3.8.19

Il-familji u negozji qegħdin ibatu għan-nuqqas ta' pjan tal-Gvern li falla fil-politika tal-enerġija.



"Il-familji u n-negozji qegħdin ibatu għan-nuqqas ta' pjan tal-Gvern li minkejja li l-wegħdi dwar l-enerġija qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 falla fil-politika tiegħu tal-enerġija.", hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.

Dr Delia qal li l-aħħar li l-prezzijiet tal-fuels kienu l-istess bħal tal-lum, l-Oppożizzjoni Laburista ta' dak iż-żmien kienet qed tgħajjat bil-prezzijiet u tniżżel lin-nies fit-toroq meta l-prezz internazzjonali taż-żejt dakinhar kien id-doppju ta' dak li huwa llum. Dan meta l-istatistika turi li l-prezz internazzjonali taż-żejt kellu l-akbar daqqa 'l isfel f'dawn l-aħħar erba' snin. Huwa qal li bħalissa qed tispikka s-silenzju min-naħa tal-Gvern għar-reazzjonijiet tal-Oppożizzjoni u tal-unjins, fejn qed jintalab li jingħata kumpens lill-familji għal dawn iż-żidiet tal-fuels. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-fuels hija tat-tħassib ukoll għan-negozji ż-żgħar li diġà qegħdin ibatu biex ilaħħqu mal-ispejjeż li dejjem jiżdiedu. Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa' jitkellem fuq l-enerġija flimkien mal-istakeholders kollha f'dan is-settur.

Adrian Delia qal li l-ammont tal-karozzi fit-toroq tagħna huwa wieħed esaġerat. Dan meta l-istatistika turi li sal-aħħar ta' Ġunju kien hawn kważi 400,000 vettura fit-toroq f'Malta u Għawdex meta pajjiżna għandu fost l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa u sfortunatament 600 jmutu kull sena minħabba mard respiratorju. Huwa qal li l-unika soluzzjoni tal-Gvern hija li jwessa' t-toroq u jżid in-numru tal-karozzi tal-linja, li imbagħad jispiċċaw jeħlu fit-traffiku. Meta l-Gvern għaddej bil-politika li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bi 15,000 fis-sena, n-numru tal-karozzi fit-toroq se jibqa' jiżdied u se naslu f'punt ta' staġnar. Adrian Delia qal li jeħtieġ li jkollna sistema tat-trasport tal-massa li tkun effiċjenti, puntwali u b'ħarsien sħiħ tal-ambjent. Għall-Partit Nazzjonalista, l-ambjent huwa prijorità assoluta, għaliex mal-ambjent għandhom isiru l-investimenti l-oħra bħal sistema tat-trasport tal-massa li ma tħammiġx sabiex innaqsu l-mard u r-rata tal-imwiet minħabba l-arja mniġġsa. Dan biex il-Maltin u l-Għawdxin igawdu minn kwalità ta' ħajja aħjar. Il-PN diġà qed jaħdem fuq hekk u se jkun qed iressaq pjan fit-tul u effettiv.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar ir-riforma fi ħdan il-partit immexxija minn Louis Galea u qal li l-PN se jkun qed iqajjem iżjed għarfien fost id-deputati, l-kunsillieri, l-membri u kull minn jimmilità fil-partit dwar kif jintużaw bl-aħjar mod il-mezzi soċjali, dan biex il-kritika tibqa' waħda kostruttiva. Adrian Delia qal li dan l-eżerċizzju se jwassal għal konferenza nazzjonali għall-benefiċċju ta' bosta setturi u oqsma, biex il-Partit Nazzjonalista jkun minn ta' quddiem fl-edukazzjoni dwar l-użu tal-mezzi soċjali.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...