmien li m’għandhiex tintilef.  Mhux biss f’dak ta’ proċess ta’ memorja kollettiva, fis-sens ta’ preservazzjoni storika, imma wkoll, u fuq kollox, dik ta’ għodda fina ta’ kif tista’ ssolvi l-problemi tal-ħajja.  Il-pajjiż għandu bżonn bnedmin bħalhom li jibqgħu vuċijiet ta’ direzzjoni u ta’ kuxjenza.

 

Fil-ħajja pubblika

 

4.   F’dan kollu, aqwa minn hekk, fid-dinja tal-ħajja politika.  Fil-ħajja ta’ dawk li l-votant jagħżel biex jaġixxu f’ismu u li jirrappreżentahom.  Ħafna jsegwu l-pariri tal-partiti, u diversi oħra l-ħsieb tagħhom.  Imma l-fatt jibqa’ li hemm min jibbaża l-ġudizzju fuq dak li jidher fl-immaġini aktar minn verifika ta’ dak li hemm fil-persuna.  Ħafna jippretendu minna aktar milli fil-fatt aħna kapaċi nagħtu.  Imma nistgħu nkunu aħjar milli aħna.  Nistgħu naqbdu aħna wkoll il-proċess lejn il-bidliet interni tagħna fuq żewġ livelli.  F’dawk personali l-ewwel għax aħna, għalkemm aħna komponenti essenzjali fl-aġir politiku rridu nkunu verament hekk.  Inwettqu u nibnu direzzjonijiet u ideat, u mhux nirrepetu dawk li ħaddieħor jgħid mingħajr ma nqisu jekk humhiex tajba jew le.  Fit-tieni, dak marbut mal-partit innifsu.

 

Għodda aqwa

 

5.   Jekk irridu bidliet veri fis-soċjetà, dan iż-żmien mhux biss imiss lill-bnedmin f’qalbhom u f’moħħhom, imma anki ‘l-partiti politiċi.  Partit bla ideat li jaħseb biss li ser isolvi l-problemi soċjali u morali li hawn b’tattiċi u strateġiji jkun qed juri li mhuwiex jagħti importanza għas-sustanza ideoloġika tiegħu.  Il-linja politika ta’ partit tibda mill-intern tiegħu.  Tibda mill-fatt li hija għaqda sabiex jitwettaq proġett politiku li bih isir il-ġid lill-poplu kollu, u mhux lil parti minnu.  Mhux biss tħares l-interessi ta’ wħud fil-konfront ta’ oħrajn, imma tmexxi lil kull persuna biex tkun f’pożizzjoni li tagħmel il-ġid.  Kull persuna, mhux il-maġġoranza biss.  Hekk wieħed iħares sabiex jibni linja politika li tibda billi tkun iktar awtentika u taħrab minn kull ipokresija.  Fejn tiftakar li jista’ jkollha travu ikbar mit-tibna tal-oħrajn.

 

Is-soċjetà tagħna

 

6.   Huwa iktar ċar f’dan li s-soċjetà għandha bżonn proċessi ta’ riformi.  Mhux ta’ vendetta jew kundatti, imma ta’ ġustizzja.  Mhux ta’ mibgħeda, għira, diskors żejjed u dispreġġjattiv jew pika bla sens.  Tifhem li f’dinja ta’ bnedmin li jiżbaljaw min-natura tagħhom, wieħed jista’ jibni aħjar fuq dak li jonqsu fih.  Iktar u iktar jekk huwa evidenti li l-iżbalji li ġew meħuda tul dawn l-għaxar snin ma jiġux użati biex ikollna soċjetà aqwa.  Dak li seħħ, u li llum inkomplu għaddejjin nifhmu, huwa parti mill-bżonn tar-riforma nterna tagħna.  Kif jidher aktar ċar li hemm min daħal biex jakkwista b’dan il-mod u bl-użu kundannabbli tal-pożizzjonijiet tiegħu fil-poter.  Dawk li użaw is-sistema għall-vantaġġ apparenti tagħhom urew li hemm bżonn liġijiet ġodda biex jassiguraw li dan ma jerġax iseħħ.

 

Fl-Għid il-Kbir

 

7.   F’dan il-Jum tant importanti għalina f’soċjetà li tibqa’ tapprezza u tidentifika ruħha mal-prinċipji etiċi Nsara hemm lezzjonijiet li għandna nieħdu.  Nifhmu aktar dak li għaddejna minnu u kif nistgħu nkunu aħjar milli aħna.  Il-proċess tal-bidla fil-bniedem huwa neċessarju u jassigura dejjem iktar li l-affarijiet isiru sewwa.  Il-proċess li bih insiru aħjar jassigura stat aħjar.  Aħna parti minn din is-soċjetà, hija x’inhija l-età tagħna.  Aħna għandna dmir nieħdu sehem.  Dmir li naħdmu sabiex nagħmlu l-parti tagħna biex il-bidliet isiru.  Proprju f’dan kollu, waqt li l-Istatwa tal-Irxoxt toħroġ u ddur f’qalbna u f’pajjiżna niftakru li aħna msejħin inkunu xhieda ta’ dan kollu.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...