23.4.18

Għax nemmnu fis-sewwa




1.    Minn dak li qed nara u nisma’, tul din il-ġimgħa kienu diversi dawk li bdew jifhmu dak li dan il-Gvern, fis-sakra pseudo ‘ultra-liberali’ li għandu fuqu, irid iwettaq bl-emendi marbuta mal-ħajja.  Lista ta’ emendi li, flok jipproteġu l-valur tal-ħajja, jmorru lura minn ħafna minn dak li nemmnu fih.  Nistidinkom tidħlu u taqraw intom stess x’fih dan l-Abbozz Numru 37, biex tifhmu l-gravità ta’ dak li qiegħed jiġi propost.  Diġà l-ġimgħa kienet imdallma waħda sew.  It-Tnejn, fil-Parlament smajna stqarrija ministerjali dwar dak li seħħ bejn is-26 u s-27 ta’ Jannar 2017, meta b’dak li ġie identifikat bħala ‘żball uman’, disa’ bnedmin li fil-liġi nsejħu ‘embrijuni’, mietu.



Ardità u insensittività



2.    Kellna dikjarazzjoni mill-iktar teknika, fejn l-aspett operattiv kien iktar importanti minn dak uman.  Konċentrazzjoni biex ma terġax isseħħ u ftit riflessjoni dwar il-fatt li ulied futuri tagħna, flok sabu protezzjoni, sabu ruħhom distrutti.  Min qara’ u min segwa, ċert li kien imdejjaq, imnikket sew b’dan il-fatt.  Il-liġi li saret fl-2012, u anki jekk għaddiet minn diversi stadji ta’ diskussjoni, u ġiet għad-dawl wara ħafna preparazzjoni u nuqqas ta’ qbil fiha d-dgħjufijiet tagħha, li flok qed nagħlqu, qed niftħu aktar għar-riskji.  Dan għax hemm linja li l-bniedem, jagħmel x’jagħmel, ma jistax jaqbeż.  Ix-xjenza u l-liġi jistgħu jiħduk f’direzzjoni li taħseb li fiha kollox huwa leġittimu.  Imma hemm regoli tal-ħajja naturali li jwaqqfuk u jitolbu attenzjoni responsabbli.



Ma nilgħabux mal-ħajja



3.    Sewwa qal l-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech, din il-ġimgħa: ma nilgħabux mal-ħajja.  Għax f’dan l-abbozz ta’ liġi għandna lista twila ta’ tibdil serju u li jrid ħafna ħsieb.  Fost l-oħrajn: il-kiri tal-ġuf u dak tal-iffriżar tal-embrijuni bħala regola, u mhux eċċezzjoni.  Dawn huma punti li diversi stati demokratiċi ferm iktar avvanzati minna, fir-riċerka medika tagħhom għamlu snin jiddiskutu.  Għamlu u taw il-ħin biex il-vuċijiet kollha fis-soċjetà jinstemgħu u wieħed ikun jista’, kemm jista’, ikun attent sabiex jara fejn sejjer.  Jagħżel it-triqat b’attenzjoni, għax hawn qed immissu mal-ħajja u l-bniedem mhuwies il-Kreatur, imma għandu jkollu l-umiltà li jifhem li huwa kreatura.  Biss, f’dan l-abbozz, f’dawn il-gżejjer, minkejja l-iżvantaġġi li għandna fir-riċerka, il-Gvern iddeċieda li jitlaq jiġri u jibdel mingħajr ma jikkunsidra sewwa.



Jimmerita attenzjoni qawwija.



5.    Dan huwa suġġett li jimmerita attenzjoni u studju sew.  Huwa ċar li qabel l-emendi li kienu saru fil-Kapitolu 524 tal-Liġijiet ta’ Malta, kienu saru żewġ Kummissjonijiet Parlamentari, b’rapporti u xhieda dettaljati.  Issa, f’att li qed jidher manifestament bħala wieħed ta’ arroganza u suppervja, mexjin malajr mingħajr l-użu tar-raġuni.  Hemm verament għaġġla żejda, f’suġġett li jitlob attenzjoni.  Imma minkejja s-sejħiet ta’ diversi u tal-Kap tal-Oppożizzjoni, hemm min ma jridx jisma’.  Ma jridx jara li dan l-att qiegħed jirriduċi lill-bnedmin lura lejn il-materjaliżmu, li l-eventi u l-esperjenzi storiċi ċaħdu.  Il-materjaliżmu jmur kontra d-dinjità tal-persuna umana, iġib lill-bniedem bħala oġġett li jitqiegħed fuq l-ixkaffa biex jiġi użat, abbużat jew traskurat minn oħrajn.  Fosthom, fis-sapjenza u l-għerf ta’ Ministru tas-Saħħa futur.



Mhux politika, imma identità nazzjonali



6.    Dan huwa inaċċettabbli għal diversi Maltin u Għawdxin li ma jħarsux lejn dan minn lenti politika, imma minn dik tal-valuri li jemmnu fihom.  Il-valuri tagħna ma jħaddnux din il-linja li biha l-bniedem, flok jiġi protetti mill-ġuf, jiġi mneżża’ mid-dinjità għas-servizz jew ‘tgawdija’ ta’ oħrajn.  Din hija liġi li hija anti-nazzjonali.  U kif nafu, liġi, biex tirnexxi, trid li jkollha l-appoġġ tal-poplu.  Triq li tiġi aċċettata bħala waħda li hija tajba, ġusta u li timmerita verament li ssir.  Il-vuċi popolari hija kontra.  Din hija l-linja tas-sens komun u tar-raġuna ta’ poplu li jibqa’ jħaddan prinċipji etiċi fundamentali li huma dijametrikament il-kontra.



Min ma jaqbilx mhuwiex ipokrita



7.    Ħafna mhumiex jaqblu, minkejja l-propaganda qawwija tal-Gvern.  Minkejja l-argumenti sofisti li qed jitressqu minn ċerti stazzjonijiet u programmi li jsemmgħu biss vuċi waħda, xorta hemm ħafna li qed jiddikjaraw il-kontra b’leħinhom.  Dan huwa proċess tajjeb f’soċjetà demokratika.  Però, għall-Prim Ministru, kull min ma jaqbilx ma’ dan l-abbozz, u ovvjament miegħu, huwa ipokrita.  Dan huwa frott ta’ dak lig ħandna llum, b’intolleranza ġdida li twieldet u qegħda tiġi prattikata.  Dik li ma tirrispettax l-opinjoni tal-oħrajn u lanqas li taċċetta li għandha tbaxxi rasha sabiex, b’umiltà, tipprova tikkonvinċi, u jekk ma jirnexxilhiex, tmur pass lura u tieqaf.



Il-linja tas-sewwa u l-moderazzjoni



8.    Il-Partit Nazzjonalista, bil-vuċi diretta u kuraġġuża tal-Kap tiegħu, Dr Adrian Delia, ħa linja ċara.  Dik li tħares lejn il-protezzjoni tal-ħajja mill-bidu sat-tmiem, l-interess lejn it-tisħiħ tal-familja mhux b’linja ta’ xi forma ta’ fundamentaliżmu arkajku, imma b’moderazzjoni, attenzjoni u determinazzjoni.  Din hija liġi li tnaqqas mid-dinjità tagħna bħala bnedmin u tneħħilna mill-valur sħiħ tagħna.  Nifhmu li hemm min huwa lest li jbigħ dak li huwa qaddis għall-poplu.  Għax hawn, fil-paraventu tal-attaparsi altruwiżmu, hemm aspett ekonomiku qawwi, moħbi fin fin.  Biss, dan ma jaqtagħlniex qalbna.  Dmirna huwa li nikkumbattu dak li huwa ħażin u żbaljat.  Dmirna huwa li, bl-użu tar-raġuni nuru li dak li qed jiġi propost b’għaġġla, flok jissoda d-dinjità umana, qiegħed iċekkinha.  Dan għax nemmnu fis-sewwa, u determinati li naħdmu għaliha.




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...