29.11.20

Mhux b’kumbinazzjoni.

 

 

1.     Partit, minnu nnifsu, huwa ġabra ta’ bnedmin.  Meta jibda, jew inkella tul iż-żmien, xi ħadd jaħseb li l-partit huwa proprjetà tiegħu jkun qiegħed idaħħal lili nnifsu fi sqaq.  Il-partit li jkun rilevanti, u li jkollu s-saħħa elettorali tiegħu, huwa frott ta’ numru ta’ fatturi.  L-abbiltà li jifhem, l-ewwel dak li għaddej fi ħdanu, u wara, fis-soċjetà.

 

Proċess

 

2.     Hemm proċess fl-arti li jifhem il-persuni li huma fi ħdanu.  Kif iħajjarhom ikomplu jkunu parti, u kif japprezza l-ħidma, it-talenti, il-ħsibijiet tagħhom.  Kif jagħraf iġib diskussjoni interna li minnha ma jkunx hemm impożizzjoni, imma konverġenza.  Proċess li fih taċċetta dak li għandek, u taħdem bih.  Il-komponenti huma mħallta.  Bejn dawk li jirrappreżentaw il-vuċi interna tal-partit u dawk li jirrappreżentaw dik esterna, tal-poplu.

 

Tapprezza li għandek       

 

3.     Partit irid japprezza dak li għandu, u mhux joqgħod jittama jew jixxennaq għal dak li ma jkollux.  Il-politika, kif tibda tkun teknokratika jew elitista titlef, u taqa’ f’din in-nassa.  Il-bnedmin eletti u attivi fi ħdanu jkunu hekk għal numru ta’ raġunijiet.  Mhux b’kumbinazzjoni, imma lkoll bir-raġunijiet partikolari tagħhom.  Il-poplu jagħżel li jiġi rappreżentat minn dawk li jaf għal diversi elementi, imma b’għażla.

 

Jiġu mbuttati

 

4.     L-istess jgħodd għal dawk li jitressqu u jiġu mbuttati ‘l quddiem, imma li l-elettorat ma jkunx irid.  Hemm xorta dak il-proċess.  Mhix kwistjoni ta’ żbilanċ, jew nuqqas ta’ għerf fil-votant.  Hija, minflok, il-bilanċ, l-ordni naturali li d-demokrazija tibni u tagħti.  Iktar u iktar fi gżira bħal tagħna, fejn il-bnedmin jiġu apprezzati jew le għax huma fatturi magħrufa.

 

Disprezz elitista

 

5.     Dawn il-lezzjonijiet, tul dawn il-ġimgħat, qed narawhom abbandunati mill-Partit Laburista fil-Gvern.  Daħlet iktar f’dan fi ħdanu li għandu bżonn imur lejn iktar teknokrazija.  Fejn huwa l-mexxej li jagħżel lir-rappreżentanti għall-elettorat, u mhux il-kontra.  F’dan hemm aġir anti-demokratiku, u dan għax anke jekk min imexxi m’għandux grazzja ma’ deputat jew ieħor, xorta għandu jara kif jaħdem ma’ min ġie elett miegħu.

 

Lezzjonijiet

 

6.     Hemm lezzjonijiet varji, ġejin mill-passat, li jgħallmu fuq dan.  Għax hemm dawk li juru li jafu ħafna li iżda, quddiem il-problemi tal-Istat, ifallu.  U hemm dawk li jiġu skartati minn oħrajn u li, fil-mument tal-prova, juru l-abbiltà tagħhom.  Għax kull bniedem fih it-tajjeb, u jekk għażlu l-poplu f’elezzjoni, ċertament li dawn il-kwalitajiet ġew mgħarfa minnu.

 

Fuq u isfel

 

7.     It-tibdil fil-ministri li rajna tul dawn il-jiem jikkonferma iktar proprju dan kollu.  Persuni ġew imċaqilqa b’raġuni, oħrajn bla ebda waħda.  Oħrajn iddaħħlu minn barra, u jidher li ngħataw saħħa politika iktar minn dawk li kienu diġà ġewwa.  Oħrajn twarrbu fil-kantuniera tal-Kabinett, bil-messaġġ ċar ħafna li ma tantx huma wisq apprezzati.  Inħolqu ministeri li ma konniex smajna bihom, u li anqas għandhom dipartimenti taħthom.

 

Ma kienx hemm għalfejn

 

8.     Saru passi li ma rajniex bħalhom, li ma kellhomx għalfejn isiru, u li ċertament kien ikun aħjar li kieku ma sarux, sija għall-pajjiż tagħna, kif ukoll għall-persuni nvoluti.  Fil-politika, min imexxi jaħseb li jkollu ħafna saħħa; minflok, ikun dgħajjef u miftuħ għall-attakk.  L-agħar għalih huwa dejjem li meta jkun umilja bnedmin dawn ma tantx, wara, jaħfrulek dak li tkun wettaqt magħhom.

 

Il-bażi u t-tmexxija

 

9.     Jidher iktar ċar li għalkemm il-bażi tal-partit għadha l-istess, il-membri tal-Partit Laburista għadhom jaħsbu u jirreaġixxu fir-rispett ġenerali tal-esperjenza u l-istorja politika passata.  Imma t-tmexxija issa qegħda turi iktar ċar li nqatgħet.  Min qiegħed jagħti dawn il-pariri żbaljati, ma nafux.  Iżda huwa evidenti li telqet għal rasha, u dak li qed tibgħat lura mal-elettorat mhuwiex proprju jiġi apprezzat.  Hemm għerf, appartenenza komuni ta’ ideat u ħidmiet li qed jiġu skartati, u hemm min qed jipprova wkoll jassigura li jiġu mibdula.  Proċess li jagħmel mill-partit dak li mhuwiex.

 

Ebda gratitudni

 

10.   Dak li seħħ fil-passat mhuwiex iktar apprezzat.  Dawk li ħadmu għal snin b’impenn jafu li hemm riħ differenti għaddej.  Il-partit imexxi pajjiż jekk jirrispetta l-komponenti sħaħ fi ħdanu.  Meta dan ma jwettqux u jibda jaqta’ barra wħud, iċekken oħrajn u jagħti vuċi iktar milli għandu lil ta’ madwaru, ikun fil-fatt għażel triq diffiċli għalih innifsu.

 

Għad irridu naraw

 

11.   Ċertament, bil-kumplikazzjonijiet li daħħal lili nnifsu fihom, ta’ qablu ma kienx iwettaq dan.  Kien iktar attent għar-relazzjonijiet u reazzjonijiet umani.  Għalhekk kellu, u għad għandu, saħħa u popolarità.  Għax, kif nafu, fil-politika r-reazzjonijiet għall-azzjonijiet jiġu mhux mill-ewwel; idumu jinħmew, u kull kap jiġi fil-liwja.  Fix-xhur li ġejjin, din il-qasma maħluqa ser tibda tidher.

 

Il-bniedem jibqa’ l-bniedem

 

12.   In-nies attivi fil-politika ma jinbidlux.  Il-ġlied tallum jibqa’ dak ta’ għada.  Il-feriti jinfetħu ġewwa ħdan partit, u diffiċli biex ifiqu.  Għalhekk, ikun għaqli li dak li seħħ f’dan it-tibdil fil-Kabinett, m’għandux jiġi imitat jew ripetut minn oħrajn.  Iktar u iktar jekk dak li qiegħed jieħu l-forma huwa reazzjoni għall-passat.  Għax il-bniedem jibqa’ dak li huwa, u proprju għalhekk li xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...