21.2.24

SOĊJETÀ MĦALLTA

1. Fil-ħidma li l-politiku jmiss magħha jsib ruħu jifhem il-bnedmin li jgħix magħhom u li huwa mitlub jirrappreżenta. Jekk jinqata’, jew naqtugħ, mill-persuni li jridu l-għajnuna nkunu qed niżbaljaw. Kull deputat għandu jsir jaf il-bnedmin li jivvutawlu u għala jagħmlu dan. Għall-kuntrarju ta’ dak li jingħad, il-maġġor parti jivvutaw mhux għax ser jieħdu “xi ħaġa” lura, imma għax jidentifikaw ruħhom miegħu. Mal-ideat tiegħu, mal-valuri li jħaddan u mal-azzjonijiet politiċi li jwettaq. Hemm min jitlob l-għajnuna. Hemm min ikun ġenwin u li jifhem il-pożizzjoni. Hemm ukoll min, kif jgħidu, ikun wiċċu tost. Imma l-esperjenza politika turik li l-bnedmin, fil-maġġoranza tagħhom, huma ġenwini. Nies b’qalbhom tajba, li jfittxu li jwettqu l-ġid lill-proxxmu aktar milli lilhom infushom.

Tul il-ġimgħa

2. Ħsibt iktar dwar dan tul dawn l-aħħar sebat’ijiem. Iltqajt ma’ diversi ta’ ideat differenti, imma li lkoll iridu, fil-fond ta’ qalbhom u bl-intelliġenza, li jagħmlu l-ġid. Iridu li l-affarijiet isiru aħjar għax jixtiequ dinja aqwa fejn jgħixu. Ħafna minnhom huma kommessi jwettqu ħidmiet varji għall-oħrajn fis-soċjetà. Ibda minn għaqdiet differenti u kompli direttament f’dak li huwa personali. Bnedmin li jgħinu bnedmin oħra kontinwament. Jitilqu minn dak li għandhom, mill-ftit ħin ta’ mistrieħ tagħhom sabiex jiddedikaw ruħhom għall-oħrajn. F’varjetajiet kbar. Ma ninsiex dak il-funeral li kont mort għalih tant snin ilu u nsib li l-ġirien kienu ġabru bejniethom biex jieħdu ħsieb jidfnu persuna bħalhom li kienu jafu li ma kellha lil ħadd jiġi minnha u li anqas kellha mezzi. Il-knisja kienet mimlija bi bnedmin, imma l-iktar kienet mimlija b’rispett u mħabba lejn dik l-opra ta’ karità tant nobbli li kienu qegħdin iwettqu f’daqqa.

Kienet tagħlima

3. Ċertament tgħallimt li hemm parti sew mill-komunità tagħna li tipprattika dak li temmen fih. Erġajt missejt ma’ dan tul din il-ġimgħa waqt żewġ funerali. Iż-żewġ predikaturi fakkruna fil-ħajja u fil-mument meta niġu msejħa. Biss, it-tnejn iddeskrivew mill-qrib l-atti ta’ ġenerożità li kienu twettqu. Ħafna azzjonijiet tajba ma’ bnedmin oħra li kienu qegħdin f’mumenti diffiċli. Fil-mard, fis-sofferenzi varji, fin-nuqqasijiet, l-iktar direttament fis-solitudni li l-bnedmin isibu ruħhom fiha għal raġunijiet varji. Atti altruwisti mhux sabiex ikun hemm ħlas lura għalihom iżda li anzi jsiru proprju biex ma jitħallsux lura. Indipendentement minn dak li naqraw fil-ġurnali hemm dawk li huma tajba, u mhumiex ftit. Tajba fil-kelma u fl-azzjoni. F’dawn is-snin li ilni nimxi fl-esperjenza politika ma nqastx li niltaqa’ ma’ dawn il-karattri.

Mhux ċiniku

4. Ħafna bnedmin huma mmirati għat-tajjeb. Hemm min, però, fil-ħajja jsib, imiss u jduq il-qrusa. Iebsa ħafna. Diversi jsibu ruħhom suġġetti tal-azzjonijiet żbaljati ta’ oħrajn. Daqqa frott l-għira, daqqa l-mibegħda u daqqa tal-frott tal-ġenn uman. Ħafna, fil-morr iebes jinbidlu u jibdew iħarsu lejn id-dinja u lejn dawk ta’ madwarhom b’mod mill-iktar ċiniku. Ħasra kif, f’dan, il-ħażen jipprova u jirnexxilu jaħkem lil dawk li huma l-iktar twajba. Jibbiesu u ma jkunux iridu jafdaw lilhom infushom għax jaħsbu li jekk ser iċedu, ser ilaqqtu aktar. F’dan hemm proċess twil lura mill-velenu li ħaddieħor jisqik. Hemm żmien twil biex tiġi lura bħala bniedem li trid tagħmel il-ġid lill-oħrajn. Il-bniedem jgħaddi minn prova li f’parti tbasktu, inkella f’oħra li tipprova tkissru. Huma f’dawn it-toroq li l-bnedmin twajba, b’missjoni ċara, iwettqu d-differenza.

Napprezzawhom

5. Din is-soċjetà hija mħallta fil-karattri, talenti u abbiltajiet tal-bnedmin. Imma, fil-verità, timxi ’l quddiem mertu ta’ dawk li jwettqu opri tajba. Dawk li jiddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom biex jagħmlu l-ġid. U l-ġid joħroġ biss mit-tajjeb u mhux mill-ħażin. Hija lezzjoni tal-ħajja li tiġi fuq kull persuna li minnha jagħraf li meta jsiru atti fit-triq tal-banalità tal-ħażen ma jitwieled xejn sew. Proprju f’dan, l-isforz kollettiv tagħna għandu jkun dak li naġixxu fuq din il-linja t-tajba. Naqbdu d-direzzjoni tas-sewwa, mhux biss f’dak li rridu nwettqu, imma aktar fil-metodu li bih dan għandu jsir. Għad għandna wisq bnedmin li jaħsbu li ser ‘javvanzaw’ jekk jaqbdu l-ħsieb li l-għan jiġġustifika l-aġir żbaljat tagħhom. Proprju aktar f’dan li għandna napprezzaw aktar lil dawk li jagħżlu li ma jwettqux aġir simili.

Ġustizzja Soċjali

6. F’dan, ċertament, wieħed ma jidnibx jekk japprezza l-ħidma li hi għaddejja mill-kollegi parlamentari l-Onor. Ivan Bartolo u l-Onor. Katya Degiovanni. Dak li qed jagħmlu hija inizjattiva li ħaqqha attenzjoni. Mhux biss, jew aħjar, sempliċement għall-fatt li żewġ deputati ta’ partiti differenti qegħdin jaqbdu dan, imma l-iktar fis-suġġett li għażlu. Wieħed li fid-dinja politika attwali ma tarahx daqshekk fl-aġenda tagħha li taqbad. Mentri fil-fatt hija. Għax għandna soċjetà mħallta fil-ġid materjali għad għandna bnedmin li jsibu ruħhom fid-diffikultajiet finanzjarji u dawk li jsibu ruħhom ’l bgħid mis-soċjetà, fqar fil-kumpanija. Il-ġustizzja hija għodda kontinwa għad-dispożizzjoni tagħna. Hija dik li biha tgħin lill-bnedmin jieħdu lura d-dinjità tagħhom.

Mhux kwistjoni ta’ flus

7. F’dan, iktar u iktar hemm il-punt li m’aħniex f’soċjetà li bil-flus issolvi l-inġustizzji soċjali. Dawk huma rilevanti sakemm huma parti minn proċess sabiex tirrispetta lill-bniedem innifsu. Tirrispettah f’dak kollu li huwa. Fil-bżonn li jħossu validu u rilevanti ma’ bnedmin oħrajn. Ma nemmnux fil-liġi tal-eliminazzjoni ta’ dawk li huma inqas b’saħħithom. Ma nemmnux f’soċjetà li tippermetti li l-bniedem jiġi degradat, li jitqiegħed fil-pożizzjoni ta’ oġġett li tista’ tiskartah jew tarmih. Proprju l-kontra, l-umanità tagħna, iċ-ċiviltà li nħaddnu, dik Nisranija titlob li ma nħallux bnedmin fl-irkejjen tas-soċjetà, abbandunati. Aħna mħallta verament. Fuq naħa għandna lil dawk li jaħsbu li huma affluwenti u li ma tantx iridu jitħalltu mal-oħrajn. Fuq l-oħra dawk li qegħdin iġarrbu fis-silenzju l-umiljazzjoni u l-velenu tal-istkerrija fis-soċjetà. Trid iktar biex tinbidel.

Għarfien

8. L-inizjattiva hija tajba minnha nfisha. L-ewwel għax qed iġġib is-suġġett għad-dibattitu. Hemm għarfien soċjali, politiku u kulturali li f’dan qiegħed jinbena. Hemm bżonn li jsiru jafuh, speċjalment dawk li jridu jwettqu l-ġid imma li ma jafux biżżejjed kif u quddiem liema sfidi soċjali jridu jimpenjaw ruħhom. It-tieni, għax billi tiddiskuti dan tista’ tasal biex tibni stat soċjali aktar modern u aktar rilevanti għall-bżonnijiet ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna. L-iktar li tibni stat soċjali mil-lenti ta’ dawk li mhumiex segwaċi tas-suq li jsuq. L-iktar minn dawk li huma viċin id-duttrina soċjali tal-Knisja, li tant hija mimlija b’għerf. Nittama, f’dan, li ħadd ma jipprova jwaqqaf dan il-proċess. Inħares ’il quddiem sabiex f’din is-soċjetà mħallta nibnu pedamenti u proposti li jġibu l-bidla, sabiex il-Ġustizzja Soċjali ma tonqosx.
 

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...