5.11.20

Ġimgħa li taf tkun kruċjali.

 

 

1.     Matul il-ġimgħa li għaddiet ħallejna warajna anniversarju importanti.  Fid-29 ta’ Ottubru 2004, sittax-il sena ilu, ġie ffirmat dokument importanti fl-istorja Ewropea li nforsi nsejna, imma li jimmerita li jitfakkar.  Pajjiża ffirma, ma’ stati oħra, u rratifika dak li huwa magħrufa bħala “Treaty establishing a Constitution for Europe”.  Minn hemm, fil-fatt, tkompla proċess li kien inbeda fl-1957 bit-Trattat ta’ Ruma.  Wieħed li wara għadda fil-fażijiet l-oħra bit-Trattat ta’ Maastricht, u l-Unjoni Ewropea iktar tard.  Bil-Kostituzzjoni li ġiet fil-milja taż-żmien fis-seħħ, il-kontinent Ewropew ħa ferm iktar saħħa politika u ekonomika.  Waħda li mhux kulħadd ħa pjaċir jew fehem il-portata tagħha.  Dan għax il-bażi legali li ġiet fis-seħħ tat iktar poteri u iktar mekkaniżmi tajba biex hi tkun tista’ taħdem u tasal għal deċiżjonijiet varji fejn f’dan ferm iktar politiċi u bnedmin ikunu nvoluti.

 

Dikjarazzjonijiet

 

2.     Dak li sar kien jipprevedi li ser ikun hemm għaqda li twassal lejn metodi ġodda li jsarrfu fis-sewwa u fit-tul.  Dak it-Trattat, fil-fatt, kien beda b’viżjoni fit-tul, b’numru ta’ dikjarazzjonijiet li fihom kien affermat dan kollu.  Niftakru li ngħad hekk: “Drawing inspiration from the cultural, religious and humanist inheritance of Europe from which we have developed the universal values of the inviolable and inalienable rights of the human person, freedom, democracy, equality and the rule of law.  Fejn tkellimna dwar it-toroq tagħna lejn iċ-ċiviltà Ewropea, il-progress u l-prosperità għall-ġid tal-bnedmin kollha.  Miri li ċertament ġid jagħmlu, u mhux deni.  Linji li jindikaw l-għarfien li hemm fi ħdan l-identitajiet nazzjonali u l-istorja, destin u futur komuni.  Dokument li fih innifsu huwa xhud tal-abbilta u l-kapaċità Ewropea.  Dik li tasal fejn ġenerazzjonijiet jew reġjuni oħra tad-dinja ma waslux.

 

Brexit fit-tmiem

 

3.     Dan kollu kellu d-daqqa tad-deċiżjoni li ġiet meħuda mir-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea kif stabbilita minn dan l-aħħar Trattat.  Biss, dak li kien jidher bħala sinjal ta’ dgħjufija qiegħed, biċċa biċċa jidher iktar li l-Unjoni qegħda, minflok, tissoda ruħha.  Imxiet ‘il quddiem, minkejja dan il-pass unilaterali.  Dan, l-ewwel, għax baqgħet għaddejja taħdem, tiltaqa’ u twieġeb għas-sejħiet popolari.  It-tieni, wieġbet tajjeb ħafna għad-diffikultajiet li l-pandemija ressqet, bi programm li ma kienx jintlaħaq minn ebda pajjiż membru waħdu.  It-tielet, għax il-proċess tat-tisħiħ politiku u ekonomiku tal-Unjoni ma waqafx iħares ‘il quddiem fit-tul.  Ir-raba’, għax l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha baqgħu jiffunzjonaw u jiddeċiedu pożizzjonijiet tajba.  Il-ħames, għax fl-isfida li ħareġ ir-Renju Unit biha, huwa l-istess Renju Unit li baqa’ jbati, jum wara jum, f’dak li jrid u f’dak li jista’ jasal mal-istess Unjoni Ewropea.

 

Mingħajr ftehim

 

4.     Minn dak li naraw, jidhru dejjem iktar il-kumplikazzjonijiet għal tali direzzjoni politika.  Il-pajjiż, għalkemm ivvota sabiex joħroġ u ta saħħa parlamentari qawwija lill-Partit Konservattiv immexxi minn Boris Johnson, qiegħed isib, iktar ma jidħol fil-fond u fid-dettall, intoppi.  Pajjiżna huwa f’dan ċertament interessat ħafna.  Id-dikjarazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ din il-ġimgħa twissi fuq dan.  Hija xiehda minnha nfisha.  Speċjalment jekk il-ħruġ isir mingħajr ftehim.  U għalhekk, fl-1 ta’ Jannar 2021 se jkun hemm impatti u sitwazzjonijiet li ma li ma jgħinux f’din it-transizzjoni.  Dawk ‘il bgħid mir-rapporti u issa mir-realtà.  F’ħafna mumenti, il-messaġġ jibqa’ ċar li dak il-pajjiż ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jista’, għada pitgħada jitħajjar u jidħol għal dan, ikollu triq diffiċli ħafna iktar xi jsib.  Jum wara jum, intoppi sal-aħħar.  Anki issa għax, l-ewwel, jidher ċar illum li ma jistax jintlaħaq ftehim, u dan għax l-istess House of Lords qegħdin jopponu għal numru ta’ klawsoli li jolqtu l-Irlanda ta’ Fuq u l-pakkett sħiħ li wassal għall-paċi.

 

Elezzjonijiet fl-Istati Uniti

 

5.     It-tieni: ma’ dan, u anki xprunati fuq dan, hemm l-elezzjoni tal-President tal-Istati Uniti tal-Amerika.  Għalkemm tidher li hija ‘l bgħid.  F’art li ma tmissniex.  Fil-fatt, sejra taffettwa sew il-politika barranija, u b’mod partikolari dik Ewropea.  Sa qabel ġie elett il-President Donald Trump, il-linja politika barranija ta’ dak il-pajjiż kbir kien favur Ewropa magħquda.  Favur Unjoni Ewropea li kapaċi tkun vuċi u piż determinanti fix-xenarju politiku internazzjonali.  Nafu b’diversi dikjarazzjonijiet u pożizzjonijiet. Biss, bl-elezzjoni tal-President attwali, dan inbidel.  Twieldet politika li hija kontra l-Unjoni, u waħda li tat saħħa lill-moviment Brexit.  Parti mill-piż fil-kalatura kien ġej mill-wegħda li wara l-ħruġ ser ikun hemm ftehim kummerċjali li jkun tant tajjeb li r-Renju Unit ser ikun jaqbillu.

 

Jista jkun hemm bidla

 

6.     F’dan, però, f’din l-elezzjoni presidenzjali jista’ jkun hemm bidla.  Dejjem jekk il-figuri ta min jista’, b’xi mod, joqgħod fuqhom, jidher li Joe Biden huwa l-ippreferut.  X’ser jiġri, ħadd ma jaf.  Imma huwa ċar li jekk ikun hemm il-bidla, ir-Renju Unit ser isib kumplikazzjoni aqwa.  Nafu li Biden għandu esperjenza tajba ħafna u twila fi kwistjonijiet ta’ politika barranija.  Barra minn dan, huwa dixxendent ta’ Kattoliċi Irlandiżi li ma jistħix jidentifika ruħu magħhom.  Wieħed li l-ftehim bejn l-Irlanda ta’ Fuq u ta’ Isfel huwa għal qalbu ħafna.  Mhux biss, imma hemm ukoll l-għarfien li l-proċess għall-climate change ħa daqqa ta’ ħarta taħt Trump, li hemm bżonn li wieħed jindirizza mill-ġdid.  Għalhekk, jekk ikun hemm bidla f’dan l-appuntament importanti ta’ din il-ġimgħa li ġejja, l-affarijiet jinbidlu.

 

L-Ewropa tibqa’ importanti

 

7.     Pajjiżna għandu jkollu l-politika barranija distinta tiegħu, imma ma jistax jibni waħda tajba jekk ma tkunx fil-mira li tissoda ‘l-Unjoni Ewropea.  Proprju għalhekk li nibqgħu ninsistu sabiex naraw proċess li jħares lejn iktar progressivament fit-tħaddin tal-valuri tagħna.  Tul din il-ġimgħa, il-Papa Franġisku tkellem fuq dan, u qal: “I dream of a Europe that is a family and a community, a Europe that is a friend to each and all, a Europe that is inclusive and generous.”  U jagħmel din id-dikjarazzjoni: “Europe, find yourself, and be yourself.”  Sejħiet mill-iktar tajba, iktar u iktar f’din li tista’ tagħraf tkun ġimgħa determinanti u kruċjali għalina.

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...