29.2.24

IL-POLITIKU TAS-SERENITÀ - DISKORS TA' VICTOR CAMILLERI WAQT IT-TNEDIJA TAL-KTIEB - CARM MIFSUD BONNICI - 25 SENA FIL-PARLAMENT MALTI

Diskors ta’ Victor Camilleri, Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument - 7 ta' Frar 2025

Din l-okkażjoni tal-lum tagħtina l-opportunità niffukaw fuq il-ħidma ta’ deputat parlamentari li ilu 25 sena membru ta’ dan il-Parlament ... ħidma mifruxa fuq sitt leġiżlaturi tista’ tgħid fid-dimensjonijiet kollha ta’ Deputat Parlamentari.

Carm Mifsud Bonnici okkupa karigi fil-Gvern, kemm bħala Ministru kif ukoll bħala Segretarju Parlamentari, bħala backbencher fuq il-bankijiet tal-Gvern, u wkoll bħala deputat fl-Oppożizzjoni, kelliem dwar diversi suġġetti, fosthom l-Intern, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Barranin.

F’dan ix-xogħol kollu tiegħu hemm kwalità partikulari li tispikka fuq oħrajn li wieħed kummentatur tal-politika fil-midja soċjali lokali kien sejħilha THE POLITICS OF SERENITY.

Din hi tabilħaqq it-tabella li nħoss li tassew tiddefinixxi lil Carm, kemm fil-politika li ħaddem kif ukoll fil-kitba tiegħu li ma qatgħet xejn tul dawn il-25 sena. Toħroġ tant evidenti fid-diskorsi tiegħu u f’kitbietu. Qatt ma hu rrabjat ... anki meta x’aktarx kien ikollu raġun kieku esprima ruħu b’aktar foga u forza. Iżda le, dak mhux l-istil ta’ Carm u wisq probabbli li dan hu l-aktar element li fuqu u dwaru jkun hemm tant nies li japprezzawh iżda wkoll, kif dejjem jiġri – mhux fil-politika biss – ikun hemm ukoll min jikkritikah.

Il-bidu tal-vjaġġ

Interessanti wieħed iħares lejn kif beda dan il-vjaġġ ta’ Carm Mifsud Bonnici fil-Parlament. Kien diġà ilu attiv fil-qasam politiku mhux ħażin; kien iż-żmien li jien niftakru sew għaliex propju kien minn hemm – Carm bħala żagħżugħ attiv – li sirt nafu u kont narah kif jikkomporta ruħu fil-Moviment taż-Żgħażagħ Nazzjonalisti fis-snin tmenin, u anki qabel.

Tagħrif interessanti dwar kif Carm ikkontesta l-ewwel Elezzjoni Ġenerali tiegħu fl-1998, jagħtihulna l-Papà tiegħu stess, il-President Emeritu Ugo Mifsud fl-awtobijografija bit-titlu Konvinzjoni u Esperjenza.

Fost l-oħrajn Ugo jsemmi lid-Deputat Laburista Joe Debono Grech, li darba fil-festa tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla, kien qallu li skont ma kien infurmat hu – UGO – kien qed iżomm lil ibnu Carm milll joħroġ għall-politika iżda Ugo kien qallu li hu la kien jgħidlu biex joħroġ u lanqas biex ma joħroġx. Imbagħad, il-President Emeritu, testwalment jikteb hekk: “Fil-fatt naħseb li Carm, b’delikatezza, kien irreżista l-invit ta’ ħafna partitarji Nazzjonalisti li qabel kienu jivvutawli bex joħroġ għall-Elezzjoni tal-1996.” Bħala fatt, Ugo Mifsud Bonnici kien sar President ta’ Malta fl-1994 u Carm, b’sens ta’ rġulija, ma riedx jaqbad u jidħol dritt fil-vojt li kien ħalla missieru fit-Tieni Distrett anki biex ma jimplika f’xejn lil missieru li issa kien il-President ta’ Malta. Ugo jżid li meta mbagħad kienet waslet l-Elezzjoni tal-1998, hu kien ilu erba’ snin fil-kariga ta’ President, żmien li matulu hu kien ġie aċċettat minn kulħadd bħala indipendenti u allura – f’dawk iċ-ċirkostanzi – jikkontesta Elezzjoni Ġenerali għall-ewwel darba.

Ġab l-EASO f’Malta

Carm Mifsud Bonnici ta sehem sinfikanti f’ħafna oqsma, b’mod speċjali fejn serva bħala Ministru u Segretarju Parlamentari, jiġifieri fl-oqsma tal-Ġustizzja u tal-Intern iżda hawn, illum, nixtieq insemmi fatt li, sfortunatament, mhux magħruf biżżejjed u li tant hu marbut ma’ Carm. Qed nirreferi għall-mod kif Carm Mifsud Bonnici kien strumentali f’pajjiżna, fl-2011, meta kienet stabbilita l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, bl-isem ta’ EASO, li llum hi magħrufa bħala l-EUROPEAN AGENCY FOR ASYLUM. Aġenzija li f’dawn l-aħħar 13-il sena tat prestiġju u viżibbiltà akbar lil Malta filwaqt li qed tħalli għadd ta’ benefiċċji, inkluż dawk ta’ natura ekonomika. L-għażla ta’ Malta għal din l-aġenzija tal-UE – l-unika waħda f’pajjiżna sal-lum – ma kinetx waħda awtomatika u skontata. Kellha tkun, infatti, il-ħidma assidwa ta’ Carm li, flimkien ma’ tim ta’ uffiċjali Maltin, irnexxielu jwassal biex il-pajjiżi kollha finalment qablu li din l-aġenzija kellha tkun stabbilita f’Malta.

Ħassejt li għandi nsemmi dan l-episodju għaliex, kif għedt, mhux magħruf biżżejjed u, għaldaqstant, fejn ma jkunx hemm it-tagħrif jonqos ukoll ir-rikonoxximent dovut lil min ikun wettaq ħaġa kbira bħal din fl-interess tan-nazzjon kollu.

Iżda jekk hemm xi ħaġa li ġabet lil Carm u lili qrib ta’ xulxin din kienet il-kitba regolari tiegħu fil-gazzetti li għal tul ta’ żmien kont responsabbli tagħhom: IN-NAZZJON u IL-MUMENT. Tista’ tgħid li b’mod ġenerali Carm mexa fuq il-passi ta’ missieru f’din li hi kitba f’dawk il-gazzetti u nistgħu ngħidu li t-tnejn taw importanza lejn dan l-aspett fil-ħidma politika tagħhom. Bħala Editur kelli l-opportunità li jkolli lil Ugo Mifsud Bonnici jikteb kull nhar ta’ Ħadd u, mal-passaġġ taż-żmien, kelli l-istess opportunità min-naħa ta’ Carm. F’dan is-sens Carm ma setax ikollu gwida aħjar. Inħoss li Carm wera ruħu versatili ħafna f’dak li jikteb; ta’ attwalità tant kruċjali f’artikli ta’ opinjoni u, għalija, b’kitba bi prinċipji u b’valuri li jien kont mhux biss komdu bihom iżda wkoll li kienu għalkollox inline ma’ dawk li kont naħseb jien.

Lealtà ta’ valur

Il-kitbiet ta’ Carm fil-gazzetti għadhom għaddejjin sal-lum, prinċipalment bil-Malti iżda mhux dejjem ta’ natura politika u, aktar u aktar, mhux ta’ politika partiġjana li Carm żgur mhux xi dilettant gwapp tagħha. Fis-snin pjuttost twal li għamilt fil-gazzetti ltqajt ma’ tant nies – u b’mod speċjali nies fil-politika – li bdew ukoll dik it-triq ta’ Carm iżda f’xi stadju jew ieħor, min għal raġuni u min għal oħra, waqfu ... qatgħu nifishom. Realtà li għandha valur u hi apprezzata minn numru kbir ta’ qarrejja.

L-idea ta’ Carm li fl-okkażjoni tal-25 sena ħidma parlamentari jiftakar u jfakkar lid-deputati li f’dan l-istess perjodu ta’ żmien ħallew din id-dinja, toħroġ kwalità oħra li tispikka f’Carm ... l-ALTRUWIŻMU.

Sehmu fil-politika hu karatterizzat mhux biss minn dawk li huma issues kbar jew ta’ natura nazzjonali. Forsi mhux kulħadd jaf li Carm hu wkoll deputat li kontinwament isemmi u jġib ’il quddiem il-ħtiġiet tal-eletturi fil-lokalitajiet li jeleġġuh. Deputat li jagħmel għadd sostanzjali ta’ mistoqsijiet parlamentari b’mod regolari u konsistenti fl-interess ta’ ħafna nies. Nifhem li din tal-lejla mhix xi laqgħa biex nibbeatifikaw lil Carm Mifsud Bonnici iżda pjuttost biex nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dan il-wieħed minna li għal 25 sena sħaħ, u aktar, ta servizz leali, responsabbli u b’integrità ammirevoli lil Malta u lill-Maltin. Nirringrazzjawh, nagħtuh ġieħ għal dak kollu li wettaq, u nawgurawlu biex bl-għajnuna t’Alla – li tant hu importanti f’ħajtu – ikompli jagħti l-kontribut tiegħu f’dan il-Parlament u lill-pajjiż inġenerali.

Grazzi Carm.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...