22.8.19

Il-messaġġ sempliċi u dirett.





1.   Nammetti li tul dawn l-aħħar jiem, mort fejn mort kien hemm diversi li kellmuni joffru l-għajnuna.  Kienu iktar milli stennejt dawk li rsaqt lejhom, li kellmuni direttament u wrewni li jridu l-ġid lil dan il-partit.  Sibt varjetà ta’ ideat.  Sibt però, fuq kollox, diversi li jridu li jagħtu mill-ġdid sehemhom.  Jipparteċipaw fil-ħidma li organizzazzjoni bħal tagħna għandha bżonn.  Dan huwa partit bi storja twila.  Dan huwa partit li għandu viżjoni, ideal politiku u esperjenza twila għad-dispożizzjoni tal-poplu kollu.  Wieħed li għadu kapaċi, f’dawn iż-żminijiet, ikun effettiv u dirett fil-kritika kostruttiva tiegħu.

F’daqqa

2.   Partit huwa magħmul minn nies li jiġu lkoll f’daqqa.  M’aħniex wieħed magħmul minn diversi “kapijiet” li jaħdmu għal rashom.  Kull deputat, kull kunsillier lokali, kull membru fil-kumitat, kull tesserat, kull votant, ma jistgħux jaħdmu għal rashom imma f’daqqa.  Huwa dejjem żbaljat li xi ħadd jikteb, fejn trid, facebook, twitter, eċċ, x’jaħseb “hu”, jew x’jidhirlu “hu” bħallikieku dik hija l-linja tal-partit.  Huwa dejjem għaqli u prudenti, li qabel, wieħed jitkellem internament, jikkonsulta, jieħu parir u wara jimxi.  M’aħniex partit tal-prime donne, imma parti lkoll minn kor.  Kor li għandu konduttur, li jara kif u fuq liema livell għandna nindirizzaw lilna nfusna.  Din hija r-realtà tal-politika għaqlija.  Għax aħna għandna rilevanza nazzjonali jekk inkunu lkoll f’daqqa fuq numru ta’ punti politiċi ċari.

Fil-mument

3.   Dan iktar u iktar f’dan il-mument storku tagħna ta’ mija u disgħa u tletin sena ta’ eżistenza.  Minn mindu fl-1880 Fortunat Mizzi qiegħed din il-formazzjoni politika, sew żdiedu l-mezzi ta’ komunikazzjoni.  Imma flok qed nużawhom b’intelliġenza, qed nintilfu.  Għandna ħafna biex inwasslu l-messaġġ politiku tagħna. Għandna l-vantaġġ li dak li qiegħed jingħad mill-Kap tal-Partit, iż-żewġ Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali jistgħu jaslu għand iktar persuni fis-soċjetà, malajr u direttament.  Lezzjoni sempliċi fil-politika.  Minflok m’aħniex nużawhom, jew agħar, qed noqogħdu lura minnhom.  Minflok qed nifhmu kemm huwa importanti li nxerrdu l-ideat tagħna sat-truf nett tas-soċjetà, qed immorru l-kontra.  Vuċijiet waħedhom jew l-abbandun tat-tismigħ tal-vuċi interna tal-partit ma jaslu mkien.

Fatti sfukati

4.   Ngħid iktar dan għax nibqa’ impressjonat bil-kwantità ta’ ideat u fatti li ma huma xejn ċari f’moħħ diversi bnedmin ta’ rieda tajba dwar il-partit.  Smajt diversi forom ta’ impreċiżjonijiet, nuqqasijiet kbar ta’ verità dwar min qiegħed fuq il-pożizzjonijiet politiċi tagħna, fuq it-tmexxija tal-partit.  Fejn l-aħbar il-ħażina tinstemgħa iktar.  Smajt, u kelli l-opportunità nfiehem u nikkoreġi.  Mhux kulħadd semagħni kemm ridt, imma l-maġġor parti ninnota li, billi ma jsegwux dak li ngħidu, għandhom opinjoni differenti tagħna.  Ninnota li l-fatti l-partit, permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tiegħu, qiegħed joħroġhom.  Stqarrijiet, artikoli, diskorsi varji jsiru l-ħin kollu.  Imma ma hemmx għarfien fil-bżonn li wieħed isegwi dak li ngħidu, u aħna qegħdin nonqsu li m’aħniex inxerrduhom.

Niddependu iktar fuqna

5.   F’dan ċertament għandna nifhmu, bħala partit, li m’għandniex alternattiva pożittiva oħra salv li niddependu iktar fuqna nfusna.  Ħadd ma huwa ser jaqlagħna jekk aħna stess ma naqilgħux lilna nfusna.  Kull jum nara sforzi kbar isiru fix-xandir tagħna.  Kull ġurnata toħroġ il-gazzetta ‘In-Nazzjon’.  Kull nhar ta’ Ħadd, il-gazzetta ‘Il-Mument’.  Tul il-ġimgħa, il-ħin kollu għandek Netfm, ir-radju tal-partit u Net Television.  Magħhom għandek il-website, il-facebook u t-Twitter għaddejjin ukoll, il-ħin kollu.  Għandna bżonn inxerrdu dan.  Inħeġġu iktar bnedmin jixtru l-gazzetti u jsegwu dak li għaddej.  Nassiguraw li aktar jaqsmu l-aħbarijiet fuq il-mezzi soċjali tagħna.  Il-preżenza tagħna fuq dan tiddependi biex issir iktar kreattiva.

Onestà u umiltà

6.   Kif appellaw diversi politiċi qabli fiż-żmien, nappella għalhekk ċertament lilkom jien.  Nappella sabiex jibda sforz komuni biex inwasslu aħjar il-messaġġ tal-partit billi nirrepetuh ukoll.  Billi nassiguraw li jasal għand ferm iktar persuni milli qiegħed jasal illum.  Hemm bżonn sforz komuni.  Biex inkunu effettivi, kull ma rridu huwa li nassiguraw li l-messaġġ sempliċi u dirett tagħna jasal.  Ma hemmx bżonn kumplikazzjonijiet, imma fatti diretti.  Fatti li jispjegaw kemm l-Oppożizzjoni qegħda tagħmel dmirha.  Fatti li juru u jispjegaw dak li l-Kap tal-Partit, Dr Adrian Delia, qiegħed jgħid.  Dak li qiegħed iwassal fil-messaġġ tiegħu ta’ tul il-ġimgħa.  Fuq dawn il-passi ta’ onestà u umiltà, wieħed jista’ jibni iktar.  Imma f’dan il-mument irridu naħdmu b’dak li għandna.  Bil-mezzi finanzjarji li huma għad-dispożizzjoni, imma ċertament bi kwantità ta’ bnedmin ta’ rieda tajba.  Nappella, umilment, għas-sostenn sħiħ tagħkom.







No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...