10.7.18

AMBAXXATA MALTIJA GĦAT-TUNEŻIJA - ĦIDMA U INIZJATTIVI

 
6627. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għat-Tuneżija tul dawn l-aħħar tletin xahar? 

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma wieħed janalizza l-ħidma tal-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-kuntest attwali tal-pajjiż. Mill-2011 ‘l hawn t-Tuneżija għaddiet b’suċċess minn tranżizzjoni demokratika li għal perjodu ħolqu element ta’ inċertezza u instabbilità. Kellha tilqa’ wkoll għal sfidi ġodda fosthom dawk tat-terroriżmu. Is-sena 2015 kienet immarkata minn tlett attakki terroristi li ħallew impatt profond fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u b’konsegwenza fuq il-ħidma diplomatika ta’ Malta f’dan il-pajjiż.

Malta, anke fir-rwol tagħha ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, uriet appoġġ kontinwu għat-Tuneżija u dawn l-aħħar xhur kienu kkaratterizzati minn attività diplomatika intensiva bi skambji u viżti regolari u ta’ livell mill-aktar għoli.

Inizzjattivi Politiċi

Żjarat Bilaterali

20 April 2016      - Il-President ta’ Malta attendiet is-seminar “Promoting Values of Peace and Dialogue”. Matul din iż-żjara, l-President kellha laqgħat mal-għola awtoritajiet Tuneżini fosthom il-President tar-Repubblika Tuneżin.

26 Mejju 2016 - Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin mexxa viżta uffiċjali f’Malta u kellu laqgħat mal-għola awtorijatijet Maltin.

25-26 April 2017                Bħala parti mill-programm tal-Prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f’April tal-2017, l-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija organizzat laqgħa f’Tuneż tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea kontra t-Terroriżmu (COTER). Din kienet l-ewwel darba li dan il-Grupp iltaqa’ barra minn Brussell u li r-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kellhom l-opportunità li jkollhom esperjenza diretta tal-pajjiż li miegħu l-UE għandha programm intensiv ta’ kooperazzjoni fil-qasam konċernat. Din il-viżta, li seħħet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Tuneżini, tat l-opportunità biex isir skambju diretti dwar il-ħidma u l-progress li twettaq b’kooperazzjoni ma’ memrbri tal-komunità internazzjonali fosthom l-UE wara l-attakki terroristiċi tal-2015.

7-8 Novembru 2017Bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-ħamsin anniversarji tar-relazzjonijiet diplomatici bejn Malta u t-Tuneżija, il-President ta’ Malta, fuq stedina tal-President tar-Repubblika Tuneżin, mexxiet Viżta Uffiċċjali fit-Tuneżija u kellha laqgħat mal-għola awtorijatijet Tuneżini u mal-komunità Maltija. F’din il-laqgha l-President kienet akkumpanjata mill-Ministru tal-Affarijet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerċ kif ukoll mill-Ministru ghall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Il-President inawgurat Business Forum Malti-Tuneżin (ara d-dettalji aktar 'l isfel).

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerc, mexxa Konsultazzjonijiet Politiċi mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin. Fost affarijiet oħra, ġie deċiż li s-sessjoni li jmiss tal-Kummissjoni Konġunta (Joint Comission) bejn Malta u t-Tuneżija tinżamm Malta matul l-2018. Iż-żewġ Ministri responsabbli għall-Affarijiet Barranin iffirmaw ftehim bilaterali dwar it-turiżmu u ftehim ieħor dwar l-edukazzjoni. Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-proċess biex tiltaqa' l-Kummissjoni Konġunta. 

F’Gunju 2018, l-Ambaxxata għaddiet stedina mill-President ta’ Malta lill-President tat-Tuneżija biex imexxi Żjara Statali f’Malta matul l-2018.

Matul is-sena 2017 il-Ministru tal-Kultura Tuneżin attenda konferenza f'Malta u kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru Malti responsabbli għall-Kultura.

Matul l-2017 il-Ministri Maltin responsabbli għall-Kultura, għall-Edukazzjoni u għall-Intern, attendaw laqgħat multilaterali li seħħew fit-Tuneżija.
Kummerċ

L-Ambaxxata ta’ Malta żżomm kuntatt regolari u kontinwu mal-kummerċanti Maltin preżenti fit-Tuneżija. L-Ambaxxata b’mod regolari tati appoġġ lil dawn l-intrapriżi u tagħmel rappreżentazzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini b’għan li jiġu riżolti intoppi għall-kummerċ.

L-Ambaxxata regolarment tirċievi talbiet għall-għajnuna ta’ natura varja minn kummċerjanti kemm Maltin u kemm Tuneżini li jkunu interessanti f’kummerċ bilaterali.

L-Ambaxxata ħadet numru ta’ inizzjattivi biex tibni kuntatti ġodda ma kummerċjanti u entitajiet kummerċjali Tuneżini li jistgħu jkunu interessanti li jesploraw kuntatti bilaterali ġodda.

Ta’ min isemmi li matul l-2017 il-kumpanija tal-ajru Maltija l-Air Malta reġgħet bdiet titjiriet regolari diretti bejn Malta u t-Tuneżija wara waqfa ta’ tmien snin. L-Ambaxxata għamlet bosta rappreżentazzjonijiet importanti mal-awtoritajiet Tuneżini biex jiġi faċilitat l-operat ta’dawn it-titjiriet.

Business Forum

Fl-isfond tal-Viżta Uffiċjali tal-President ta’ Malta fit-Tuneżija, fis-7 ta’ Novembru 2017,  l-Ambaxxata b’kooperazzjoni mal-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż, organizzat Business Forum Malti-Tuneżin. Dan il-forum ġie inawgurat mill-President ta’ Malta flimkien mal-Prim Ministru Tuneżin fil-preżenza ta’ sitt membri tal-kabinett Tuneżin. Il-ftuħ ġie segwit minn Business to Business Meetings bejn intrapriżi u kummerċjanti Maltin u Tuneżini. 

Il-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż organizzaw it-tieni edizzjoni tal-Busines Forum Malti-Tuneżin, f’Malta bejn it-12 u t-13 ta’ Marzu 2018. L-Ambaxxata tat appoġġ loġistiku per eżempju bil-ħrug ta’ viżas.

L-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-kuntatti li seħħew matul iż-żewg edizzjonijiet tal-Business Forum u rċeviet numru ta’ talbiet għall-għajnuna mingħand kummerċjanti u intrapriżi Maltin li wħud minnhom għamlu żjarat ta’ follow up f’dawn l-aħħar xhur.

Bħalissa, l-Ambaxxata qiegħda tipprepara għal-viżta f’Malta ta’ numru ta’ Kummerċjanti Tuneżini.


Kultura u Promozzjoni

L-attakki terroristiċi tal-2015 kellhom impatt sostanzjali fuq il-ħidma tal-Ambaxxata biex tippromovi kuntatti kulturali bejn iż-żewg pajjiżi. Madanakollu l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu ma’ entitajiet kulturali Tuneżini. 

Fi Frar tal-2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil stazzjon televiżiv Tuneżin li tella produzzjoni dwar il-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin.

F’April 2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil entità kulturali Maltija li żaret Tuneż biex tipproduċi film dwar il-preżenza Maltija fit-Tuneżija.  

Huwa maħsub li matul l-2018 mużiċisti Maltin jieħdu sehem f’żewġ attivitajiet kulturali f’Tuneż.

Qiegħdin isiru tħejjijiet biex jixxandar feature fuq Malta f’riviżta Tuneżina ta’ kwalità għolja fis-sajf 2018.

F’Novembru 2017 l-Ambaxxata nehdiet stand Maltija fil-bażar annwali li jorganizza l-Korp Diplomatiku fit-Tuneżija. 

L-Ambaxxata tipparteċipa wkoll f’bosta attivitajiet biex jinġabru fondi għal entitajiet filantropiċi Tuneżini.






Servizzi Konsulari

-               L-Ambaxxata toħroġ l-viżas għal-ċittadini Tuneżini u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-Tuneżija. Wara l-awtorizzazzjoni mis-Central Visa Unit, ċittadini Libjani jkunu jistgħu japplikaw għall-viża fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Tuneż.

-               L-Ambaxxata toffri servizzi konsolari (per eżempju tiġdid ta’ passaporti u reġistrazzjoni ta’ twelid u żwieġ u atti ċivili oħra), lill-komunità Maltija li tgħix fit-Tuneżija u lill-familjari tagħhom. Toffri wkoll servizz ta’ legalizzazzjoni ta’ dokumenti.

-               L-Ambaxxata tilqa' numru ta’ talbiet ta’ informazzjoni u applikazzjonijiet għaċ-ċittandinanza l-aktar minn dixxendenti tal-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin.

-               Apparti milli toffri servizzi konsulari m’mod regolari l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu mal-komunità Maltija f’Tuneż u ġieli torganizza laqgħat informali mal-membri.

-               Matul dawn l-aħħar snin l-Ambaxxata Maltija tat assistenza lil ċittadin Malti li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs f’Tuneż u wara li ġie meħlus ħargitlu dokument tal-ivvjagar u ffaċilitat ir-ritorn tiegħu lejn Malta.


Amministrazzjoni

L-Ambaxxata għaddejja minn proċess biex jiġi identifikat bini ġdid għall-Ambaxxata u l-Konsulat li jkun aktar sigur u aktar ta’ rappreżentanza xierqa. 

Seduta  137
04/07/2018

No comments:

KUNSILL LOKALI RAĦAL ĠDID - ILMENTI U SUĠĠERIMENTI

18033. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm i...