13.2.24

META KIEN HEMM

1. Fid-dinja, il-politiċi varji mhux dejjem jiġu mfakkara jew iċċelebrati l-istess. Hemm dawk li jiġu reġistrati f’dak li wettqu. Dawk li ħidmiethom tingħad minn vuċijiet varji. Ħafna drabi wieħed isib lista ta’ dak li bniedem fil-politika jgħaddi minnu. Wieħed isib ċertu passi kostanti u regolari. Twelid, trobbija, edukazzjoni, ħajja familjari u dħul fid-dinja politika. Wara diskussjoni fuq il-punti ċentrali li segwewh f’dik l-art pubblika li minnha nfisha titlob ħafna attenzjoni. Dan isir fil-bijografiji b’sabar u ħafna drabi b’ħafna f’dak li naraw marbut ma’ analiżi dettaljata ta’ dokumenti varji. Dawk tal-Istat. Dawk li jinżammu mill-politiċi nfushom jew il-familjari tagħhom. Dawk li jidhru fil-gazzetti jew f’kotba oħra varji. Tastieri differenti li jingħaqdu f’daqqa.


Ftit huma

2. F’dan ftit huma dawk li jinkitbu b’imħabba, b’rispett veru li ġej mill-għarfien li qed jiktbu fuq persuna li għamlet differenza. Bidliet lilhom u lil diversi oħra fil-ħajja. Punti li jimmarkaw ħajjiet bnedmin varji. Hekk sibtni naħseb waqt li kont qed naqra l-ktieb ta’ Walter Veltroni (1955) bit-titlu Quando c’era Berlinguer (2014). Ktieb li ġie ippubblikat wara li l-awtur kien responsabbli ta’ film verament interessanti bl-istess titolu fl-istess sena. It-tnejn imissu ma’ dak li twettaq minn Enrico Berlinguer bejn l-1972 u l-1984, is-sena li fiha ġie nieqes. Mibnija t-tnjen minn dak li Veltroni ra u anki l-iktar minn erbatax-il persuna li ħallew il-memorja tagħhom f’dak li raw u messew ma’ dan il-bniedem. Kitba, li tibda fl-introduzzjoni ta’ Veltroni bil-kliem: “La politica, quella vera, è una cosa bella.” (Il-politika, dik vera, hija ħaġa sabiħa.)

Magħżula

3. Dawn il-persuni huma lkoll magħżula b’attenzjoni. Ilkoll għandhom rabta ta’ rispett u l-iktar dożi qawwija ta’ mħabba. F’dak li jgħid dwar Giorgio Napolitano: “Dovrei dire ‘la politica come vocazione’ perché egli la concepiva come vocazione e come professione.” (Għandi ngħid li huwa kien iqis il-politika bħala vokazzjoni għax hu kien iħares lejha bħala vokazzjoni u bħala professjoni.) Dan kif kollu fil-ħsieb ta’ dak li Berlinguer (1922-1984) irnexxilu jwettaq bħala segretarju tal-Partit Komunista Taljan (PCI). Ħidma li biddlet il-postazzjonijiet varji li dak il-partit kien ħa sabiex ġiebu iktar b’saħħtu u wieħed li jifhem li jagħmel parti min soċjetà demokratika. Il-ktieb imexxina nifhmu kif dan il-partit, taħt idejh inqata’ biċċa biċċa minn dak li qabel kien wieħed marbut mal-Unjoni Sovjetika. Ħa ħsieb jikkundanna diversi żbalji li kienu qed isiru fir-repressjonijiet varji li seħħew l-iktar f’dak li ġara fil-Polonja. Ċaqlaq lill-partit sabiex jorbot ruħu mar-realtà Taljna li l-preżenza tal-pajjiż ġewwa n-NATO (North Atlantic Treaty Organisation) kienet neċessarja. Ma baqax iktar il-partit li huwa kontra, anqas, f’dik l-ostilità li kien hemm qabel lejn l-Istati Uniti tal-Amerika. Kien kuraġġuż f’ħafna u mexxa sabiex dak li kien qiegħed iseħħ fis-soċjetà Taljana l-partit seta jwieġeb għalih aħjar. Kien dak li pprova wkoll jibni ċentru politiku ġdid bil-bini tal-Ewro-Komuniżmu mal-Partit Komunista Franċiż u dak Spanjol. Proċess li f’daqqa wassal lill-Partit Komunista biex fl-elezzjonijiet, minn 25% jitla’ għal 34%.

Memorji

4. Fil-fatt il-ktieb huwa mimli b’memorji sbieħ u personali. Bħal dawk ta’ bintu Bianca (1959), li tirrakkonta kemm missierha kien viċin tagħhom jew tax-xufier Alberto Menichelli (1928-2017) li jiddeskrivih bħala bniedem ferrieħi u li ċertament ma kienx imdejjaq, però wieħed timidu. Huwa jgħid: “Invece, timido lo era. Tant’è vero che prima dei comizi dovevo preparare un bicchiere d’acqua allungata con u pò di whisky.” (Fil-verità, kien timidu. Tant huwahekk li qabel kull laqgħa kelli nippreparalu tazza ilma miżjuda bil-whisky). Jgħidilna kemm kien iħobb il-ballun u li kien iżomm mal-Cagliari, u kemm kien devot lejn il-familja. Fuq kollox kien hemm ukoll diversi punti personali marbuta mal-laqgħat li kienu qed isiru bejn Berlinguer u Aldo Moro (1916-1978). Dawk li wasslu sabiex il-Partit Komunista Taljan jimxi pass ieħor lejn li jiġi aċċettat bħala partit ta’ alternattiva demokratika.

Forsi l-iktar interessanti

5. F’dan, forsi l-iktar interessanti hija l-kitba tal-Isqof Luigi Bettazzi (1923-2023). Dik li titlaq minn dan il-ħsieb: “Berlinguer conosceva il mondo cattolico, così come la sua famiglia. Accompagnava i figli alla messa, e anche se lui stava fuori è comunque un segno che coglieva il valore umano e sociale di questa fede.” (Berlinguer kien jaf id-dinja Kattolika, bħalma kienet familtu. Huwa kien jieħu lil uliedu għall-quddies, u anke jekk kien joqgħod barra, dan kien sinjal li kien jagħraf il-valur uman u soċjali ta’ din il-fidi.) Dan l-Isqof kien kiteb ittra miftuħa sija lil Benigno Zaccagnini (1912-1989), li kien għadu kif ġie elett Segretarju tal-Partit Demokristjan, u wara wkoll lil Berlinguer. Ittra li ġiebet ħafna attenzjoni u kumplikazzjoni għall-Isqof innifsu, fosthom ċanfira pubblika. Biss, f’dan jagħmel żewġ osservazzjonijiet interessanti. Dan meta jgħid hekk: “Era evidente che sentiva nell’azione del PCI un’esigenza che rispondeva a un bisogno di serietà anche morale, non solo alla ricerca del potere, ma alla ricerca del meglio per la nazione dal punto di vista etico e morale. Credo ci fosse questa speranza anche in chi non aderiva ovviamente alle ideologie che c’erano nel Partito Comunista.” (Kien evidenti li f’ħidmet il-PCI kien iħoss l-esiġenza li twieġeb għall-bżonn ta’ serjetà anke morali, mhux biss fis-sejħa lejn il-poter, imma f’dak li kien l-aħjar għan-nazzjon mill-punt di vista etiku u morali. Nemmen li kien hemm din it-tama anki f’dawk li ma kinux parti minnu jew l-ideoloġija li kellu l-Partit Komunista.) Kif ukoll meta fl-aħħar jgħid hekk: “È stato per me un grande uomo che pensava agli altri, soprattutto ai più poveri, ai più deboli e che sentiva che la sua missione era quella di portarli a raggiungere una dignità sociale.” (Għalija kien bniedem ta’ statura li jaħseb fl-oħrajn, l-iktar għall-fqar, dawk l-iktar debboli u li ħass li l-missjoni tiegħu kienet dik li twassalhom lejn dinjità soċjali.)

Wara 40 sena

6. Nikteb iktar dwar dan għax tul din is-sena għandna dmir infakkru l-erbgħin sena mill-mewt tiegħu, li ġrat fil-11 ta’ Ġunju 1984. Telfa li ġġarbet mid-dinja politika Taljana wara li, waqt meeting pubbliku, sofra minn emoraġija ċerebrali qawwija. Ikkollassa waqt li kien qiegħed jitkellem. Mewta li magħha ġiebet ukoll it-tmiem tal-Partit Komunista Taljan. Biss ħidmietu, b’mod komplessiv, serviet sabiex saret bidla kbira fil-politika demokratika Taljana. Waħda li mexxiet sabiex il-pajjiż jikber. F’dan kollu, ċertament, ħalla vojt kbir. Wieħed li ma mtela minn ħadd warajh. Proprju għalhekk ngħidu li meta kien hemm hu, il-politika kienet verament differenti.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...