10.8.19

Dawk li jibqgħu jservu.




1.   Hemm raħal żgħir fl-Italja, mhux tant ‘il bgħid minna, bl-isem ta’ Nusco.  Jgħixu fih madwar erbat’elef ruħ.  Post merfugħ ‘il fuq fil-provinċja ta’ Avellino.  Għandu veduti mill-isbaħ, arja tajba u storja interessanti.  Jingħad li għadda minn hemm il-kmandant minn Kartaġni, Annibali, bl-iljunfanti tiegħu, li l-leġġenda tirrakkonta li mitulu maqbuda fit-tajn.  Iktar ‘il quddiem, il-Longobardi bnew kastell strateġiku li għadu hemm, jidher.  Post li għadda mit-tbatija tal-faqar u l-miżerja, li wasslu lil diversi biex jemigraw fl-Amerika Latina u l-Istati Uniti tal-Amerika.  Post li ra ħidmet il-Partit Demokratiku Kristjan ta’ Alcide de Gasperi jgħinu jieħu lura dinjità u ruħ.

Nusco fil-politika

2.   Illum, Nusco hija trasformata, nadifa u pjaċevoli.  Irid jiġi rikonoxxut li l-programm soċjali ta’ dak il-partit kien strumentali biex bidel ħafna lil dak il-pajjiż u ‘l-poplu tiegħu.  Għolla ‘l fuq u ġieb miegħu ġustizzja soċjali lil ħafna.  Mhux biss, imma kien xprun sabiex diversi bnedmin daħlu fil-politika sabiex iservu.  Ftit partiti jħarsu lejn din l-attività umana minn din il-lenti.  Ftit huma dawk li jorbtuha mas-servizz lejn il-poplu u lejn il-proxxmu.  Ftit jarawha f’dawl daqshekk nobbli, indipendentement jekk wieħed, fl-aħħar tal-ġurnata, jispiċċax mexxej kbir u nazzjonali.

Kungress tad-Demokrazija Kristjana

3.   Niftakar iktar f’dan meta fl-1986, bħala żagħżugħ, kelli x-xorti li nsib ruħi preżenti nisma’ f’wieħed mill-aħħar kungressi tal-Partit Demokratiku Kristjan Taljan.  Niftakar ċar lil Luigi Ciriaco De Mita, dak iż-żmien segretarju politiku, jitkellem u jippreżenta r-rapport tiegħu.  Erba’ sigħat sħaħ li fihom ma setax jieqaf, fost ċapċip u kunsens ġenerali.  Hemm stajt immiss u nifhem ferm iktar dak li kont ilni nsegwi.  Nifhem il-bnedmin, id-deputati, il-kunsilliera u t-tesserati.  Persuni ġejjin minn kull rokna tas-soċjetà.  Jagħtu sehemhom f’għan wieħed: dak politiku.

Luigi Ciriaco De Mita

4.   De Mita, raġel twil, b’vuċi partikolari ma kellux, u wieħed irid jgħid ukoll li sallum għad m’għandux, diffikultà biex jesprimi ruħu.  Ċar fil-ħsieb u fil-kliem.  Imma iktar minn hekk, kellu quddiemu l-kuntest storiku li kien qiegħed jitkellem fih.  Dak li wasslu sa dak il-mument.  U iktar minn hekk, proprju fl-għarfien tal-istorja fejn irid imur ‘il quddiem.  Fejn irid lill-poplu tiegħu biex jimxi iktar.  Dan il-politiku serva fil-partit, imma lill-pajjiż bħala Prim Ministru u ministru.  Kien fil-Parlament Taljan u dak Ewropew u baqa’, straordinarjament, sallum iservi.

Fondamento stesso della democrazia

5.   Fost il-kotba li għandi fil-librerija, hemm wieħed tiegħu.  Stampat fl-1988, it-titolu huwa Politica e Istituzioni nell’Italia Repubblicana.  Ktieb li huwa mimli b’ideat u osservazzjonijiet, li f’ħafna sens għadhom rilevanti sal-ġurnat tallum.  Għandu ħafna li jimmeritaw li nirriproduċi għalikom.  Ser nillimita ruħi għal dan: “Dobbiamo ricordare come, con il 1968 la coscienza giovanile, e anche non giovanile, è venuta come inadeguata.  Ma, anche dopo il 1968, i grandi mutamenti della società nazionale hanno creato nei cittadini una consapevolezza sempre crescente della inadeguatezza delle istituzioni e inoltre hanno messo in evidenza un problema, che è tutt’ora irrisolto, nell’ordinamento generale del paese: il problema della partecipazione.  Questa è il fondamento stesso della democrazia, perché significa il diritto del Cittadino di conoscere e determinare la politica del proprio paese.”

Il-problema tal-parteċipazzjoni

6.   Dak li ħass De Mita għadu magħna sallum.  Ir-raġunijiet storiċi tiegħu nbidlu, imma hemm bażi u raġuni kostanti.  Is-soċjetà tbati sabiex tiġbed bnedmin fid-dinja għas-servizz pubbliku.  Sija f’dik tal-politika, kif ukoll fid-dinja reliġjuża.  Tbati għax forsi ma tifhimhomx.  Għax huwa diffiċli li wieħed jimpenja ruħu.  Iktar u iktar meta jagħraf li jrid iwettaq sagrifiċċju kbir, tiegħu nnifsu, ta’ dak li l-bnedmin ġeneralment isejħu “ħajja normali”.  Jitlef dak li huwa, u jsib ruħu f’dak li oħrajn jgħidu li huwa.  Jipprova jkun ta’ għajnuna u servizz lil dawk li, f’mumenti, jsibhom ma jridux imissu miegħu.  Ta’ dawk li jridu minnu, imma jiċħduh.  Jiċħduh fis-sens li ma jkunux iridu jkollhom x’jaqsmu miegħu, qisu jġorr xi marda serja u kontaġġjuża.

Id-determinazzjoni

7.   Nistgħu nilmentaw kemm m’għadniex.  Però, iktar minn hekk, nikteb biex ngħid kemm għandna nirringrazzjaw lil dawk li jkomplu jkunu ta’ servizz.  Dawk li ma jieqfux, u jibqgħu jippruvaw.  Jagħtu eżempju b’ħajjithom.  Jippruvaw jispiraw u, fl-istess ħin, jiftħu orizzonti għal dawk li qed jaħsbuha.  Proprju għalhekk ktibt dan l-artikolu.

Wieħed u disgħin

8.   Dan iktar fid-dawl tal-fatt li De Mita twieled fit-2 ta’ Frar 1928 f’dan ir-raħal żgħir ta’ Nusco.  Illum, għalhekk, għandu wieħed u disgħin sena.  Età li fiha diversi jqisuk li spiċċajt, li m’għandekx aktar x’tagħti.  Imma hu, li kien fl-ogħla quċċati tal-pajjiż, ma ddejjaqx, b’umiltà, jqiegħed ruħu għas-servizz mill-ġdid.  Illum ilu mill-2014 jokkupa l-kariga ta’ Sindku ta’ Nusco, elett b’maġġoranza.  Wieħed fost ħames kunsilliera.  Baqa’ bniedem li jħobb lill-proxxmu u jagħti sehmu fil-ħajja pubblika.  Ma tantx għandi dubju li l-formazzjoni Demokratika-Kristjana tiegħu żammitu milli jkun wieħed minn dawk li jibqgħu jservu.




No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...