11.4.18

Għoxrin sena wara.




1.    Tul dawn l-aħħar snin beda proċess ta’ bidla fil-kultura legali li kien, u għadu, wieħed neċessarju.  Għal ħafna snin, il-ħsieb kien dejjem li jekk il-bnedmin ma jaqblux tant, triq waħda għandhom: li jmorru dritt il-Qorti.  L-esperjenza ta’ Stati oħra, li dak iż-żmien kienu avvanzati iktar minna, kienet qabbdet it-triq biex dan jinbidel.  Ibiddlu billi jintroduċu żewġ mekkaniżmi importanti: l-arbitraġġ u l-medjazzjoni, li barra huma magħrufa bħala ADR (Alternative Dispute Resolution).  Dan għax il-proċeduri jistgħu jkunu orħos, iktar veloċi u bil-possibilità li jwasslu ‘l-partijiet għall-ftehim.



2.    Niftakar meta, fl-2003 lħaqt Segretarju Parlamentari, kont determinat li nibda dan il-proċess ta’ bidla f’settur li kont naf tajjeb, għax kont ġej minnu, li kien konservattiv ħafna u ma kienx jaċċetta bidliet malajr.  Ridt li nwettaq dan malajr, għax leġislatura ttir, u iktar ma wieħed idum, iktar ma jsir xejn fiha.  Proprju għalhekk li fi ftit xhur daħħalna l-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja, fejn għadha taħdem u tagħti r-riżultati sallum.  Ridt ukoll inċaqlaq ‘il quddiem iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ, li kien diġà jeżisti.



3.    Fil-fatt, u dan huwa l-anniversarju li llum niċċelebra magħkom lill-mibki Ministru tal-Ġustizzja Michael Refalo, li kien hu li fit-23 ta’ Frar 1998 kien daħħal fis-seħħ liġi kompletament ġdida.  Liġi li biddlet is-sistema tal-mod kif isiru l-arbitraġġi.  Diġà bħala avukat kont ippruvajt is-sistema l-antika li kellna fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili biex inħaffef.  Biss, dak li daħħal il-Ministru Refalo kien radikalment differenti u ferm aqwa.  Inqatgħet mill-Qorti u twieled iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ, b’Chairman separat, b’bord tad-diretturi u reġistru tiegħu, mmexxi minn persuna mimlija esperjenza fiċ-Ċivil, is-Sur Godfrey Demarco.



4.    L-istruttura kienet hemm u l-ħsieb oriġinali kien li wieħed jiġbed kemm jista’ jkun arbitraġġi internazzjonali.  Jiġbidhom, għax huwa magħruf li dan huwa settur ta’ prestiġju u li jġib ix-xogħol legali.  Kienet saret kampanja tajba biex tiġbed dawn, imma ma tantx kellha suċċess.  Għalhekk, meta bdejna niddiskutu maċ-Ċentru, kont rajt li kien evidenti li jekk ma nieħdux triq ġdida ma kienx ser ikollna ċaqliq ‘il quddiem għall-ħajja futura tal-arbitraġġ f’pajjiżna.  Kont qrajt mill-ġdid id-dibattiti parlamentari, kif ukoll rajt il-files dipartimentali u qrajt kotba varji li ġibt fuq is-suġġett u mxejna biex nintroduċu dak li llum huma magħrufa bħala ‘arbitraġġi mandatorji’.



5.    Daħħalna, prinċipalment, il-proċedura li fil-każijiet kollha ta’ kondominji, kif ukoll f’inċidenti tat-traffiku fejn ma jkunx hemm ħsara fuq il-persuna, wieħed għandu, bil-liġi, jagħmel il-każ tiegħu fiċ-Ċentru, u mhux fil-Qorti.  Naċċetta li din ma tantx niżlet tajjeb ma’ ċerti avukati, però, fortunatament, il-kumpanniji tal-assikurazzjoni taw l-appoġġ tagħhom għaliha.  It-triq kienet waħda għat-telgħa.  Saru numru ta’ kawżi kostituzzjonali li ppruvaw iwaqqfu kompletament is-sistema, però, b’xi mod, l-affarijiet baqgħu għaddejjin, u minflok waqqfu l-proċess, is-suċċess żdied.



6.    Ngħid dan: l-ewwel, għax fi ftit żmien, il-Gvern biddel il-politika tiegħu u beda jinsisti li fil-kuntratti pubbliċi tiegħu tidħol klawsola għall-arbitraġġ meta l-partijiet ma jaqblux.  Mhux biss, imma bdew deħlin sew ukoll arbitraġġi internazzjonali, u dan kompla sostna l-linja.  It-tielet: daħħalna setturi oħra, bħall-kwistjonijiet marbuta ma’ kontijiet tad-dawl u l-ilma.  Ir-raba’: l-arbitraġġi mandatorji bdew iġibu magħhom ukoll ferm iktar arbitraġġi volontarji.  Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, tul dawn is-snin ġew reġistrati madwar ħamest’elef arbitraġġ (5,270), li minnhom kien hemm numru sew ta’ arbitraġġi internazzjonali u li huma biss il-15% tagħhom li kienu pendenti u mhux deċiżi.  Figuri u statistika li huma ta’ sodisfazzjon għalija, li sostnejt b’konvinzjoni dan iċ-Ċentru.



7.    Ħadt għalhekk verament pjaċir nara li ċ-Ċentru, fl-għoxrin sena tiegħu, organizza jum ta’ diskussjoni dwar l-arbitraġġi f’pajjiżna.  Huwa importanti li wieħed jirrimarka fejn avvanzajna, u ċertament naqbel li hemm lok lejn passi oħra.  Għax hemm bżonn li wieħed jiddiskuti kif jista’ jqiegħed iċ-Ċentru f’pożizzjoni li jħajjar aktar nies biex jużaw is-servizzi tajbin tiegħu.  Diskussjoni li għandha tinvolvi iktar lill-avukati li jaħdmu fis-settur biex jifhmu dan aħjar.  Għad hemm setturi ġodda li jistgħu jiġu identifikati li jnaqqsu d-dewmien u l-ispejjeż.  Nemmen li l-arbitraġġ għandu futur aqwa u għalhekk nawgura li, għas-snin li ġejjin, dan isir sabiex il-poplu jkompli jgawdi iktar mill-vantaġġi li diġà qiegħed jagħti.




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...