22.11.20

Kull vot jgħodd

 


 

1.     Nikteb waqt li l-għadd tal-voti għadu għaddej.  F’dan il-poplu tagħna, fejn il-voti ma jaqbżux in-nofs miljun, nafu li kull vot jgħodd.  Partit jew ieħor jikseb kunsill lokali fuq vot.  Deputat jew kunsillier jiġu eletti fuq vot wieħed uniku.  Proprju għalhekk li diversi kibru fil-politika fl-għarfien ta’ dan il-mekkaniżmu sempliċi u importanti għalina.  Biss, ma konniex naħsbu li ser ikun hekk ukoll f’soċjetajiet ferm ikbar minn tagħna.  Jum wara jum, tul din il-ġimgħa, f’xi ħin jew għal ħin twil, waqafna naraw liema stat u dan b’kemm voti ser imur finalment favur kandidat jew ieħor.  L-elezzjonijiet għall-President tal-Istati Uniti tal-Amerika dejjem huma interessanti, imma ta’ din id-darba huma barra mis-soltu.

 

Għala tivvota

 

2.     Meta tqis in-numri ssib li hemm miljuni kbar li marru u xeħtu l-vot tagħhom.  Għala vvutaw naħa jew oħra għad irridu nifhmu fid-dettalji li joħorġu iktar ‘il quddiem.  Biss, meta tara li Joe Biden, il-kandidat Demokratiku għandu fil-mument li nikteb 73,481,482 voti u dak Repubblikan, Donald Trump, 69,618,716 wieħed jista’ jibda jgħarbel.  Għal diversi raġunijiet, kull partit organizza ruħu tant li rnexxielu jġib diversi li qabel ma kinux biex jivvutaw għalih.  Uħud ħarġu biex iżommu lill-President attwali; oħrajn il-kontra, biex ineħħuh.  Il-vot Demokratiku ma kienx neċessarjament għax iridu ‘l-kandidat tagħhom, imma iktar dak li jaraw bħala n-neċessità li jneħħu ‘l dak attwali.  Dak Repubblikan iktar immirat sabiex jibqa’ Donald Trump.

 

Il-Politika nbidlet

 

3.     Jibqa’ jew ma jibqax, xorta, tul dawn l-aħħar erba’ snin wieħed irid jaċċetta li l-politika ħasset tibdiliet.  Stabilixxa mudell li anke jekk ma taqbilx miegħu, xorta trid taċċetta li daħħal tal-kontra li kien hemm.  Fil-kejl nistgħu ċertament nieħdu iktar linja ta’ analiżi Ewropea.  Biss, għandna wkoll narawha minn dik Amerikana.  Rajna bidla fil-politika barranija fil-konfront tal-Unjoni Ewropea.  Kien hemm numru ta’ pożizzjonijiet li ġiebu sostenn lil dawk li żbaljatament jaħsbu li ser jirbħu u javvanzaw iktar billi l-Istati Membri jmorru lura għal rashom.  Il-ħsieb li l-passat seta’, għal xi soċjetajiet kien aħjar, wassal sabiex fil-vuċi tiegħu jsibu sostenn.  Għalkemm ma kienx il-pern tad-deċiżjoni elettorali, però fil-kwistjoni tal-Brexit wieħed irid jgħid li kellu piż fil-kalatura.  Kien għadu ġdid isostni lil Boris Johnson u Nigel Farage, u għalhekk ingħata kredibilità aktar milli wħud jaħsbu li kellu.

 

Xenarju internazzjonali

 

4.     Il-linja politika barranija tal-pajjiż iċċaqilqet.  Min-naħa għall-oħra.  Il-kejl tagħha beda jitlaq minn esiġenzi ekonomiċi Amerikani.  X’jaqbel lil dan il-pajjiż u mhux lid-dinja.  Għalhekk daħal għal-linji li aħna naraw li huma perikolużi għall-istabilità mondjali.  Biddel u f’ħafna wieġeb għal sejħa li l-elettorat Amerikan ħass għal żmien u ried.  F’dan, wieħed irid japprezza iktar li għal din il-parti rrappreżenta lura l-vuċi u l-volontà tagħhom fil-politika.  Dawk li raw li l-mezz tal-għixien tagħhom huwa mhedded.  Li ħassew li l-identità kulturali u stil ta’ ħajja spiċċa minħabba f’din il-linja.  Dawk li raw li l-politika neo-liberalista u mhux protezjonista qegħda ġġib faqar u diffikultajiet ekonomiċi kbar.  Dawk li riedu li t-trattati dwar il-klima jispiċċaw għax tilfu l-impiegi tagħhom taħt id-Demokratiċi u me kellhomx alternattiv fl-għixien tagħhom.

 

It-tmiem jew il-kontinwità

 

5.     Diversi, kif issemmih jgħidulek li huwa dak li ġieb, jew rikeb fuq forom ta’ populiżmu.  L-argument hawn huwa iktar kumplikat milli l-medja Amerikana u internazzjonali ħabbru.  Għax għalkemm hemm il-populiżmu, u fuq in-naħa l-oħra l-popolariżmu, hemm żoni fin-nofs li mhux faċli żżomm il-bilanċ fihom.  Il-linja ta’ Trump kienet f’dan iktar “aggressiva” fit-tkissir ta’ linji ta’ demarkazzjoni li qabel konna naraw bħala leġittimi.  Anzi, waqt li diversi drabi qasam din il-fruntiera f’argumenti marbuta mal-immigrazzjoni irregolari u dawk li jiġu magħha, kien hemm mumenti meta kien qiegħed jirrappreżenta pożizzjonijiet popolari li huwa wassalhom f’dawk it-termini populisti.  Anki jekk ma naqblux, però ġieb miegħu sostenn ta’ linja politika kif il-voti jixhdu, anki jekk finalment ma jibqa’ ma jilħaqx it-tieni mandat tiegħu.

 

Kontro-rivoluzzjoni

 

6.     Fost il-forzi, il-koalizzjoni politika li kellu warajh Joe Biden kien hemm “Our Revolution” sostnuti sew minn ex-kandidat demokratiku u Senatur Bernie Sanders.  Moviment ta’ bidla li r-Repubblikani identifikaw iktar viċin ix-xellug marksista.  Bidla kontra l-politika liberalista tal-pajjiż sostnuta minn klassi politika, f’ħafna sens, taż-żewġ partiti l-kbar.  Imma meta tanalizza dak li Trump kien qiegħed jgħid, kellu huwa wkoll forza f’din id-direzzjoni.  Tifhem iktar dan il-kuntest meta taqra dak li Christopher Lasch kien kiteb fl-1994 fl-aħħar ktieb tiegħu ‘The Revolt of the Elites and the Betrayal of Democracy’, meta identifika li l-politika Amerikana ġiet dominata minn politiċi li sforz l-edukazzjoni fi skejjel “elite” ġiebu linja li taħdem mhux f’dak li n-nies għandhom verament bżonn, imma f’dak li jikkunsidraw huma u f’dak li huwa tajjeb għall-klassi li huma kkunsidraw ruħħhom fiha.

 

Tribun ieħor

 

7.     Meta taqra l-aħħar studji u analiżi dettaljata u sempliċement dispreġjattiva tal-populiżmu, sija nazzjonali jew transkontinentali, tifhem li l-moviment mhux ser jispiċċa.  Anzi, f’ħafna, meta taqra l-istorja tifhem għala minn żmien Ruma Repubblikana kien hemm id-difensur tal-poplu, it-Tribun.  Il-politika llum saret, f’ħafna, waħda li fihamin jiġi elett ma jifhimx li jirrappreżenta lil min tellgħu, u mhux lilu nnifsu.  Ma jmissx mal-bżonnijiet ta’ kull ġurnata, imma jagħżel aġenda li jħossu komdu li jippromwovi.  Proprju għalhekk li meta jiġi “difensur” veru jew apparenti, allura jsib sostenn anke mingħand min mhux neċessarjament jaqbel miegħu f’kollox.  Donald Trump hemm kien.  Ipprova jressaq ruħu bħala s-sinjur li jaqbeż għal dawk li m’għandhomx.

 

Sab sostenn f’dan

 

8.     Wettaq dan f’dożi qawwija ta’ populiżu meta seta’ kien iktar f’dik popolari.  Iġġieled favur, imma anki ma’ dawk li ma kellux.  Fosthom il-kliem dispreġjattiv tiegħu fil-konfront tas-Senatur veteran u kandidat Repubblikan John Mc Cain.  Jekk, kif qiegħed jidher, ser jitlef l-Istat ta’ Arizona, dan mertu ta’ dan u ta’ mart is-Senatur Cindy Lou Hensley, li mhux biss ma ħafritlux, imma mexxiet moviment kontra tiegħu.  Fil-politika jkollok avversarji naturali, imma wieħed għandu jipprova ma jżidhomx bi kliemu u b’għemilu.  Hemm, ċertament, iktar xi tgħid f’dan l-argument minn dawn il-kliem f’dan l-artikolu.  Imma l-fatti juru li kien x’kien Donald Trump, jew jekk huwiex ser ikompli jkun irnexxielu jġib warajh sostenn ferm iktar qawwi milli kien qiegħed wieħed jistenna.  Il-mewġa l-blu li l-gazzetti ħabbru ma seħħitx.  Anzi, f’kull post kien hemm ġlieda proprju għax kif reġa’ ntwera, fil-politika kull vot jgħodd.

 

 

 

 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...