22.11.20

Nitħażżmu.


 

1.     Tul dawn il-jiem għalaqna l-kapitoli tat-tiġdid tal-istatut tal-Partit.  Mertu tal-ħidma li saret b’attenzjoni u mingħajr għaġġla, imma bi preparazzjoni għal dak li ġej, wasalna.  Il-viżjoni ta’ Dr Louis Galea u l-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, sarrfet f’ideat ġodda.  Ingħataw suriet ġodda f’partit li baqa’ jservi bil-mod u bil-ħsibijiet tiegħu.  Dan kien pass ieħor ta’ riforma.  Wieħed li jseħħ numru ta’ drabi meta l-partit ikun fl-Oppożizzjoni, jirrifletti lura lejn dak li seħħ u dak li jrid jifforma ruħu għal dak li ser jiġi.  Seħħ tul Eddie Fenech Adami.  Seħħ taħt Lawrence Gonzi.  Seħħ taħt Simon Busuttil.

 

Nimxu ‘l quddiem

 

2.     Il-Partit irid ikompli jaġġorna ruħu.  Iż-żminijiet jinbidlu.  Magħhom ukoll jieħdu forom oħra l-ambjenti soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi.  Ħadd ma jista’ jkollu l-ardir jimmaġina li fl-istatut ta’ partit jinsab l-istat tal-perfezzjoni.  Ħadd ma jista’ joqgħod lura milli jipprova jċaċlaq ‘il quddiem.  Jiftaħ iktar.  Jiżviluppa, anzi, fejn qabel ma kienx hemm ħidma.  Dan huwa xogħolna.  Dan huwa parti essenzjali biex nifhmu iktar il-poplu.  Mhux biss, imma l-iktar sabiex ikun hemm ferm iktar spazju għal min irid jieħu sehem fil-ħajja politika.

 

Mhux f’idejna

 

3.     Mill-Oppożizzjoni dan huwa dmirna.  Nippreparaw b’umiltà u b’attenzjoni.  Nanalizzaw u napprezzaw dak li għaddej.  Fl-istess ħin nieħdu sehem billi nintervjenu fl-ispazju li l-pajjiż jagħtina biex insemmgħu l-vuċi tal-opinjoni tagħna.  Aħna wkoll, b’rasna baxxuta, irridu nifhmu li mhux kull ma ngħidu huwa neċessarjament korrett.  Aħna wkoll irridu nifhmu li aħna fit-triq.  Sabiex minn fejn nibdew b’punt fl-ideat inkunu kapaċi nimxu biex nibdluhom.  Ħadd ma jaqtagħhom mill-ewwel.  Trid timxi biex tifhem.  Triq taħseb fis-silenzju, u wara fid-djalogu politiku biex tbaskat aħjar dak li taħseb, tgħid u finalment tipproponi.

 

Min seta’ bassar?

 

4.     Ninsabu f’mewġa qawwija ta’ bidla politika mingħajr ma aħna neċessarjament qegħdin nindunaw.  Jekk, kif rajna, kien hemm minn żamm tsunami fil-pandemija, dan ma jistax jingħad li qiegħed jinżamm fil-kuriduri tal-poter.  Ħadd ma seta, fir-realtà umana tagħna, ibassar dak li qegħdin, jum wara jum, naraw iseħħ quddiemna.  Tul din il-ġimgħa missejna iktar b’idejna fil-fond tal-qiegħ li fihom, sfortunatament, jinsabu l-affarijiet fil-Partit Laburista.  Minn Novembru li għadda beda proċess f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel: it-tmiem, biċċa biċċa, tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.  It-tieni, dak iktar iebes, li tipprova tibda tnaddaf dak li tħammeġ.

 

Il Picconatore

 

5.     Ħadd ma kien jimmaġina dak li għadna qegħdin naraw iseħħ.  Spiċċa Gvern sħiħ, li kien tant b’saħħtu, li ħadd ma kien ibassar li ser, b’xi mod, jaqa’.  Illum bdejna nisimgħu fuq il-korruzzjoni, fuq il-qarnita mafjuża minn ġewwa l-istess partit.  Il-Baqqunier Mellieħi, b’kuraġġ u b’lealtà lejn il-verità stqarr dan pubblikament.  Stqarru tul dawn l-aħħar xhur, dejjem għal min irid jisma’.  Issa, almenu, għandu il-konfort li hemm ammissjoni ċara tal-Eżekuttiv tal-Partit.  Waħda li min irid jaħdem għas-sewwa jrid jibda jipprova jġib lilu nnifsu, u lil dawk ta’ madwaru, jibdew minnha.  Għax f’dan kollu hemm ġlieda iktar iebsa.  Dik li tipprova tfiehem u tikkonvinċi kontra ż-żerriegħa l-ħażina li nżergħet u li l-pożizzjoni hija gravi ħafna.  Min qed jaħdem għas-sewwa fi ħdan il-Partit Laburista jaf li l-problema prinċipali hija dik li twassal lit-tesserat tiegħu li l-verità hija li saru dnubiet mortali.

 

Biżżejjed u żżejjed diġà

 

6.     Dak li seħħ twettaq.  Jeżisti verament u mhux dipendenti fuq il-kelma ta’ politiku ta’ naħa jew oħra.  Għax il-verità, b’attenzjoni u b’karità, trid tingħad, u trid ukoll tinfired mis-simpatija jew antipatija lejn dik il-persuna li tkun qegħda tgħidha.  Dan huwa proċess li jrid isir sabiex is-sewwa jseħħ.  Din hija t-triq li rridu naqbdu, biex nifhmu aħjar dak li ġara u dak li għandu jsir biex ma jirrepetix ruħu.  F’dan kollu jista’ jkun il-każ li ser nibqgħu naraw lill-Partit Laburista u ‘l-pajjiżna jiġu mċappsa b’iktar żejt iswed.  Jista’ jkun li jkun hemm iktar, imma dak li għandna huwa diġà biżżejjed, anzi żżejjed.

 

Attenzjoni

 

7.     Dak li seħħ huwa ċertament skandaluż.  Però f’dan, il-ħidma politika trid issir b’iktar attenzjoni.  Dan huwa mument mill-iktar delikat, li jitlob tattika ġusta.  Iktar ħsieb u riflessjoni fuq il-konsegwenzi li kliemna u ħidmietna jsarrfu.  Iktar riċerka tal-verità li tingħad oġġettivament u tiġi reġistrata hekk.  Iktar prudenza sabiex dak li jseħħ isir mhux biex joħloq paraventi, skużi, rifuġji għal min huwa l-id moħbija, li wara jispiċċa jiżgiċċa.  Iktar għaqal, kalma fil-ħidma interna tagħna sabiex il-passi tagħna jħarsu fit-tul, u mhux f’xi forma ta’ “suċċess” temporanju.  Direzzjoni ċara u li titlob irżin, u mhux ġiri żbaljat.

 

Dmirna

 

8.     Ir-responsabbiltà fuqna fl-Oppożizzjoni hija mhux nieqsa mill-piż.  Dak li seħħ f’dawn ix-xhur jistgħu jindikaw fejn ser ikompli sejjer pajjiżna.  Imma nifhmu dak li qegħdin naffrontaw.  Għax nafu li qarnita normali hija ratba, imma għandha swaba li jafu jinbarmu, jiġbdu u jeħlu sew ma’ fejn jaqbdu.  Mhux biss, imma bħalma għandek qarnit tal-blat, għandek ukoll tal-ħama.  U terġa’, tista’ taqtagħlha saba’, imma xorta għandha oħrajn li jistgħu jikbrulha.  Dan jgħodd għal dawk “normali”, imma meta jkunu “mafjużi” l-pożizzjoni tkun gravissima.  Proprju għalhekk li f’dan il-mument għandna nifhmu sew dmirna.  Nifhmu li aktar milli nikkonċentraw fuq li ngħajtu dwar il-preżenza tagħha, għandna niddedikaw iktar ħin biex naħdmu biex nibnu programm nazzjonali għall-qirda ta’ din l-ispeċi li ħaqqha tmur fl-estinzjoni.  Għandna proprju, għalhekk, nitħażżmu għal dak li ġej fuqna.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...