5.11.20

Okkażjoni u opportunità unika.

 

 

1.       Tul din il-ġimgħa, kif kien mistenni, id-dibattitu dar f’dożi ikbar mal-miżuri li l-Gvern qiegħed jipproponi fil-budget.  Dak li fih huwa minnu nnifsu interessanti, u jindika wkoll fejn u kif irid jasal.  Mhuwiex wieħed ‘normali’: huwa proġettat sabiex iħalli l-id miftuħa għall-elezzjoni ġenerali.  Is-sena li ġejja ser tkun ir-raba’ waħda f’din it-tieni leġislatura.  Waħda li minnha, b’xi mod u għal raġunijiet varji, il-Gvern Laburista fit-tieni verżjoni tiegħu, baqa’ ħaj.  Irnexxilu.  Iċ-ċirkustanzi li żviluppaw minn Novembru li għadda sallum ġiebu li ġiebu.  Tul dawn ix-xhur minn meta laħaq Prim Ministru Robert Abela, ittieħdet linja partikolari.  Prinċipalment sabiex tnaddaf u tindirizza l-problemi li ħalla l-ewwel verżjoni f’ħoġru.

 

Riħ li jidher kuntrarju

 

2.   Fil-kumplikazzjonijiet ulterjuri li qamu bil-pandemija żviluppat sitwazzjoni iktar differenti.  F’sitwazzjonijiet ta’ theddida nazzjonali, il-poplu ma jabbandunax il-Gvern imma jtenni li jsegwih.  Mhux biss, imma dak li kien mistenni li ser iżid fid-doża fir-rigward tal-komportament ta’ numru ta’ persuni fil-poter spiċċa ntilef.  Ħafna semgħu li ser ikun hemm ħafna konsegwenzi, però meta tara sewwa tinduna li dawn ma seħħewx fil-grad li ġew ipproġettati.  Anzi, fid-dell tagħhom kien hemm min rikeb u biddel proprju bi skuża ta’ ħaddieħor.  Dak li ma setax jiġi konfrontat direttament sar b’toroq oħra.  Il-pressjoni interna, anki jekk mhux imsemmija hemm kienet, u hemm għadha.  Illum, għalhekk, ix-xenarju politiku jista’ jkun ferm iktar favorevoli għall-Gvern minn dak li huwa stess kien qatt jimmaġina.  Kellu wkoll għajnuna differenti minn irkejjen varji.  Ir-riħ qawwi ma waqqax, imma setgħa għen biex isiru ċerti tibdiliet.

 

Mossi strateġiċi

 

3.   Fid-dell qawwi u skur tal-budget rajna wkoll il-ħatra ta’ żewġ membri parlamentari ġodda fuq in-naħa tal-Gvern.  M’għandhomx, f’dan ix-xenarju, jiġu ċertament injorati dawn il-mossi.  Iż-żewġ persuni li ssejħu jidħlu juru abbiltà u flessibiltà, flimkien ma’ dożi qawwija ta’ lealtà.  Juru dan għax bihom hemm l-arja tal-bidliet li l-elettorat Laburista beda jippretendi wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru.  Sija Dr Miriam Dalli u Clyde Caruana ma jistgħux jiġu deklassati jew jiġu mqegħda bħala parti minn xi paraventu temporanju.  Hemm kalkolu u pożizzjonijiet diġà maqbula minn qabel.  F’wieħed jidher ċar kristall; fl-oħra iktar kumplikata.  Hemm, flimkien ma’ dan ukoll, is-sinjal taż-żminijiet attwali u li ġejjin, li qed ikomplu jimbuttaw.  Is-sinjali li f’elezzjoni ġenerali oħra, min kien dubjuż, min waqa’ fuqu xi suspett intern jew estern għandu jew iwarrab hu inkella jitwarrab mid-direzzjoni elettorali li l-partit jaf jibgħat tant tajjeb.

 

Liġijiet

 

4.   Ma’ dan hemm ukoll numru ta’ liġijiet li qegħdin jitressqu iktar ‘il quddiem minn oħrajn.  Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, il-bidliet kostituzzjonali li tul dawn l-aħħar seba’ snin qamu b’neċessità ta’ awto-leżjoni qed jiġu ndirizzati.  Il-kwistjonijiet marbuta mat-tessut u valur demokratiku tal-pajjiż, flimkien ma’ punti marbuta mas-saltna tad-dritt qegħdin jidhru li qed jiġu magħluqa.  Kemm tajjeb, dik ħaġa oħra.  Imma hemm ċertament il-messaġġ li l-Gvern taħt il-Prim Ministru attwali qiegħed ineħħihom minn fuq l-aġenda politika.  Jekk fl-aħħar elezzjoni ġenerali kienu prijorità u ddominaw, dawn ma tantx ser ikunu għadhom iktar rilevanti.  Jekk in-Napuljun tilef il-battalja u jinsab eżiljat, daħlu lura l-ideat tar-rejiet Burbuni.  Għalhekk jidher li jista’ jkun il-każ li minflok ser jiġu stabbiliti aġendi u linji ta’ prijorità politika differenti.

 

Familja, ħajja u solidarjetà

 

5.   F’soċjetà fejn bdiet toħroġ iktar forma varja ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara, ħafna minnha mwielda minn ideat tal-Gvern Laburista Muscat, issa jista’ jkun hemm ċaqliq differenti.  Il-Gvern qiegħed jersaq lura lejn pożizzjonijiet li għandhom l-appoġġ ikbar tal-poplu.  Mingħajr kontroversji żejda jew inutili.  Għax tul is-sekli, il-prinċipji etiċi Nsara sarrfu f’ħidma politika li tħares: l-ewwel li tipproteġi ‘l-familja, it-tieni li tiddefendi l-ħajja mill-bidu sat-tmiem tagħha, it-tielet li żżid id-dożi ta’ solidarjetà, ta’ ġustizzja soċjali ta’ stat li jaħseb iktar għal min huwa ‘l isfel u r-raba’ ta’ paċi soċjali fis-sigurtà.  Fuq dan, anke jekk mhux espressament indikati, jidher iktar ċar li l-budget irid jibgħat il-messaġġ li huwa indirizzat.  Ma hemmx aġendi differenti u passati.  Hemm, anzi, li dak li kien hemm fil-passat, anki fit-tajjeb ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, ser jibqa’ għaddej għaż-żmien li ġej.  Ser jibqa’ għaddej sakemm issir elezzjoni ġenerali oħra.

 

Il-Caritas

 

6.   Dak li diversi qed iħossu f’dan kollu ngħad iktar ċar mid-Direttur Ġenerali tal-Caritas, is-Sur Anthony Gatt.  F’kummenti lill-gazzetta The Malta Independent jgħid hekk: “strong social foundations” u “unclear road map past march”.  Għandu raġun.  Fis-sitwazzjoni li l-pandemija ġiebet, b’ekonomija li għandha ħafna setturi batuti, fejn il-klassi tal-ħaddiem u dawk li huma fil-faqar qed ibatu, hemm bżonn miżuri li jkabbru l-pakkett soċjali.  Dan kien mistenni, u f’ħafna sens, mingħajr alternattiva.  Però huwa daqshekk ieħor ċar li dawn il-miżuri ser japplikaw sa Marzu li ġej, għal raġunijiet varji.  Mhux mistenni, għalkemm ċertament nittamaw: l-ewwel, li din il-pandemija tieqaf qabel jew, it-tieni, li jkollna l-vaċċin għaliha.  Il-pożizzjoni soċjali u ekonomika ser taggrava.

 

Dak li ġej?

 

7.   F’dan kollu, il-loġika politika tindika aktar li fil-bidliet ġenerali u strateġiċi li għaddejjin ser ikun hemm iktar il-possibilità ta’ appuntament elettorali.  Jekk il-Gvern ma jkunx jista’ jkampa fin-nifs li sa issa għandu, f’Marzu li ġej irid ikun hemm bidliet.  Jekk jidħlux taxxi, jekk jinbidlux ċerti pakketti finanzjarji, jekk jonqsux il-benefiċċji, dan wieħed irid jarah f’dak li ġej.  Biss, huwa ċar li t-triq ta’ dan il-Gvern, biex nibqgħu fit-tema tar-‘road map’, hija markata u indikata minn issa.  L-ideat ġodda tiegħu qed jieqfu.  Il-mewġa u l-ispazju għal forom ġodda ta’ progress qed jingħalqu.  Fix-xhur li ġejjin ser naraw iktar u iktar x’ser iseħħ.  Ċertament, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jifhem dak li għaddej u jieħu l-passi t-tajba.  Proprju għalhekk li fil-bidla hemm bżonn, dak li ġej huwa okkażjoni u opportunità unika.

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...