3.4.18

La nation est un instrument d’inclusion.




1.      Ftit ilu qrajt rapport f’Le Monde (tat-2 ta’ Marzu 2018) dwar diskussjoni bejn żewġ kittieba magħrufa, il-politologu Gil Delannoi u l-filosfu Heinz Weinmann, li ttrattaw il-kwistjoni tal-importanza tan-nazzjon f’dinja globalizzata.  Għalina n-Nazzjonalisti, suġġett bħal dan għandu jinteressana, għaliex ġieli kien hawn min iddikjara li żmien l-Istat-nazzjon għadda, u li n-Nazzjonaliżmu huwa fdal taż-żmien kolonjali.  Mentri dawn iż-żewġ intellettwali, minn dak li qrajt jidher li qablu li n-nazzjon għadu importanti preċiżament bħala strument ta’ inklużjoni.

Kun parti minn nazzjon

2.      L-individwaliżmu jwassal lil kulħadd li jaħseb biss għal rasu, bla ma jimpurtah għal għajru.  Il-familja tnaqqas minn dan l-individwaliżmu, għaliex għall-inqas tqarrbek lejn niesek, li tkun tħobb, barra minn kull interess u gwadann għalik.  In-nazzjon iwessa’ ċ-ċirku billi jġegħlek tħoss li inti parti mhux biss minn familja, b’rabtiet ta’ interess komuni u ta’ kultura komuni.  Iktar minn erba’ mija u għoxrin elf f’Malta u Għawdex, u forsi aktar minn hekk barra minn xtutna, huma aħwa Maltin.

Ħwejjeġ li jgħaqqduna

3.      Il-Professur Oliver Friggieri kiteb, u fuq li kiteb, u dan tant tajjeb, dwar dak li jagħmilna Maltin.  Hemm ħwejjeġ li jgħaqqduna, u hemm ħwejjeġ li jifirduna.  Sa ftit ilu konna niftaħru bl-istorja : konna magħqudin ukoll mir-Reliġjon, mill-Ilsien, mill-istess filosofija tal-ħajja.  Il-firdiet ta’ fehma politika, jew ta’ naħa ta’ Malta u Għawdex, fuq u isfel, bliet u rħula, jew ta’ klassi soċjali ma kinux biżżejjed biex inessuna li aħna poplu wieħed.  Ma rridux ninsew li bnejna sistema politika demokratika u soċjali, għaliex kellna dan il-pediment ta’ unjoni.  Minn xi żmien ‘l hawn qegħdin jinqalgħu niex li, bla ma jridu, jew forsi għax iridu, qegħdin jippruvaw huma, jew iħallu lil min jipprova jdgħajjef din l-għaqda sostanzjali tal-Maltin.

Hija rabta morali dwar kif tgħix din il-ħajja

4.      Nibda mir-Reliġjon.  Li mhix ta’ bilfors.  Tista’ tkun Malti u ma tkunx Kattoliku, jew li ma tkunx temmen b’Alla.  Ir-Reliġjon, barra milli twemmin fid-dinja ta’ wara din il-ħajja, hija rabta morali dwar kif tgħix din il-ħajja.  Pajjiżna ħa l-formazzjoni minn din il-morali, il-morali Nisranija Kattolika : u għalhekk konna, u sa ċertu punt għadna, pajjiż li nħobbu l-ħajja u nirrispettaw lil min jirrispetta l-liġi.  Għadna pajjiż li jemmen li l-aħjar forma ta’ familja hija dik bejn konjuġi li jintrabtu għal għomorhom.  Għadna pajjiż li jippretendi, għall-inqas, l-onestà f’min imexxih.  Għadna pajjiż li jippretendi r-rispett bejn il-bnedmin.  Anki bejn nies li jħaddnu fehmiet differenti.  Għadna ngħożżu l-ġrajja tal-Ġimgħa Mqaddsa.  Għadna niffesteġġjaw bil-briju l-festi tal-Qaddisin Protetturi.

Ilsien li jgħaqqadna

5.      Inkompli bl-Ilsien.  Lanqas dan ma huwa bilfors.  Għandna l-libertà tal-espressjoni, iggarantita fil-Kostituzzjoni.  Jista’ kulħadd jitkellem bil-lingwa li jrid.  Ħafna minna nitkellmu u naqraw bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Franċiż, bit-Tedesk u b’ilsna oħra.  Iżda sallum konna niftehmu bejnietna bl-Ilsien Malti.  Nies tal-bliet u tal-irħula, ta’ fuq u ta’ isfel, nies ta’ kull klassi u edukazzjoni, universitarja jew sekondarja jew primarja.  Il-Malti, li xi wħud ma tgħallmuhx l-iskola, kienu jitgħallmuh fit-triq, fil-ħwienet, fil-knejjes.  Il-Malti kien, u sostanzjalment għadu, lsien li jgħaqqadna.  Huwa lsien sabiħ, imsawwar mill-istorja tagħna, għal qalb kull Malti veru.  Il-pronunzja djalettali ma tifridniex.

Il-famuż vers ta’ Dun Karm

6.      Nazzjonijiet mifruda mill-ilsna, mir-reliġjonijiet, mir-razez għandhom problemi li aħna m’għandniex.  Ma narax għaliex nippruvaw noħolquhom.  Għaliex għandujkun hawn xi parti tal-pajjiż li ma titkellimx bil-Malti ?  Il-famuż vers ta’ Dun Karm : «Ħobb, jekk jiswielek, ilsna barranija, iżda le tbarri lil min hu ta’ ġewwa ».  Ma narax għaliex il-Gvern jew l-Università għandhom jiffavorixxu l-firda.  Bħalma ma nifhimx għaliex m’għandhiex inkomplu nirrikonoxxu l-ġid li ġġib ir-Reliġjon, anki fil-ħajja ta’ kuljum, f’kull qasam.

Ilsien Uffiċjali

7.      Il-Gvern Nazzjonalista, meta għaqqad lil pajjiżna mal-Unjoni Ewropea nsista li l-Malti jkun wieħed mill-ilsna uffiċjali fl-Unjoni.  Kien hawn min qal : « La hemm l-Ingliż bħala waħda mill-ilsna uffiċjali, u l-Ingliż huwa wkoll (flimkien mal-Malti) lsien uffiċjali tagħna ! »  Naħseb li għamel sewwa ħafna li nsista li lsienna jkun uffiċjali bħal ilsna oħra.  Tajjeb li ninsistu fuq l-ugwaljanza bħala prinċipju.  Jekk ma tibżax għalik innifsek, tintrifes.  Ċertament tkun umiljazzjoni jekk, f’pajjiżna stess, nikkunsidraw lill-Malti bħala lsien barrani (Maltese as a foreign language).  Inħeġġeġ lill-Ministru Evarist Bartolo li jiftakar li huwa twieled il-Mellieħa, fejn in-nies titkellem bil-Malti, bħan-nies ta’ Ħal Tarxien, ta’ Raħal Ġdid, ta’ Bormla, tal-Gudja, taż-Żejtun, ta’ Ħaż-Żabbar, eċċetra.

L-Għid it-Tajjeb lilkom ilkoll

8.      Kultant tmur tieħ fi knejjes f’ċerti naħiet ta’ Malta u tiddubita intix f’pajjiż ieħor.  Kultant anke f’funeral, il-kant ikun b’diversi lingwi, barra milli bil-Malti.  L-ilsna huma kollha sbieħ, iżda l-innijiet tal-Knisja bil-Malti huma wkoll fatturi ta’ għaqda.  Dieħla ġo qalbi ... Reġa’ sebaħ ja Mulejja ... Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema.  Ir-realtà hija li għandna valur u patrimonju uniku marbut mal-pedimenti Nsara tagħna.  Nawgura minn qalbi l-Għid it-Tajjeb lilkom ilkoll.





No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...