1.2.24

DIĠÀ GĦADDIET SENA

1. Diġà għaddiet sena minn meta l-Papa Benedittu XVI għadda għal ħajja aħjar. Fil-31 ta’ Diċembru 2022, dan il-bniedem tant intelliġenti u li għamel tant ġid ingħaqad mal-Missier wara ħajja mill-iktar interessanti fil-qalba tal-Knisja Kattolika u fid-dinja akkademika tagħha. Kiteb diversi kotba mimlija għerf u għaqal. Kien wieħed li f’ħafna kien vuċi waħdu, imma li proprju serva sabiex sallum jibqa’ dawl li jgħin lil dawk kollha li jippruvaw jifhmu. Dawk id-diversi li jagħtu importanza lil ħajjithom biex jagħtu sens u direzzjoni lil dak li jkunu qed iwettqu. Biex jgħinu lill-oħrajn, u fl-istess ħin li da parti tagħna naħdmu għal dinja aħjar. Waħda li fiha jkun hemm iktar ġustizzja u paċi. U hemm trid ferm iktar minn sempliċi intenzjonijiet tajba; trid preparazzjoni u formazzjoni.

Papa uniku


2. F’dan Benedittu kien ċertament uniku. Differenti fl-istorja tiegħu. Tul il-ħajja li serva fiha fi Knisja li għen sabiex tinbidel minn dak li kienet u li kellha taffronta l-passat tagħha. Anzi, l-azzjonijiet żbaljati ta’ xi wħud li għamlu diżunur b’dak li wettqu lill-Knisja. Kellu jaffronta dan mill-viċin. Kellu, u sa ċertu punt f’għajnejn xi wħud għadu, iħallas il-prezz morali tal-iżbalji ta’ ħaddieħor. Id-dnubiet li jibqgħu mortali u li għandhom l-effetti negattivi fis-soċjetà li jibqgħu jinġarru għal iktar minn ġenerazzjoni waħda. Kien hu, bil-forzi tiegħu, li daħal għal dan u kkonfronta, ikkoreġa u widdeb, u fl-istess ħin mexxa ’l quddiem sabiex ikun hemm għarfien responsabbli ta’ kollox. It-teħid, fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, ta’ x’kien qiegħed ifisser dak kollu li ġara. Ma kienx faċli u kellu salib kbir li ħa ħsieb iġorr sakemm ħass u fehem li kien jixraq li jħallas ħafna mill-prezz li d-dinja kienet qed titlob minnu inġustament. Qisu kellu tort f’dak li twettaq b’mod żbaljat minn ħaddieħor.

Sofra sew


3. Wieħed japprezza aktar dan f’dimensjonijiet differenti meta wieħed jaqra l-ktieb tal-ġurnalist Massimo Franco (1954) bl-isem ta’ Il Monastero, maħruġ għall-bejgħ f’April tas-sena 2022. L-awtur jeħodna fit-triq u fl-ambjent li żviluppa mar-riżenja tal-Papa u dak li seħħ wara. Meta fil-11 ta’ Frar 2013 ħabbar lid-dinja li huwa kien ser jirriżenja mill-kariga tiegħu fit-28 ta’ Frar 2013. Il-ktieb huwa interessanti għax jispjega, forsi f’mumenti b’dettalji xejn rilevanti u b’interpretazzjonijiet l-istess, dak li żviluppa ġewwa l-Vatikan bejn il-Papa Benedittu li ġie dikjarat Emeritu u l-Papa Franġisku. Kif wieħed mar jgħix fil-kwiet fil-post magħruf bħala ‘Il Monastero’ u l-ġdid daħal f’Casa Santa Marta, ’il bgħid mill-ambjent li fih kienu qed jgħixu qabel il-papiet. Sejħa sabiex Franġisku jgħix aktar mal-bnedmin u fl-istess ħin mhux ’il bgħid mill-predeċessur tiegħu. Fi proċess li fih id-dinja Kattolika bdiet tara l-bidliet li kienu qed iseħħu minn idejn wieħed għall-ieħor. Bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi li dan seta’ jidher f’għajnejn il-bnedmin.

Baqgħu viċin


4. Ma kienx hemm kwistjoni ta’ żewġ papiet. Kien hemm wieħed u ieħor li kien irriżenja. Verament ma kienx, u ma hemm xejn x’jirregola kif għandu jġib ruħu min jirriżenja. Imma Benedittu, li kien qiegħed iħoss il-forzi fiżiċi tiegħu qed inaqqsu, tant li ħaseb li kien sejjer jissejjaħ qabel, żamm b’attenzjoni u b’rispett id-distanza. Żamm lilu nnifsu ’l bgħid minn polemiċi, anke jekk oħrajn ippruvaw idaħħluh fihom. Żamm il-preżenza tiegħu mingħajr ma tilef il-fakultajiet mentali tiegħu. Kien kapaċi jsostni dak li kien għaddej u jagħti l-pariri u l-appoġġi morali li minn żmien għal żmien kien hemm il-ħtieġa tagħhom. Il-ktieb jipprova joħloq, f’xi mumenti, xi forma ta’ kuntrasti, inkella ta’ kunflitti interni. Bnedmin li ma jibqgħux fil-karigi u jinbidlu. Imma fil-verità, oġġettivament wieħed jifhem li huwa proċess naturali ta’ bidla sabiex il-Knisja timxi iktar ’il quddiem.

Esperjenzi

5. F’dan hemm ħafna esperjenzi varji li ġew irrakkuntati. Hemm ukoll ġabra attenta ta’ artikli f’gazzetti u ġurnali varji. U f’dan, ċertament, hemm opportunità ta’ riflessjonijiet, l-iktar dawk marbuta mal-mument storiku li l-Knisja għexet f’dawn l-aħħar għaxar snin. Dik li tara żewġ persuni, żewġ papiet f’daqqa jiddiskutu u jaqsmu l-esperjenzi. F’ħafna sferi ta’ influwenza differenti. Il-Papa Emeritu fl-irtir kostanti fil-Monasteru li kien jiltaqa’ ma’ diversi bnedmin, speċjalment kardinali u isqfijiet li kienu jmorru jkellmuh u l-Papa Franġisku fil-ħidma kbira li daħal għaliha. Fl-għarfien ta’ dak li wiret u dak li kien hemm bżonn jinbidel. Kif wieħed imexxi ’l quddiem sabiex iġib lura l-ferħ intern li l-Fidi Nisranija tagħti, id-direzzjonijiet u l-għarfien li ħadd ma twieled ta’ xejn u kull persuna għandha skop preċiż u rilevanti.

Il-Kardinal Mario Grech

6. Il-ktieb jiċċita ħafna u huwa repositorju ta’ informazzjoni. Imma għalija kien iktar interessanti dak li kiteb waqt li, lejn l-aħħar tal-ktieb, jiċċita lill-Kardinal Mario Grech meta dan iltaqa’ mal-Papa Emeritu. Huwa jgħid hekk: “Dal Monastero ormai non arriva che un’eco lontana. “È lucido ma ha difficoltà a esprimersi” ha comunicato nel dicembre 2020 il neocardinale maltese Mario Grech dopo avergli fatto visita. “Vedere questo Pastore, quest’uomo, con gli anni che pesano, ma allo stesso tempo lucido e sorridente e con la voglia di comunicare l’esperienza che lui sta facendo dello Spirito, ci ha molto incorraggito.” (Mill-Monasteru ma jasalx ħlief l-eku mill-bogħod. “Huwa luċidu imma għandu diffikultà biex jesprimi ruħu”, iddikjara f’Diċembru tal-2020 il-Kardinal il-ġdid Malti Mario Grech, wara li kien mar iżuru. “Li tara lil dan ir-Ragħaj, dan il-bniedem, bis-snin li huma piż fuqu imma fl-istess ħin luċidu u jitbissem u li jrid ixandar l-esperjenza li qiegħed jagħmel fl-Ispirtu, jagħmlilna ħafna kuraġġ.” U jkompli jiddikjara li l-Papa Emeritu kien qallu: “Il Signore mi ha tolto la parola per farmi apprezzare il silenzio.” (Il-Mulej ħadli l-kelma biex napprezza iktar is-silenzju.)

Kuraġġ

7. Għalkemm m’għadux magħna u għamel sagrifiċċji kbar, ħalla warajh messaġġ qawwi ta’ kuraġġ. F’dan, meta wieħed iħares lejh mill-ġdid u jaqra kitbietu għal darb’oħra, jifhem. Jifhem li l-kelma ‘kuraġġ’ hija kontinwa. Li l-bniedem, għamel x’għamel, kellu f’moħħu l-bżonn li jagħmel kuraġġ lill-oħrajn u fl-istess ħin li jħares ’il quddiem sabiex isir il-ġid. Forsi f’dan kollu, nitlobkom tippermettuli nħajjarkom taqraw kitbietu mill-ġdid. Waqt li nirriflettu fuq dan kollu nammetti li għalkemm diġà għaddiet sena minn meta huwa m’għadux magħna, il-messaġġi qawwija tiegħu għadhom magħna.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...