26.11.19


Bl-ingrossa u bl-imnut.

1.Għadu kemm ħareġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xogħol u l-funzjonament tal-Kunsilli Lokali fis-sena 2018. Huwa rapport oġġettiv li ma jagħmilx distinzjoni bejn kunsilli lokali b’maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista u dawk b’maġġoranza tal-Partit Laburista. Huwa rapport interessanti u nistieden lill-qarrejja li jifluh. Minnu joħorġu l-merti u d-difetti. Mir-rapport joħroġ ukoll il-bżonn li nkomplu nsaħħu l-Kunsilli bi preparazzjoni akbar , iktar dettaljata u formattiva minn naħħa tal-Partiti politiċi kemm tan-nies kif ukoll tal-programmi.

Demokrazija u parteċipazzjoni.

2.Il-Kunsilli Lokali waqqafhom Gvern Nazzjonalista fl-1993 bl-Att numru XV ta dik is-sena, illum Kapitolu 363 tal-Liġijiet ta Malta. Meta twaqqfu kien hemm min ikkritika lill-Gvern ta Eddie Fenech Adami, minn ġewwa l-partit nazzjonalista stess. Dan għaliex kien hemm min kien tal-fehma li Gvern Nazzjonalista kien qiegħed jitlaq ċertu setgħat minn idejh, meta kien ġie fdat bis-setgħa fuq il-pajjiż kollu. Iżda l-Gvern Nazzjonalista kien irraġuna li d-demokrazija kellha titħaddem mhux biss fuq skala nazzjonali, iżda wkoll fuq skala lokali. Il-Partit jemmen fid-demokrazija u jemmen li ċ-ċittadini kollha għandhom id-dritt u d-dmir li jieħdu sehem u jagħtu sehemhom fit-tmexxija.

Jemmen fid-decentralizzazzjoni tal-poter.

3.Bħala demokratiċi anzi demokratiċi nsara, nemmnu fid-demokrazija kemm meta taqblilna bħala partit u kemm meta ma taqblilniex. Hekk huma l-prinċipji. Jekk temmen fihom, twettaqhom.

Strumenti

4.Il-kunsilli jistgħu jkunu strument ta amministrazzjoni tajba. Iċ-ċittadini ta kull belt jew raħal ta Malta u Għawdex ikunu jafu sewwa il-ħtiġijiet tal-lokalità tagħhom. Ikunu wkoll jafu n-nies li jeleġġu biex jirrappreżentawhom. Anzi jkunu jafuhom mil-qrib bil-merti u bid-difetti tagħhom, kif għandna lkoll. Il-Ministri tal-Gvern Ċentrali jkollhom jistrieħu fuq dak li jgħidulhom. Mhux dejjem min jinfurmahom, ikun kapaċi jtihom stampa ċara. Fil-lokalità il-Kunsulieri jistgħu jaraw b’għajnejhom u jmissu b’idejhom. Għalhekk il-kunsilli jistgħu u għandhom jamministraw aħjar.

Xogħol is-sezzjonijiet tal-Partit.

5.Il-kumitati tas-sezzjonijiet tal-Partit jeħtieġ li jgħassu fuq il-Kunsilli Lokali . Id-deputati wkoll għandhom dan id-dmir. Is-Segretarju Ġenerali naf li huwa konxju ħafna tal-bżonn li jkun hemm ko-ordinament bejn is-Sezzjonijiet  u r-rappresentanza tal-Partit fil-Kunsilli. Jaf u kif qed narawh beda process intern proprju fuq dan.

Kazini Taghna.

6.Il-politika ta pajjiżna ma titmexxiex biss bl-ingrossa mil-Kap tal-Partit, jeħtieġ li titmexxa ‘l quddiem ukoll bl-imnut.  Jiena nemmen li fil-Każini tal-Partit f’kull lokalità, id-diskussjoni dwar il-bzonnijiet partikulari taqbsd spontanjament.  Biex il-Partit jerġa jieħu l-maġġoranza għandu bzonn dan ix-xogħol fl-imnut. L-elezzjonijiet, speċjalment dawk lokali, iżda wkoll dawk nazzjonali, ma jintrebħux biss minn fuq is-siġġijiet tal-Parlament jew bl-artikoli fil-gażżetti. Jintrebħu fit-toroq, fil-każini, fil-ħwienet, kif ukoll bil-kuntatt dirett man-nies.

Il-Korruzzjoni u l-amministrazzjoni ħażina.

7. Ħafna drabi dawn jimxu id f’id. L-amministratur korrott huwa amministratur ħażin. Kultant ikun hemm min jamministra ħażin anki jekk ma hux korrott. Hemm, amministraturi għażżenin bħalma hemm amministraturi inkapaċi. Hemm amministraturi mogħmija bil-passjoni partiġjana. F’demokrazija hija l-opposizzjoni li tikxifhom.  Jeħtieġ li tkompli tkun attenta, bieżla, kapaċi. Għalhekk il-partit jeħtieġ li jrawwem kunsulieri tajba. Il-Kumitati sezzjonali maghhom wkoll jeħtieġ li jżommu moħħom hemm.

L-elezzjonijiet jintilfu, l-elezzjonijiet jintrebħu.

8.Mhux biss bil-Mass meetings, jew bit-taħdit minn fuq it-Televiżjoni  jew bil-kitba fil-gazzetti. Mhux biss bl-ingrossa. Bħalissa il-gvern qiegħed jitlef lil dawk li ma hux jissodisfa. U għal elf raġuni partikolari. Meta nagħmluha man-nies, nindunaw x’inhu għaddej.  Xogħolna fl-opposizzjoni hu li nkunu għassiesa mhux biss kontra d-diżonestà u l-korruzzjoni,  iżda wkoll kontra l-inġustizzja u ċ-ċaħda tad-drittijiet li qed naraw jkomplu jizdiedu.

L-għar dnubiet

9.Ta kull gvern u amministrazzjoni huma l-qerq u l-inġustizzja.  Qabel nikxfuhom, jeħtieġ li nsiru nafuhom.  Mingħand in-nies individwali li qegħdin isofru minnhom. Dan huwa xogħol bl-imnut li lkoll għandna dmi r li naqdu. Ilkoll: Kap, deputati,  tesserati, kunsuliera.





No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...