4.4.23

IL-GAZZETTI TAL-PN JIBQGĦU JWASSLU L-MESSAĠĠ DEMOKRATIKU B'RISQ PAJJIŻNA - Michael Schiavone waqt it-tnedija tal-ktieb Fid-Direzzjoni t-Tajba

Carm Mifsud Bonnici, ħabib kbir tiegħi u tal-familja, stedinni biex fl-okkażjoni tat-tnedija tal-ktieb b’ġabra ta’ artikli ppubblikati fil-gazzetti In-Nazzjon, Il-Mument, u Il-Leħen bit-titlu Fid-Direzzjoni t-Tajba, nagħti l-ħsibijiet tiegħi dwar il-gazzetti tal-Partit.

Il-ħajra tiegħi għall-ġurnaliżmu bdiet kmieni fil-familja.  Qabel iżżewwiġt u ġejt  noqgħod Ħal Tarxien, jien mill-Isla, u ftit passi ‘l bogħod minn fejn konna noqogħdu fi Triq il-Vitorja, kien hemm il-Każin tal-Partit fi Triq il-Marina, mhux fejn qiegħed illum, fi Triq il-Vitorja.

Għal xi żmien, il-ġurnal ‘Il-POPLU’, il-gazzetta ta’ kull ġimgħa tal-Partit kienet toħroġ il-Ġimgħa filgħaxija u konna nixtruha.  L-għeruq tal-familja tiegħi minn dejjem kienet tħaddan il-PN.  Kif tidħol il-bieb kont tara ritratt kbir tal-Kap tal-Partit u Prim Ministru Nerik Mizzi.

Ma nafx għaliex, il-fatt li kien ikolli gazzetta f’idejja kienet issaħħarni – fis-sens li kont ngħid: imma kif issir gazzetta? X’ikun fiha? Kif tinħadem? Meta kbirt ftit, l-interess tiegħi ta’ ftit paġni bil-kitba u r-ritratti kienet taffaxxinani.  Kont niflihom sewwa, l-aktar meta kien ikun hemm xi tagħrif fuq xi persunaġġ.  Meta spiċċajt l-iskola sekondarja, is-Seminarju, ħabib tal-familja li kien midħla tal-Progress Press, kien qal lil missieri biex nipprova mmur nitgħallem il-ġurnaliżmu ma’ The Times.  L-interview sar minn Mabel Strickland flimkien ma’ persuna oħra, u qaltli biex nibda għax-xogħol fil-bidu tal-ġimgħa ta’ wara.  Bdejt b’sitt liri sterlini fil-ġimgħa.  Dan kien f’Lulju 1968 – 55 sena ilu.

Dam li għedt s’issa, marbut mal-ewlenija gazzetta ta’ kuljum, hu bl-ilsien Ingliż.  L-istess proprjetarji ta’ din il-gazzetta kienu jippubblikaw gazzetta oħra bil-Malti ta’ kuljum – IL-BERQA, li kienet bdiet f’Mejju 1930 u baqgħet toħroġ sal-1971, imma issa bit-titlu ta’ TELSTAR.

Peress li ma kienx hawn gazzetta oħra ta’ kuljum bil-Malti, din kienet tinxtara mhux ħażin.  Fl-1962 ħarġet għall-ewwel darba l-gazzetta l-orizzont mill-Union Press, li kienet ixxaqleb lejn il-Partit Laburista, fi żmien Duminku Mintoff.

“In-Nazzjon Tagħna”

Fil-Kungress tal-Partit, li kien sar fit-Teatru Hollywood fil-Ħamrun fl-1964, l-Avukat Carmelo Caruana kien ħabbar li l-PN se jwaqqaf l-istamperija tiegħu, u eventwalment l-uffiċini tal-Partit.  Inxtrat l-art fil-Ħamrun u bdiet tinbena l-Istamperija li sa mill-bidu konna nsejħulha n-“National Press”.  Il-Partit investa fix-xiri tal-makkinarju li kienet teħtieġ l-istamperija.  Hawn wieħed irid jgħid li fl-istamperija, l-ewwel ma kienet tkun stampata kienet Il-Poplu, imbagħad In-Nazzjon Tagħna u eventwalment Il-Mument, The Democrat u anki In-Niggieża. Mhux biss, imma kien isir xogħol ieħor ta’ jobbing biex jgħin fid-dħul finanzjarju tal-istess stamperija.  Ġew impjegati għadd ta’ ħaddiema u għal xi żmien din l-istamperija kienet sejra tajjeb.

L-Avukat Ugo Mifsud Bonnici, President Emeritu, missier Carm, kien wieħed mill-ewlenin li ħadem qatigħ biex 54 sena ilu beda joħroġ dan il-ġurnal.  Hu kien inkarigat mill-Partit bit-tmexxija ta’ din il-gazzetta.  Bdew ikunu impjegati u mħarrġa fil-ġurnaliżmu, u saru arranġamenti mal-aġenzija tal-aħbarijiet Franċiża “France Presse” biex inkunu nistgħu nirċievu aħbarijiet mix-xena internazzjonali. 

Kien fid-29 ta’ Settembru 1969 meta jiena mort għall-ewwel darba fil-binja antika tal-istamperija, li dak iż-żmien, il-bieb ewlieni tagħha kien fi Triq id-Duluri.  Iltqajt ma’ Ugo Mifsud Bonnici, Carmelo Caruana u Emmanuele Bonello. Id-data tal-ewwel ħarġa tal-gazzetta ma kinitx għadha ġiet stabbilita.  Jien kont mitlub biex ngħin fil-qari tal-provi ta’ Il-Poplu.  Irrid ngħid, li sa dakinhar jien kont impjegat għal ftit inqas minn sentejn mal-Allied Malta Newspapers fejn ħdimt għal aktar minn sena u  nofs fi newsroom ma’ The Times of Malta u ftit xhur fid-dipartiment tal-features tal-istess gazzetta.  B’hekk kelli ftit esperjenza f’żewġ fergħat tal-gazzetta.

Sadanittant kienu impjegati aktar ħaddiema.  Ridna nibnu d-dipartiment editorjali b’għadd ta’ reporters, il-fergħa tal-features, tal-isports, tal-fotografija, tar-reklami, ix-shift ta’ bil-lejl, u xejn inqas dak tad-distribuzzjoni tal-gazzetta.  Issa l-istaff kien kiber sewwa.

Ugo Mifsud Bonnici kien ilaqqagħna spiss biex nagħmlu t-tħejjijiet neċessarji.  Il-messaġġ li għaddielna Ugo Mifsud Bonnici kien li In-Nazzjon għandu jimposta ruħu fost il-qarrejja billi jintrabat dejjem mal-verità u jagħraf dejjem jissepara l-fatti mill-opinjoni.  Kien jinsisti li l-PN dejjem ried li l-ġurnal ikun il-ġurnal ta’ kulħadd, u mhux tan-Nazzjonalisti biss.  Kunċett li tpoġġa quddiemna mill-bidunett, u li l-ġurnal għandu jinqara minn kulħadd.

Fl-aħħar tas-sittinijiet, il-PN kien ilu fil-gvern mat-tmien snin, u issa li kien riesaq iż-żmien għall-elezzjoni tal-1971 kien jeħtieġ iżjed il-bżonn li l-messaġġ ikun wieħed qawwi.  Iż-żewġ ġurnali ta’ kuljum li kienu joħorġu dak iż-żmien, The Times of Malta u l-orizzont ma kinux iwasslu l-messaġġ tal-PN, u għalhekk kien iktar importanti li din il-gazzetta twassal il-messaġġ b’qawwa.

Il-bżonn tal-ġurnal ta’ kuljum sar indispensabbli

Kien stabbilit li In-Nazzjon Tagħna jibda joħroġ mill-1 ta’ Lulju 1970.  Skont Ugo Mifsud Bonnici, l-isem oriġina mix-xewqa tal-Kap tal-Partit, Ġorġ Borg Olivier.  Kien deċiż ukoll li jien ningħata l-kariga ta’ editur, responsabbiltà kbira li ma kontx qed nistenna.  Ugo Mifsud Bonnici offra li jikteb l-editorjali, u dam jagħmel dan għal diversi snin.  Eventwalment kienu jiktbu l-editorjali wkoll Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, George Bonello du Puis, Joseph Fenech u Victor Ragonesi.

Il-ħidma tiegħi, bl-għajnuna tal-ħaddiema kollha sħabi ma kinitx faċli, l-iktar minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza li kellna.  Ir-rapporti u l-editorjali kienu jwasslu sa tard filgħaxija, u għall-ewwel xhur, in-night editors kienu jtemmu ħidmiethom sas-sigħat bikrin tal-għada filgħodu.  Ilkoll kemm aħna konna determinati u konvinti minn dak li konna qegħdin nagħmlu, għax kellna magħna s-sostenn tal-Partit imsejjes fil-prinċipji demokristjani li jħaddan.

Il-problemi amministrattivi kienu jitwieldu kuljum u n-nuqqas ta’ finanzi li kellu  l-Partit qatt ma kienu żgħar.  Partit, li għalkemm għamel snin twal fit-tmexxija tal-pajjiż, qatt ma stagħna, qatt m’approfitta ruħu mill-pożizzjoni li kellu.

Kellna nuqqas ta’ karta, ta’ linka, kif ukoll l-inkwiet kif kienu ser jitħallsu l-ħaddiema fl-aħħar tax-xahar.  Minkejja dawn il-problemi, is-salarji qatt ma naqsu.

Jien kelli wkoll responsabbiltà tal-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-istamperija, bil-problemi kollha.  Kellhom jgħaddu s-snin biex jinħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit full-time għat-tmexxija tal-istamperija u tal-Partit.  Finalment, ma’ Paul Spiteri, li kien imexxi ‘l-ħaddiema industrijali tal-istamperija u l-accountant, konna nippruvaw insolvu dawn il-problemi, s’intendi bil-pariri u l-konsultazzjoni kontinwa ma’ Carmelo Caruana, Ugo Mifsud Bonnici, u aktar tard ma’ Eddie Fenech Adami, George Bonello du Puis u Joe Fenech.  Dawn, min ħin u min ieħor, kienu jiġu l-istamperija, proprju fl-uffiċċju tiegħi u jistaqsuni dwar xi problemi li kien ikollna.

B’mod partikolari, Ugo Mifsud Bonnici, ta’ kuljum, kmieni waranofsinhar kien isejħilna biex jaġġornana dwar l-aħbarijiet kurrenti u ġeli wkoll kien joqgħod jikteb l-editorjal u jgħaddihuli.  Bħalu, eventwalment kienu jagħmlu Eddie Fenech Adami, Guido de Marco, George Bonello du Puis u Joseph Fenech.

Ftit xhur wara konna resqin lejn l-elezzjoni tal-1971 u ridna nwasslu l-messaġġ tagħna b’iktar qawwa u saħħa, u d-doża politika żdiedet sewwa.  L-ewwel xhur u snin ma kinux faċli, l-aktar wara li l-MLP rebaħ l-elezzjoni.

Kellna s-sostenn tal-qarrejja u tal-mexxejja tal-Partit.  Iżda minkejja d-diffikultajiet kollha, aħna bqajna hemm. 

L-attakki vjolenti fuq l-istamperija, mandat ta’ qbid mill-Bank, għexieren ta’ libelli – dawn ma qatgħulniex qalbna u bl-għajnuna ta’ sħabi l-impjegati, In-Nazzjon baqa’ sejjer tajjeb u dejjem wassalna l-messaġġ.

Insemmi ġrajja li baqgħet tissemma u li l-mexxejja tal-Partit u lili, bħala editur tal-gazzetta, inkwetatna mhux ftit.  Ridt noqgħod b’seba’ għajnejn li r-rappurtaġġ li se jidher fil-gazzetta tal-għada jkun fidil kemm jista’ jkun.  Il-mexxejja tal-Partit, u partikolarment Dr Ugo, riedu jkunu żguri mir-rapporti fidili tal-gazzetta.

Fl-1980 inħtart editur ta’ Il-Mument, u għalkemm ir-responsabbiltà politika baqgħet l-istess, almenu l-uġigħ ta’ ras kien inqas għax kienet gazzetta ta’ darba fil-ġimgħa.

Kienet waslet l-elezzjoni tal-1981 u r-riżultat ħoloq anomalija, fis-sens li l-PN kien kiseb l-akbar ammont ta’ voti, iktar minn 4,000 vot iżjed mill-MLP, iżda kellu tlett siġġijiet, tliet deputati inqas.  Tul dawn ix-xhur, il-vjolenza politika kienet fl-aqwa tagħha, fosthom l-inċident tat-2 ta’ Novembru f’Ħaż-Żebbuġ, meta waqt dimostrazzjoni taż-żgħażagħ tal-MLP, dawn ġibdu lejn il-każin tal-PN fil-pjazza tar-raħal, ħarqu xi karozzi u ppruvaw jiżgassaw il-bieb tal-każin tal-PN.  Meta kien jidher li l-folla Laburista kienet se tisfronda l-bieb ta’ barra, partitarji Nazzjonalisti, minn fuq il-bejt tal-każin imbuttaw xi balavostri tal-bejt lejn id-dimostranti li wħud sfaw midruba.

L-għada, 17-il partitarju Nazzjonalista ġew arrestati u tressqu l-Qorti, iżda l-Qorti illiberat lill-partitarji Nazzjonalisti.  Il-Qorti kienet qalet li flok il-pulizija użat il-gass tad-dmugħ lejn il-partitarji Laburisti, għax l-intenzjoni ta’ dawn kienet waħda ċara, użat il-gass tad-dmugħ fuq partitarji Nazzjonalisti.

Bqajt f’din il-kariga sal-1989, meta l-Partit ħoloq Dar tal-Pubblikazzjonijiet u kont intagħżilt biex immexxi din il-fergħa l-ġdida.

Nittama li wara dawn il-50 sena, il-gazzetti tagħna jibqgħu jwasslu l-messaġġ demokratiku b’risq pajjiżna.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...