30.8.19

Iva, verament għandna bżonn.




1.   F’dawn l-aħħar xhur, pajjiżna ra ħafna.  Daqshekk ieħor il-Partit Nazzjonalista.  Smajt u qrajt kemm hawn bnedmin fis-soċjetà, l-iktar fil-poter, li għax suppost li jemmnu ħafna fid-demokrazija jridu li ma jkunx hawn Oppożizzjoni f’dak li jsejħu “b’saħħitha”.  Mhux dejjem emmint dak li kien qed jingħad, speċjalment minn min ikun qiegħed jgħidu.  Forsi nuqqas tiegħi. Għax nibqa’ dejjem naħseb f’kif dawk li jridu l-kritika “qawwija” mingħandna jirreaġixxu b’mezzi xejn demokratiċi meta jiġu konfrontati b’dak li qed iwettqu ħażin.  Qisu, mingħajr ma trid tgħid: jgħidu ħaġa imma fil-verità jridu oħra.

L-Oppożizzjoni hemm qegħda

2.   Jista’ jkun li ma ningħatawx, f’dan il-mument partikolari, ħafna importanza.  Hemm min forsi għadu ma jarax li għandna nidħlu fl-aġenda tiegħu.  Hemm ukoll min għadu qiegħed jifhem dak li mhuwiex isir tajjeb minn dan il-Gvern Laburista.  Hemm min iktar ma jistax jemmen li dak kollu li ħolom li ser iseħħ taħt din it-tmexxija, fil-fatt mhuwiex.  Biss, f’dan, l-Oppożizzjoni hemm kienet u hemm baqgħet.  Saru manuvri u kutrumbajsi kbar biex nippruvaw inżommuha lura.  Imma, fortunatament, ħidmet il-Gvern ma rnexxietx.  Fid-diffikultajiet politiċi l-partiti jissudaw; ma jmorrux lura.  Huwa biss fit-tajjar li jiddgħajfu.  Għalhekk l-Oppożizzjoni, f’dawn l-għoxrin xahar, issudat ruħha.

Il-kritika ssir

3.   Kif qalu: “Opposition is rightly understood to be part and parcel of the political process as a whole, indeed, it is the altera pars of government or power.  Any analysis or history of power must of necessity embrace its counterpart.”[1]  Proprju iktar, għalhekk, ngħid li vera li Oppożizzjoni fil-pajjiż hija bżonnjuża.  Waħda li taqdi dmirha.  Imma ħadd ma jista’ jindaħlilha kif twettaq dan.  Għal dan il-Gvern, jekk ma taqbilx miegħu, issir negattiv.  Jekk ma tgħidx kemm huwa tajjeb, tiġi kemm inti ħażin.  F’din il-linja politika m’aħniex, u m’għandniex nidħlu.  Ħidmitna fid-demokrazija hija kompletament differenti.  Direttament, dijametrikament opposti.  Għalhekk, il-kritika ssir kif irridu u kif naraw aħna, u mhux kif il-Gvern jipprova jimponi fuqna bil-bumbardament medjatiku li jwettaq jum wara jum.

Differenti f’kollox

4.   Għax hemm differenza f’ħafna.  Mhux biss, l-ewwel, fil-partiti politiċi.  Mhux biss, it-tieni, bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, imma iktar mis-sehem li għandhom.  Kif jingħad tant tajjeb u b’sens kbir: “The role of exercising power is widely different from that of combating abuses; and the two should be kept separate.”[2]  Proprju għalhekk li wieħed ikun ser jixraq meta wieħed jisma’ kemm il-Gvern qalbu tħabbat bil-qawwi u jrid li l-Oppożizzjoni tkun b’saħħitha, imma mhuwiex preparat li jagħti l-għodda li l-Oppożizzjoni ħaqqha.  Jitkellem ħafna, imma mbagħad, meta niġu għat-talbiet leġittimi, nibqgħu lura.  Jista’ jkollna, f’demokazija, Gvern mimli b’impjegati mħallsa minn but il-poplu u l-Oppożizzjoni ma tkunx armata l-istess biex tikkumbatti?

Ġustizzja u demokrazija

5.   Forsi nkunu, f’dan kollu, ferm iktar korretti ngħidu li nippretendu Gvern differenti milli għandna.  Nippretendu wieħed li mhuwiex “b’saħħtu”, jew “arroganti”, imma demokratiku.  Wieħed li jobdi r-regoli sabiex jamministra tajjeb il-fondi tal-pajjiż.  Wieħed li joqgħod mar-regoli tas-sewwa u ma jippermettix atti ta’ korruzzjoni.  Wieħed li jħares li jmexxi skont il-mertu, u mhux skont il-preferenzi żbaljati.  Wieħed li jifhem li hawn valuri li jirbħu fuq l-ekonomija.  Wieħed li jaħdem għall-ġustizzja soċjali, mhux għad-dominanza tas-suq liberalista.  Wieħed li jħares li jgħolli ‘l-bnedmin kollha ‘l fuq fid-dinjità li ħaqqhom, u mhux lil parti minnhom.  Wieħed li jiddefendi, verament, il-futur u l-istabilità tal-poplu.

Hawn bżonn Gvern aħjar

6.   Hemm tagħlim, fl-istorja tal-bniedem, li ninjoraw.  Kif naqbel li l-ikbar għadu tad-demokrazija llum il-ġurnata huwa n-nuqqas ta’ għarfien storiku.  In-nuqqas ta’ konoxxenza ta’ dak li seħħ fil-passat, u ta’ dak li bnedmin oħra għaddew minnu, jibqa’ theddida serja.  Għax, kif inkiteb tajjeb fuq dan: “Man’s capacity for Justice makes Democracy possible, but man’s inclination to injustice makes democracy necessary.”[3]  Proprju għalhekk li d-demokrazija għandha lezzjonijiet, valur deċiżament importanti għall-ħajja tagħna.  Proprju għalhekk għandna nifhmu li l-problema għad-demokrazija fis-soċjetà tallum mhix ġejja mill-Oppożizzjoni, imma mill-Gvern.  Minn Gvern li qiegħed jaħrab u jinjora dak li għandu jwettaq sabiex ikollna demokrazija verament b’saħħitha.  Għax iva, verament, id-demokrazija għandna bżonn.




[1] Ghita Ionescu u Isabel de Madariaga, Opposition, paġna 10
[2] Ibid, paġna 22
[3] Reinhold Niebuhr, The Children of Light and the Children of Darkness. A vindication of democracy and a critique of its traditional defense, paġna xxxii.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...