3.7.18

To rise to the occasion.

 
1.   Qegħdin fl-aħjar tat-Tazza tad-Dinja.  Kull ġurnata tara logħbiet ġodda, daqqa jmorru naħa, u daqqa jmorru oħra.  Hemm dawk li taħseb li ser jirbħu, li però jitilfu, dawk li ser jgħaddu fuq l-avversarji u jispiċċaw jinżammu fi draw.  Ftit huwa prevedibbli, għax ma tistax tgid kif tiġi.  Żgur mhux forsi, però, il-maturità u l-esperjenza jgħallmu.  Huma elementi u ingredjenti essenzjali li jagħmlu, fl-aħħar tal-ġurnata, id-differenza.  Proprju għax f’dan għandek varjetà kbira ta’ elementi.  Hemm f’dan dawk li jispiċċaw jilgħabu tajjeb ħafna aħjar milli l-oħrajn jistennew, għax isibu l-iebes u jwieġbu għall-isfida.

Maturità u esperjenza

2.   M’għandix dubju li diversi minnkom qed isibu l-mument biex jieqfu jaraw din ix-xita ta’ partiti, waħda differenti u isbaħ mill-oħra.  Isbaħ dejjem meta naraw dawk li jwieġbu għas-sejħa u jidħlu għall-ġlieda kalċistika anki meta jafu li l-avversarji huma magħrufa mill-“għorrief” bħala insuperabbli.  Fil-politika hemm dan ukoll għaddej.  Waqt li aħna aljenati minn partita għal oħra, ix-xenarju politiku Malti qiegħed ikompli jinbidel u jieħu direzzjonijiet ġodda.  Għax huwa ċar li waqt li l-“għorrief” qed ibassru xi ħaġa, il-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-fatt jirreġistra passi sodi ‘l quddiem.

Oppożizzjoni matura

3.   Ma hemmx dubju li l-Partit Laburista jgawdi minn diversi vantaġġi fil-preżent.  Għandu saħħa elettorali, parlamentari, u dominju qawwi ħafna fil-medja.  Biss, kif tgħallem l-istorja, iċ-ċirkostanzi jinbidlu.  Iduru, proprju, għax xejn ma jibqa’ permanenti f’din id-dinja.  Proprju iktar għax il-Partit Nazzjonalista qiegħed jifhem dak li hu għaddej u qiegħed, pass pass, biċċa biċċa, jwieġeb tajjeb għall-appuntamenti politiċi li jiġi msejjaħ għalihom.  L-istess Prim Ministru, li ilu dawn is-snin jipprova jċekken, u anki jżeblaħ lil ħidmet l-Oppożizzjoni, din il-ġimgħa rrikonoxxa l-maturità tagħha.  Fehem li ma jistax ikompli jimxi kif kien qabel u jrid jibdel, jifhem il-mod kif l-Oppożizzjoni qegħda, bl-esperjenzi li għaddiet minnhom qabel, taħdem illum.

Żbalji passati

4.   Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, il-Partit Nazzjonalista għadda minnha fis-snin preċedenti.  Jifhem u jagħraf l-isfidi li fiha.  Jifhem li kien żbaljat min kien għamel mis-suġġett ballun politiku.  It-tmexxija tal-Partit Laburista, f’dan, għaddiet minn żewġ staġuni: wieħed li jħares lejha bħala fattur ta’ għaqda; l-ieħor, bħala waħda li tista’ trebbaħlu l-voti.  Diversi problemi tallum għandhom ukoll l-għeruq tagħhom f’dik it-tieni linja ta’ ħsieb.  Il-Partit Laburista fil-Gvern irid jaffronta d-deċiżjonijiet politiċi żbaljati li kien ħa huwa stess fil-passat, meta avversa, inutilment u inġustament, lill-Partit Nazzjonalista.  Speċjalment, meta wieħed ta x’wieħed x’jifhem li ser isolvi l-problemi li, kif qed naraw, għadhom illum ‘il bogħod milli jissolvew.  Biss, dan il-Partit Nazzjonalista mhuwiex lest li jaqa’ għall-istess li daħal għalih ħaddieħor.  Proprju għalhekk li hawn iktar maturità u esperjenza milli ħaddieħor jara jew jaħseb.

Moderazzjoni u attenzjoni

5.   Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iżomm il-linja tal-moderazzjoni u l-attenzjoni.  Mhux biss fuq din il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, li ser tibqa’ magħna, imma anki fuq suġġetti oħra daqshekk gravi.  Fl-immigrazzjoni hemm, ċertament, l-interess nazzjonali li ma jistax jiġi abbandunat; imma f’ebda mument wieħed ma għandu jinsa li qed nitkellmu fuq persuni umani.  Ngħarfu li hemm id-dinjità tal-bniedem, li għandha tiġi rispettata iktar u iktar meta numru kbir ta’ dawk li jitolbu l-protezzjoni bħala refuġjati jkun verament ħaqqhom.  Dan kif għarafna u ppruvajna nġibu lill-Gvern jifhem u jagħraf kemm hemm bżonn li jżomm dan ir-rispett fl-emendi li huwa ressaq għall-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Il-messaġġ wasal

6.   Il-Partit Nazzjonalista, hemm ukoll, kien u għadu matur fil-pożizzjonijiet politiċi tiegħu.  Hemm prinċipji ċari, imma ma hemmx fundamentaliżmu.  Irridu nisimgħu, nifhmu u ma niġġudikawx minn qabel.  Ċertament kien żball tal-Gvern li quddiem l-oppożizzjoni ta’ diversi fis-soċjetà, flok stenna u wettaq dak li l-elettorat ried, baqa’ sejjer.  Dak kien att ta’ nuqqas ta’ maturità u li l-esperjenza politika żżommok milli twettaq.  Biss, minkejja l-iżvantaġġi lil-Partit Nazzjonalista għandu, xorta rnexxilu jwassal li dak li qiegħed isir ma jaqbilx miegħu.  Kif ukoll ir-raġunijiet għala għandu din l-opinjoni.

Ċirkostanzi diffiċli

7.   F’dawn il-mumenti, l-affarijiet qegħdin ikomplu jinbidlu politikament.  Fil-fatti, qed naraw li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jibni aktar lilu nnifsu f’dak li ser ikun.  Jittrasforma aktar lilu nnifsu fil-programm alternattiv li fih hemm ġabra ta’ bnedmin li qed jagħrblu u jifhmu iktar dak li huwa mistenni minnhom.  Iċ-ċirkostanzi huma diffiċli u l-vantaġġi qegħdin f’idejn ħaddieħor.  Biss, kif naraw f’kull logħba ta’ din it-Tazza tad-Dinja, hemm min kapaċi jwieġeb għas-sejħa li ssirlu, u jaqleb ir-riżultat.  Kapaċità li dan il-partit, taħt it-tmexxija tal-Kap Dr Adrian Delia, għandu dik li l-Ingliżi jiddeskrivu aħjar bħala “to rise to the occasion”.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...