22.11.20

IL-KALKARA – TRIQ IL-KAPPUĊINI – TISWIJIET U XOGĦOL

17189. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm damet sabiex issir Triq il-Kapuċċini fil-Kalkara fit-tiswijiet u xogħol li sarilha?

 

09/11/2020

 

  ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.

 

Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.

 

It-triq indikata hija fost 120 triq residenzjali li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid fl-2020. Ix-xogħlijiet fiha bdew aktar kmieni din is-sena u tlestew fil-jiem li għaddew. Billi t-triq hija twila mhux ħażin, madwar 600 metru minn ħdejn il-Kappella ta’ Santa Barbara u tasal sax-xatt tal-Kalkara, ix-xogħlijiet kienu estensivi u saru f’żewġ fażijiet.

 

F’din it-triq ġew mgħoddijin minn taħt l-art aktar minn kilometru f’servizzi tal-ilma, telekomunikazzjoni u drenaġġ. Saru wkoll bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq li jġibu l-istess tul, tisħiħ tal-pedamenti tat-triq u wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. 

 

Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

 

Seduta  400

16/11/2020

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...