5.8.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FL-EĠITTU - ĦIDMA



10545. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kajr, l-Eġittu fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019
  

 ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onoroveli Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kajr, l-Eġittu fl-ewwel erba’ xhur huma:

Bilaterali

Eġittu
· Analiżi kontinwa u regolari, tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż. Diskussjonijiet regulari fuq żviluppi fl-Eġittu mal-Ambaxxaturi tal-pajjiżi ta’ l-UE.
· Taħdidiet regulari mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu dwar relazzjonijiet bilaterali u djalogu politiku.
· Taħdidiet regolari mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu u mal-Uffiċċju tas-Servizzi tas-Sigurtà Egizzjan fir-rigward tas-sigurtà domestika. L-Eġittu huwa formalment taħt stat kontinwu ta’ emerġenza minħabba periklu ta’ attaki terroristiċi.
· Laqgħat mal-Assistent Ministru tal-Affarijiet Barranin għall-Affarijiet Parlamentari biex jiġu diskussi kooperazzjoni u interessi komuni (bħal PAM).
· Promozzjoni ta' boroż ta’ studju. Laqgħat skont it-tema tal-borża ta’ studju (bħal MEDAC u-Sigurtà Marittima).
· Diskussjonijiet informali mal-Ministru tal-Antikitajiet tal-Eġittu waqt diversi laqgħat u żjarat li sejjaħ dan il-Ministeru stess.

Sudan
· Analiżi kontinwa u regolari tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż. Diskussjoniet regulari mal-Ambaxxaturi tal-pajjiżi tal-UE għas-Sudan (14-ilpajjiż akkreditat mill-Kajr).
· Korrispondenza kontinwa mal-awtoritajiet tas-Sudan fir-rigward ta’ taħdidiet fuq il-migrazzjoni u l-possibiltà li jibdew isiru l-konsultazzjonijiet politiċi.
· Laqgħa mal-Ambaxxata Sudaniża fil-Kajr. Temi ta’ diskussjoni: relazzjonijiet bilaterali u ECLASLO


Multilaterali
· Laqgħat bilaterali informali ma’ Ambaxxati diversi u li huma akkreditati għal-Lega Għarbija (LAS). Temi ta’ diskussjoni: relazzjonijiet bilaterali u ECLASLO.
· Tħejjija u parteċipazzjoni fil-Laqgħa Għolja UE-LEGA GĦARBIJA (LAS) ġewwa Sharm El Sheikh.  L-Ambaxxata ħadet ħsieb ukoll l-arranġamenti kollha mad-Dipartament tal-Protokoll li attendew għaliha l-PM u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin. Din kienet l-ewwel Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-LEGA GĦARBIJA li serviet bħala bażi soda għal diskussjonijiet futuri. Il-laqgħa affermat mill-ġdid ir-rabtiet politiċi u soċjali b'saħħithom bejn l-UE u l-LEGA GĦARBIJA. Din il-Laqgħa Għolja serviet ukoll bħala opportunità għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Prim Ministru biex iwettqu numru ta’ kuntatti informali mal-kontropartijiet tagħhom fir-reġjun. Ġiet ippreparata stqarrija - għalkemm fl-aħħar ma ġietx adottata minħabba li ma kienx hemm ftehim finali dwar kwistjonijiet sensittivi għaż-żewg naħat (migrazzjoni u drittijiet tal-bniedem). Qabel u waqt il-Laqgħa Għolja saru sforzi diplomatiċi sinjifikanti biex tiġi żgurata l-attenzjoni u l-importanza dovuta lill-ECLASLO. F’dan ir-rigward saru kuntatti informali ma’ numru ta’ Ambaxxaturi, b’mod partikolari mal-Ambaxxaturi tas-Sudan, l-Eġittu, il-Libanu, l-Alġerija u Ġibuti. Min-naħa tal-UE, l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Kajr kellu diskussjonijiet mal-Irlanda, il-Greċja, Ċipru kif ukoll Spanja. L-Ambaxxatur żamm kuntatt kontinwu mal-Kap tad-Delagazzjoni tal-UE fejn iddiskutew żviluppi.
· Waqt li kien f’Sharm El Sheikh għal-Laqgħa Għolja tal-UE u l-LEGA GĦARBIJA, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin kellu laqgħa formali mal-Ministru għall-Affarijiet tal-Ġibuti. Tħejjijiet għal din il-laqgħa bilaterali saru wkoll mill-Ambaxxata ta’ Malta fil-Kajr.

Kummerċjali

Eġittu
· Analiżi kontinwa tas-suq lokali u opportunitajiet li jeżistu.
· Taħdidiet mal-awtoritajiet pertinenti rigward is-Servizzi tal-Ajru.
· Diskussjonijiet informali mal-uffiċjali tal-Air Malta dwar il-possibiltà li jerġgħu jiddaħħlu titjiriet lejn il-Kajr.
· Taħdidiet maċ-Chairman tal-Kunsill Kummerċjali Eġizzjan għall-Kooperazzjoni Internazzjonali bil-ħsieb li l-Kunsill jintuża bħala pjattaforma għall-intraprendituri Maltin. Huwa antiċipat li ser isir iffirmar ta’ MOU bejn l-Ambaxxata u l-Kunsill f’Lulju li ġej.
Sudan
Bl-għajnuna tal-Konslu Onorarju f’Khartoum, grupp ta’ imprendituri Sudaniżi żaru Malta fl-aħħar ta’ April, bi skop li jinħoloq aktar kummerċ bejn Malta u s-Sudan. Waqt din iż-żjara saru żewġ laqgħat fis-settur tal-avjazzjoni, laqgħa fis-settur tal-informatika u tliet laqgħat fis-settur mediku.

Kulturali

· Evalwazzjoni kontinwa għal opportunitajiet fejn tista’ ssir promozzjoni tal-kultura Maltija. L-Ambaxxata organizzat taħdidiet informali mal-Opera House tal-Kajr biex tiddiskuti l-possibbiltà li ssir sfilata Maltija. L-Ambaxxata qed tipprepara d-dokumenti neċessarji biex tkun tista’ tipparteċipa fil-Cultural Diplomacy Fund li hu organizzat mill-Ministeru.
· L-Ambaxxata kellha taħdidiet mal-pjanista prominenti Dr Moshira Eissa fid-dawl tal-possibbiltà ta’ kunċert f’Malta. L-Ambaxxata qed tfittex sponsors biex dan il-proġett iseħħ.

Konsolari

· Skont statistika uffiċjali, minn Jannar sa April 2019, l-Ambaxxata pproċessat 464 viża. 323 kienu viżi SCHENGEN, filwaqt li nħarġu 50 D Viża. Min dawn il-viżi, l-Ambaxxata ipproċessat total ta’ 425 applikazzjoni Eġizzjana. L-applikazzjonijiet l-oħra kienu minn:
o Kamerun
o Gana
o Libja
o Niġerja
o Arabja Sawdija
o Afrika t'Isfel
o Sudan
o Sirja
o Yemen
o Żimbabwe

· Rendikont ta’ xogħol ieħor konsolari jinkludi:
o 93 awtentikazzjoni tad-dokumenti
o 12-ilPassaport
o 5 reġistrazzjonijiet tat-twelid.
· Bl-għajnuna tal-Konslu Onorarju ta’ Malta fis-Suez, numru ta’ nies ta’ dixxendenza Maltija irnexxielhom jiksbu ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ tal-antenati tagħhom li twieldu fl-Eġittu.
· Il-Konslu Onoraju, f'isem l-Ambaxxata, għen ukoll lill-bastimenti u vapuri Maltin jaqsmu l-Kanal ta' Suez billi ffaċilita ix-xogħol ta’ ġbir ta’ dokumentazzjoni għall-awtoritajiet Eġizzjani.

Promozzjoni ta' Malta
· Parteċipazzjoni fil-Bazaar Ewropea fejn il-qligħ jingħata lil-karitajiet lokali.
· Parteċipazzjoni f'ġurnata internazzjonali f'waħda mill-iskejjel lokali.

Oħrajn

Xogħol ta’ rinovar tal-Ambaxxata l-ġdida ta’ Malta fil-Kajr. Laqgħat mal-kuntratturi, koordinazzjoni ta’ xogħol u kuntratti.

Seduta  248
10/07/2019

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...