20.4.18

Encounters with Silence – Karl Rahner, S.J.

 
1.   Forsi hemm diġà ħafna li jafu b’dan il-professur tat-Teoloġija dommatika.  Semgħu bih bħala wieħed fost l-iktar teoloġi Kattoliċi li nfluwenza l-ħsieb fl-Ewropa u fil-Knisja.  Forsi, però, in-numru ta’ dawk li qraw kitbietu, anzi aħjar, ta’ dawk li ppruvaw u fehmu dak li kiteb, huwa inqas.  Għandi numru ta’ kotba, u waqt l-aħħar kampanja elettorali, jien u nħabbat bieb bieb, koppja għaddietli l-ktieb ‘Karl Rahner fil-ħsieb politiku tiegħu’ (Dimensioni Politiche del Cristianesimo Città Nuova).  Għadni, però, ftit irnexxieli nsib il-paċi, ħin u konċentrazzjoni biex nifhem u nassorbi kitbietu.

2.   Biss, kif nipprova, sibt fuq l-ixkafef tal-Librerija tal-Università dan il-ktejjeb: ‘Encounters with Silence’, li laqatni verament.  Ma fihx ħafna paġni, però nammetti li almenu rnexxieli nifhmu.  Miktub b’sempliċità apparenti, f’numru ta’ kapitoli qosra u diretti.  Huma djalogu miftuħ lejn il-Mulej Alla tagħna.  Fejn it-temi huma attwali, senjatament għal dawk li jridu jgħixu fit-triq, però huma meħuda mill-inkwiet u l-prijoritajiet tal-ħajja.

3.   L-ewwel sentenza ta’ l-ewwel kapitolu, ‘God of My Life’ - Alla ta’ Ħajti, tiftaħ b’domanda, bl-iktar mod ċar dak li ser insibu ruħna fih, meta jgħid: “I should like to speak with You, my God, and yet what else can I speak of but You?”  Nixtieq nitkellem miegħek, Alla tiegħi, imma fuq x’hiex iktar nista’ nitkellem, jekk mhux dwareK?”  Minn hawn ‘il quddiem il-bniedem, il-kittieb jiftaħ għall-argument suġġetti varji, attwali, marbuta mal-isfidi li jsib il-bniedem quddiem il-ħajja.

4.   Hemm argumenti varji li jitqajmu, li fihom żewġ vantaġġi.  L-ewwel: mhumiex ‘tqal’, fis-sens li ma hemmx argumenti li jriduk tifhem erba’ jew ħames’t itruf f’daqqa, u anqas ma hemm kwantità ta’ awturi, qaddisin u filosfi ċitati li trid terġa’ tibda biex tifhem lilhom l-ewwel, biex imbagħad tifhem lilu.  Fil-fatt, tul il-ktejjeb kollu, anqas ħadd ma huwa ċitat; il-vuċi interjuri tiegħu hija esternata.  Fit-tieni, huwa faċli ħafna li tidħol fiż-żraben tal-kittieb u tingħaqad miegħu f’dan il-proċess ta’ djalogu mill-isbaħ, fejn l-awturi jistaqsi, u ħafna drabi jkun huwa stess li jwieġeb.

5.   L-għaxar kapitoli ta’ dawn is-seba’ u tmenin paġna jiħduk, fil-verità, fi vjaġġ biex tiskopri mill-ġdid u tistaqsi iktar fil-fond milli tista’ taħseb dwar ħajtek: dak li rajt, missejt u tħares li taffronta fil-futur.  Wieħed irid joqgħod attent f’dan, għax waqt li f’kotba oħra ta’ Karl Rahner taf li ser teħel, hawn, mingħajr ma tinduna, tinħakem.  Jgħaddi malajr u mingħajr ma trid tkun tixtieq li terġa’ tibdih mill-ġdid biex terġa’ tara jekk dak li huwa mqiegħed b’tant sempliċità ma jaħrablekx minn taħt għajnejk.

6.   Hemm f’dan krejattività kbira li ġejja, ovvjament, mill-kultura, qari, formazzjoni u preparazzjoni tiegħu.  Fis-sitt kapitolu, ‘God of my Daily Routine’ - Alla tar-Rutina tal-Ħajja Tiegħi, huwa jitlaq b’din is-sentenza: “I should like to bring the routine of my daily life before You, O Lord, to discuss the long days and tedious hours that are filled with everything else but You.” (paġna 45).  Nixtieq inressaq ir-rutina tal-ħajja tiegħi ta’ kuljum quddiemeK, Mulej, biex niddiskuti l-ġranet twal u s-sigħat twal tad-dwejjaq li huma mimlija b’kollox, barra Bik!”  Xewqa li ċert li diversi għandhom!

7.   F’dan il-kapitolu jkompli b’dawn iż-żewġ domandi mill-isbaħ: “When it stands before You and Your infallible Truthfulness, doesn’t my soul look just like a market place where the second-hand dealers from all corners of the globe have assembled to see the shabby riches of this world?  Isn’t it just like a noisy bazaar, where I and the rest of mankind display our cheap trinkets to the restless, milling crowd?”  “Meta r-ruħ tiegħi tidher quddiemeK u l-Verità infallibbli tiegħeK, ma tidhirx bħal suq fejn ikun hemm dawk li jbiegħu oġġetti użati, ġejjin mill-irkejjen kollha tal-globu, li jinġabru biex ibiegħu r-rikkezzi tad-dinja li m’għandhomx valur?  Ruħi mhix bħal dak il-bazaar storbjuż, fejn jien u l-bqija tad-dinja nuru l-oġġetti rħas lill-folla li trid tgħaddi minn fuqna, nieqsa mis-sabar?”  Kliem magħduda fis-silenzju li jmissu l-qalb tal-bniedem li jrid imur lejn il-verità u mhux jidħak bih innifsu fil-gidba.

8.   Il-ktejjeb huwa mimli b’riflessjonijiet mill-isbaħ, li fil-fatt jixhdu li warajhom hawn bniedem li qiegħed jiġbor snin ta’ qari u esperjenza Nisranija.  Fis-seba’ kapitolu, ‘God of My Living’ - Alla tal-Ħajjin, għandu kelmtejn dwar il-bnedmin li jgħaddu għal ħajja aħjar, li fihom proprju din is-sustanza.  F’paġna 58, huwa jgħid: “O silent God, God of the silent dead, living God of the living, who call to me through silence, O God of those who are silently summoning me to enter into your life, never let me forget my dead, my living.  May my love and faithfulness to them be a pledge of my belief in You, the God of eternal life.”  “Alla silenzjuż, Alla tal-mejtin silenzjużi, Alla ħaj tal-ħajjin, li tgħajjatli fis-silenzju, O Alla ta’ dawk li fis-silenzju qed iħajruni u jsejħuli nidħol fil-ħajja tiegħek, qatt tħallini ninsa ‘l-mejtin u ‘l-ħajjin tiegħi.  Nittama li l-imħabba u l-lealtà tiegħi lejhom tkun rahan tal-fatt li nemmen fiK, Alla tal-ħajja eterna.”

9.   Rahner ikompli b’aktar f’din ir-riflessjoni: “Let me not be deaf to the call of their silence, which is the surest and sincerest word of their love.  May this word of theirs continue to accompany me, even after they have taken leave of me to enter into You, for thus their love comes all the closer to me.  O my soul, never forget your dead, for they live.  And the life they live, now unveiled in eternal light, is your own life, which will one day be revealed also in You.”  “Tħallinix inkun trux għas-sejħa tas-silenzju tagħhom, li hija l-iktar kelma ċerta u sinċiera ta’ mħabbithom.  Nittama li dil-kelma tagħhom tkompli tkun miegħi, anke wara li jkunu ħallewni, biex jidħlu miegħek, għax b’hekk imħabbithom tersaq iktar viċin tiegħi.  O ruħ tiegħi, tinsa qatt lill-mejtin tiegħek, għax jgħixu.  U l-ħajja li jgħixu, issa fid-dawl ta’ dejjem, hija ħajtek stess, li jum minnhom tiġi rivelata lilek ukoll”.

10.  Il-ktieb jagħlaq, fl-aħħar kapitolu tiegħu, b’tema marbuta mal-Avvent, it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu: ‘God Who Is to Come’ – Alla Li Jrid Jiġi.  Fih hemm meditazzjonijiet li huma sbieħ ħafna dwar il-bniedem u l-kundizzjoni umana, fejn wieħed jifhem ftit iktar dak li hu, u l-misteru tas-salvazzjoni.  Fejn il-messaġġ kontinwu jibqa’ marbut mal-importanza tas-silenzju.  Kemm hemm x’wieħed jifhem u jitgħallem, li proprju fis-silenzju jgħaddu, u hemm tant messaġġi għalina lkoll.  Għal dawk bħali li jfittxu kontinwament li jifhmu fejn, għala, għalfejn, li jfittxu spjegazzjonijiet ta’ dak li għaddew, qed jgħaddu jew li ser jgħaddu minnu, nirrakkomandah.  Huwa bieb li joffri dħul lejn “the last depths where a man’s eternal destiny is decided”.  Proprju fis-silenzju u għall-valur li għandu li rridu nintilfu fih.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...