22.11.20

Aġir li ma nistgħux naċċettaw

 

 

1.     Dawn l-aħħar ġimgħat, konna iktar viċin ta’ żewġ stati partikolari fi ħdan il-familja tal-Unjoni Ewropea.  L-attakki li rajna f’Nizza, Lyon u Vjenna ressquna hemm magħhom.  Mhuwiex, u ma jista’ qatt ikun aċċettabbli aġir li jmur kontra d-dinjità umana.  Ma jistax jiġi aċċettat li ċittadini jiġu attakkati u jinqatlu b’dan il-mod.  Kiesaħ u biered f’isem kawża żbaljata.  Daqshekk ieħor ma naċċettawx li ebda reliġjon ma tista’, b’xi mod, tiġi abbużata fil-messaġġ tagħha.  Mhuwiex aċċettabbli li xi ħadd jipprova jagħti sens tajjeb lil azzjoni ħażina.  Dak li huwa żbaljat, hekk jibqa’.  Minnu ma jitwildux kawżi ġusti, anqas ma jagħtu xi forma ta’ frott.  Is-sikrana hekk tibqa’: ma tinbidilx, anke jekk ħafna jilludu ruħhom fuq dan.

 

Franza u l-Awstrija

 

2.     L-omiċidju ta’ ċittadini Ewropej fiż-żewġ stati ma hemmx, għalhekk, dubju dwarhom, u huwa kundannabbli.  Fl-istess ħin ukoll, jinfetaħ iktar il-punt għal kull persuna li ebda stat ma huwa eżenti minn sitwazzjoni simili.  Ebda belt, poplu, ma jista’ jserraħ rasu li r-radikaliżmu Iżlamiku ma jistax jopera u jaġixxi.  Ħadd ma huwa eżenti, u proprju għalhekk li rridu nkunu iktar attenti.  Attenti f’dak li qed iseħħ, u fl-istess ħin ma naċċettawx li aħna protetti tant li ma jista’ jiġrilna xejn.  F’dan, għalhekk, ħassejtni viċin ħafna ma’ ħutna li jgħixu f’dawn iż-żewġ pajjiżi importanti u ħbieb tagħna.  Mit-tnejn rajna l-ġid, u magħhom bnejna ħidma qawwija bilaterali, stat ma’ stat, u dak li jikber fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Anzi, riċentement, nhar is-26 ta’ Ottubru, fraħna mal-Awstrijaċi fil-65 anniversarju mit-twaqqif ta’ dan l-istat indipendenti u newtrali.  Dan huwa pajjiż li flimkien miegħu naqsmu politika ta’ newtralità.  Waħda favur il-paċi, id-diżarmament ma’ ħutna oħra fl-Unjoni, anke jekk uħud huma membri ta’ allejanzi militari.

 

Lezzjoni ulterjuri

 

3.     Anqas il-fatt li aħna fi stat ta’ pandemija ma hemm xi skuża, xi ħajt ta’ kenn f’dan.  Għandna, minflok, nifhmu li l-istati jridu jkomplu jifhmu iktar kemm iċ-ċittadini tagħna ħaqqhom għajnuna, u fl-istess waqt, l-ogħla livell ta’ sigurtà possibbli.  Mhux faċli, imma ċertament ma hemmx raġunijiet biex, b’xi mod, noqogħdu passi lura.  Il-bliet milquta, Nizza, Lyon u Vjenna, ilkoll huma popolati sew.  B’taħlitiet varji ta’ bnedmin.  Biss, f’dak li sar, iċ-ċittadini daru lejn min għandu r-responsabbiltà, jitolbu rendikont.  Għax kull persuna umana għandha d-dritt li tippretendi li tista’ tgħix f’ħajja normali.  Kull persuna taf u tesiġi li stat għandu dmir pożittiv lejha fuq dan.  Wieħed li huwa mwieled mil-liġijiet varji li bnejna, imma prinċipalment għax nemmnu lkoll li kull bniedem għandu drittijiet fundamentali li jitwieled bihom, li huma tiegħu, u mhux jingħataw mill-istat.

 

Proprju Vjenna

 

4.     Vjenna hija belt li fiha hemm ukoll aspetti oħra.  Mhux biss ġiet ivvutata, sena wara sena għal dawn l-aħħar għaxar snin bħala l-aqwa belt, imma hemm aktar.  Hija ċentru ta’ organizzazzjonijiet importanti ħafna fil-ħajja tagħha.  Fosthom hemm dawk magħrufa bħala UNIDO, IAEA, CTBTO u l-OSKE.  Hemm qalba ta’ ħidma li ma nistgħux ninjoraw.  Waħda li tgħolli iktar l-importanza, u fl-istess ħin il-bżonn li tiġi difiża sew.

 

Passi għas-sewwa

 

5.     L-Unjoni Ewropea, fortunatament, għamlet ħafna passi ‘l quddiem f’dan.  Proprju għalhekk li għandna nkunu magħquda fil-bżonn li nassiguraw dejjem iktar attenzjoni u li nsostnu programmi, proġetti u liġijiet li jikkuntrastaw din l-isfida.  It-terroriżmu huwa preżenti u ser jibqa’ jkun, u dan f’kull ċirkostanza.  Dan huwa aġir li ma jista’ qatt ikun aċċettabbli, u proprju għalhekk li għandna nkunu viġilanti sabiex nikkumbattu għas-sewwa u l-ġid ta’ dan il-poplu tagħna.

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...