13.2.24

NITTAMAW FIL-FUTUR

1. Ċertament, pajjiżna għaddej minn diversi diffikultajiet. Uħud ser jirnexxilu jegħlibhom fil-preżent, imma ħafna oħrajn iridu viżjoni differenti, aktar fit-tul. Iridu dan għax jitolbu ħsieb sħiħ ta’ fejn sejrin, fejn ser inkunu u x’soċjetà rridu nibnu jew nikkonservaw. F’dan iż-żmien li ilni nservi fil-politika rajt ħafna tibdil isir. Ftit minnu kien ippjanat sew u pajjiżna ma kellux diffikultajiet biex jaċċċettah, anzi kien qiegħed jitolbu huwa stess. Tibdil ieħor li sar u li nisimgħu ħafna tifħir għalih sar b’reazzjoni. Hemm lista ta’ dak li ma ġiex aċċettat kif kellu, imma huwa ittollerat għax m’hemmx alternattiva fl-ideat li hemm bżonn bidliet fihom. Is-soċjetà tagħna hija waħda partikolari. Waħda li baqgħet soda fl-identità tagħha u fil-linja ta’ tradizzjonijiet u valuri Nsara li baqgħu ankri determinanti.

Tul il-ġimgħa

2. Nhar l-Erbgħa li għadda kelli x-xorti li nara l-aħħar pubblikazzjoni tiegħi tiġi għad-dawl fil-Kamra tad-Deputati, taħt il-patroċinju tal-Ispeaker Anġlu Farrugia. Kien unur u privileġġ għalija li jsir dan. Saru numru ta’ diskorsi preċiżi u mimlija messaġġi politiċi li l-okkażjoni serviet. Smajt għalhekk b’attenzjoni dak li ntqal minn Victor Camilleri, mill-ex Ministru Evarist Bartolo, mill-Onor. Robert Cutajar, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u l-Ispeaker innifsu. Kull kelma fissret ħafna għalija f’dan il-mument partikolari f’ħajti. Biss ħassejt aktar dan waqt li kont qiegħed nirrealizza li d-data tas-7 ta’ Frar hija waħda feliċi. Hija hekk għax fiha, ħames mija u sitta u erbgħin sena ilu twieled bniedem li kitbietu għadhom jinqraw u jiġu studjati.

Tumas More

3. San Tumas More, kif qrajt tant tajjeb f’pubblikazzjoni li kienet saret mill-istess Speaker: “... kien bniedem għaref, kolt, avukat, statista, kittieb. Wieħed mill-imħuħ kbar ta’ żmienu, li kien iż-żmien tar-Rinaxximent, meta l-Ewropa reġgħet skopriet il-Klassiċi Griegi.” Proprju f’dan kien il-bniedem li kiteb il-famuż Utopia. Dak li llum, fis-soċjetà Maltija tagħna ma jinstemax daqshekk, imma li influwenza u għadu, għal min irid jaqrah, jista’ jiġi minnu influwenzat. Inkiteb f’mument partikolari u wara ħafna ħsieb. Alternattiva kuraġġuża għas-soċjetà li kien qiegħed jgħix fiha li kienet iddominata minn ċentralizzazzajoni tal-poter f’idejn il-monarka. F’idejn persuna waħda, li minnha jitlaq u jispiċċa l-poter tal-Istat. Kellu l-ideat tiegħu ċari ħafna u f’dan fittex paġna ġdida lejn il-futur. Fittixha fit-tama lejn il-futur.

Fl-istess żmien

4. F’dan, il-piż tal-ktieb huwa ikbar, meta wieħed jagħraf iqegħdu mal-ideat li kitbu Erażmu ta’ Rotterdam (li miet fl-1536) u Niccolò Machiavelli (1469-1527). Wieħed li jħares li jagħti l-pariri lil prinċep Nisrani u l-ieħor li jaċċetta dak li kien hemm għaddej fi ħdan ir-renjanti ta’ dak iż-żmien. More kellu l-viżjoni li jinqata’ minn kollox u jipprova jibni soċjetà differenti ħafna. Kemm irnexxilu nafu. Imma f’dan inkunu qed niżbaljaw jekk ma naċċettawx li l-ideat tiegħu influwenzaw u sabu ruħhom applikati differentement. Għax l-ideat it-tajba jistgħu ma jiġux implimentati immedjatament. Wisq inqas kif riedhom jew fassalhom f’moħħu min ħareġ bihom. Imma l-esperjenza turik li llum jew għada jseħħu, dejjem jekk huma effettivament tajba u jsibu politiċi li jridu jwettquhom.

Proprju f’dan

5. Is-sitwazzjoni politika preżenti f’pajjiżna f’dan qed titlob aktar mingħandna. Fil-kumplikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u demokratiċi li qed naraw huwa essenzjali li nħarsu ’l quddiem. Għandna l-isfidi li nħolqu hawn internament, li huma tagħna, nazzjonali. Dawk li sa issa ma jidhirx li qed isibu l-livell ta’ paċi u stabilità li għandna bżonn. Biss, hemm iktar f’dawk internazzjonali. Ix-xenarju fl-Ukrajna, f’Gaża u issa bl-attakki fuq in-navigazzjoni mhumiex sfidi faċli. Daqshekk ieħor jekk fl-Istati Uniti tal-Amerika naraw tibdil fil-linja politika tallum. Id-daqqiet li ġejjin għalina rridu nassigurak li nkunu nifilħu sew għalihom. Biex ikollna dan hemm bżonn ta’ iktar ħidma u diskussjoni politika bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.

Forsi servejt


6. F’dan, nittama, naħseb li servejt sabiex ikun hemm aċċettat iktar il-prospett li ż-żewġ naħat tal-Parlament jidħlu fi djalogu aqwa. Il-botti u r-risposti tal-Ħadd jew ta’ matul il-ġimgħa jibqgħu weqfin hemm. Jistgħu jkunu konvenjenti biex juru attività, imma ħafna drabi sat-Tlieta filgħodu jkunu diġà “passato remoto”. Sfortunatament għad għandna, u f’dan għandna ninqatgħu minn dak li kellna, inħarsu iktar lejn xulxin fl-ideat li dan il-pajjiż għandu bżonn biex jibni iktar it-tama tiegħu lejn il-futur. Hawn bnedmin b’ideat. Hawn politiċi fuq iż-żewġ naħat li għandhom il-kapaċità li jidħlu f’dan il-proċess ta’ proposti u kontro-proposti. Naħseb li pajjiżna jikber, u mhux jiċkien politikament, meta juri li anke jekk aħna differenti fl-ideat, fl-ideoloġija, xorta kapaċi nwettqu proposti tajba. Proposti li l-pajjiż jitlob mingħandna.

Jitlob verament


7. Jekk aħna parti mill-klassi politika li nemmnu f’qalbna u f’moħħna li r-raġuni ma tridx forza, m’għandniex nibqgħu lura f’dan il-proċess. Dan, tul dawn is-snin li qiegħed inservi, żammejtu quddiemi. Mhux dejjem segwejt, imma meta għamilt hekk, kif inhuwa inevitabbli, żbaljajt. Għax il-ħidma tkun tajba meta ma tagħlaqx il-bibien tal-ideat, imma tassigurahom. Anke jekk ma taqbilx magħhom, trid tiddiskuti u turi r-raġunijiet tiegħek. Pajjiżna sar aħjar meta seħħ dan il-proċess demokratiku. F’dan, għalhekk, nibqa’ nemmen li dmiri huwa li nħares oġġettivament u mhux b’lenti partiġġjana.

Tamiet

8. Inħares lejn dak li jista’ jitwettaq tajjeb u ma nħallix għaddej dak li huwa ħażin. Pajjiżna għandu bżonn iktar paċi, iktar ġustizzja soċjali. Għandu bżonn viżjoni soda għall-futur tiegħu. Għandu, f’dan, iħares li jibni iktar it-tama lejn il-futur. Mingħajr it-tama l-bniedem ma jimxix ’il quddiem. Mingħajr dik it-tama li l-affarijiet isiru aħjar milli huma il-bniedem jitlef id-direzzjoni tiegħu. Għalhekk nibqa’ kommess u determinat li nippersevera sabiex bil-ħidma politika tiegħi inwettaq dan. Pajjiżna jixraqlu li kull bniedem jagħti sehmu sabiex ikollna futur aħjar. Jixraqlu li lkoll inkunu nistgħu nittamaw għall-futur.

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...