3.4.18

Id-djalogu Perfett.

 
1.   Il-bniedem jikkomunika bil-kelma li tingħad jew bil-fomm jew bil-miktub.  Hemm min jitkellem u jikteb biex ikun qal xi ħaġa, biex juri l-eżistenza u l-preżenza tiegħu.  Hemm oħrajn li jippruvaw jagħmlu użu aqwa biex jifhmu, biex jistaqsu, biex jitgħallmu, biex jikkomunikaw messaġġ, biex iħallu warajhom evidenza ta’ dak li jkun verament seħħ.

2.   Sokrate, il-filosfu Grieg li kien favur l-użu tal-kelma biex jistaqsi, jistħarreġ u jifhem fi djalogu uman mal-oħrajn, jingħad li kien kontra l-kitba.  Mertu ta’ Platun li għandna, għad-dispożizzjoni tagħna, il-proċess loġiku u uman li kien qabad dak li ried jitkellem mal-oħrajn u ma riedx jikteb biex jifhem dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex, biex imiss mal-valuri fundamentali tal-bniedem.

3.   Altru li tisma’ djalogu bejn persuni li jfittxu l-għerf, u altru meta ssib dan miktub.  Fit-traġitt, partijiet essenzjali tad-dinamika li tkun għaddejja, ħafna drabi jintilfu.  Dan anke jekk biex tifhem dak li hemm quddiemek għandek żewġ toroq oħra.  Tista’ taqra f’qalbek, fis-silenzju, jew bil-fomm esternament.  Fit-tieni, tisma’ lilek innifsek u dan fit-ton u fl-importanza li mingħajr ma trid tagħti lil parti jew oħra.  Daqqa kif għandek, u daqqa le.  Anzi, ħafna drabi, kif jgħidulek il-letturi fil-knejjes, aħjar jekk tkun qrajt il-parti qabel, biex ma tiżbaljax.

4.   Għax għalkemm illum il-maġġor parti tagħna jiġu mgħallma jaqraw fis-silenzju, dan għal ħafna żmien ma kienx il-każ.  Kien in kuntrast ma’ dak li jinkiteb biex jinqara’ fil-miftuħ biex jinstema’.  Dan, kif nafu li jingħad li l-istess kbir Santu Wistin kien baqa’ mistagħġeb li San Ambroġ kien jaf jaqra f’qalbu.  Biss, il-bniedem jibqa’ fl-imperfezzjoni tiegħu f’kull stadju.  Sija jekk jitkellem.  Sija jekk jikteb.  Sija jekk jaqra dak li kiteb hu jew li kitbu oħrajn.

5.   Proprju quddiem dan u f’dan il-kuntest, wieħed għandu jifhem iktar l-isbuħija tad-“djalogu” bejn l-Arkanġlu Gabrijel u Sidtna Marija, kif riportat fl-Evanġelju ta’ San Luqa.  Ma hemmx dubju li dak li nkiteb kien direttament mingħand Sidna.  Kif ukoll li dan diġà kien magħruf bejn l-aħwa Nsara li seħħ ferm qabel inkiteb.  Biss, il-mod li bih ġie deskritt jibqa’ wieħed uniku, perfett.  Kelma b’kelma, rappurtaġġ preċiż ta’ dak li storikament seħħ.  Fonti ta’ riflessjoni.

6.   Minnu ma hemmx dubji wisq; anqas suspetti jew xettiċiżmu.  Hemm biss proċess perfettament onest lejn il-konoxxenza tal-fatti.  Fejn wieħed li jgħix il-ħajja mal-bnedmin jibda jifhem ferm u ferm iktar maż-żmien bi proċess li fih jaqra hu f’qalbu u jisma’ f’widnejh.  Fejn jibda japprezza iktar li bi ftit kliem jinxtered messaġġ u titħabbar aħbar unika u vera.  Japprezza u jikkuntrasta, fuq in-naħa l-oħra, kemm il-bnedmin għandhom bżonn kliem bejniethom biex jiftehmu u biex jiddjalogaw ideat.  Kemm domandi jistaqsu.  Kemm risposti inkorretti jagħtu.  Kemm ma jiftehmux fuq dak li jkunu qed jippruvaw jgħidu lil xulxin.

7.   F’dan id-djalogu, però, nsibu kollox preċiż f’postu.  Id-domanda ta’ Sidtna Marija: “Kif ikun dan?” ma ssirx f’kuntest ta’ inċertezza, iżda ta’ konvinzjoni.  Issir, anzi, fil-persważjoni li dan ser iseħħ.  L-Arkanġlu, min-naħa tiegħu, ma jiqafx hemm, kif seta’, imma l-ewwel jispjega dak li kien ser iseħħ u wara, biex jirrinforza l-argument loġiku, billi jfakkarHa li l-kuġina li kienet tħobb, Eliżabetta, fi xjuħitha nisslet iben fil-ġuf.

8.   Iktar ma wieħed jaħseb, u fl-istess ħin jikkuntrasta ma’ dak li jseħħlu kuljum fl-eżistenza umana tiegħu, jifhem li l-argumenti arkanġeliċi kienu u huma sallum konvinċenti, għax huma fihom infushom perfetti.  Dan jissaħħaħ iktar fil-konklużjoni ta’ dan id-djalogu kif Marija, fil-pożizzjoni tagħha stess tagħraf perfettament, għax tifhem verament u tiddikjara: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek.”

9.   Aċċettazzjoni, spjegazzjoni mill-iktar ċara li tingħad u tiġi wara, fortunatament rappurtata fedelment lilna.  Fejn ebda parti mid-dinamika u interazzjoni ma tintilef.  Li, anzi, tibqa’ ħajja għalina dejjem, jekk irridu nagħrfuha.  Intatta fil-ġenerazzjonijiet li għaddew u dawk li ġejjin.  Preservata għalina proprju f’dan id-djalogu perfett.




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...