26.7.18

Id-dinja tinbidel għas-sewwa wkoll

 
1.    Naqraw diversi forom ta’ rapporti, li jiġu mill-irkejjen tad-dinja, li jistgħu jsewdulna qalbna.  Hemm min iħoss li l-valuri Nsara sejrin lura.  Hemm min jagħraf li hawn liġijiet li qed jiġu fis-seħħ li huma kompletament il-kontra ta’ dak li l-Knisja Kattolika ilha snin tagħallem.  Fejn naraw li, għal xi wħud, it-triq tal-libertà tfisser li wieħed jista’ jiċħad dak kollu li hija tgħallem.  Mhux biss, imma oħrajn iridu jimitaw biss dak li jgħid u jagħmel ħaddieħor, anki jekk mhumiex neċessarjament konvinti minn dak li jkunu qed iwettqu.

2.    Dan qed narawh kull ġurnata, anke f’pajjiżna.  Biss, għalkemm jista’ jkun mument li fih uħud jaqtgħu qalbhom, hemm dejjem raġġ ta’ dawl li l-istorja u ż-żminijiet jagħtu.  Meta tara li pajjiżi varji fl-Ewropa għandhom l-abort u l-ewtanasja legalizzati, jew tisma’ kif l-Irlanda Repubblikana, terġa’, biddlet il-liġi, jkollok fuq x’hiex issewwed qalbek.  Biss, id-dinja tgħaddi minn ħafna.  Mitt sena ilu, il-materjaliżmu Sovjetiku u dak Nażi-Faxxista kien fl-aqwa tiegħu.  Il-bniedem, id-dinjità sħiħa tiegħu kienu qed jintilfu biċċa biċċa.  Dak li llum insejħulu “ġenn” għadda, u d-diversi liġijiet razzisti u varji li kienu daħlu għaddew u huma biss parti mill-istorja u lezzjonijiet.

3.    Ma kienx mument faċli għall-Insara.  Kien mument ta’ persekuzzjoni u diversi ġew proċessati u maqtula.  Politiċi varji sabu ruħhom imsakkra f’ħabsijiet għal sentenzi inġusti.  Sabu ruħhom ukoll f’mumenti diffiċli ħafna.  Reċentement qrajt parti minn ittra ta’ Alcide de Gasperi, fejn jgħid hekk: “Ed io, come spesso, cerco rifugio nell’Imitazione e prego “Domine Deus, iudex iuste-esto robur meum et tota fiducia mea: non enim mihi sufficit conscientia mea” (Signore Iddio, giudice giusto, sii la mia forza e tutta la fiducia mia: poiché non mi basta la coscienza mia.)  Minn priġunier kundannat spiċċa l-Prim Ministru tal-Italja u l-fundatur tal-Unjoni Ewropea tallum.

4.    Il-kurrent kontra l-Knisja Kattolika llum ġej minn direzzjonijiet differenti minn dawk li kien hemm fis-seklu li għadda.  F’parti sostanzjali, il-messaġġ tagħha mar lura minħabba żewġ fatturi: l-iskandli li rajna, kif ukoll ċertu aġir intern.  Kif nafu, l-ideat fid-dinja tallum jiddependu fuq kemm kredibilità tingħata lil min ikun qiegħed jgħidhom.  Proprju għalhekk li kelmet il-Papa Franġisku għandha daqshekk piż u saħħa.  Imma dan ma jgħoddx għal kulħadd.  F’dan, forsi, ma nirrealizzawx biżżejjed kemm huwa essenzjali li nifhmu x’qiegħed jiġri sewwasew barra mal-bniedem, iktar milli internament.

5.    Hemm dejjem partijiet, opinjonijiet li jsaħħu dejjem iktar, li anki min mhuwiex Nisrani jifhem l-importanza tar-reliġjon f’dinja fejn l-ekonomija miexja ‘l quddiem.  Reċentement ġew quddiemi dawn iż-żewġ opinjonijiet.  L-ewwel fi ktieb ta’ Edward Luce (gradwat fil-filosofija, politika u ekonomija u kittieb regolari fil-Financial Times), ‘The Retreat of Western Liberalism’, li fih jgħid hekk: “When people lose faith in the future they are less likely to invest in the present.  That sense of personal stagnation – the gnawing fear you may be sinking – casts an enervating pall over the human spirit.”  U jkompli: “Writing in the 1950s, Daniel Bell, the American sociologist, said “economic growth has become the secular religion of advancing industrial societies”.  He was right.  It follows that in its absence, many people lapse into the equivalent of atheism.  That sense of listlessness shows up in many ways.”

6.    It-tieni fil-kitba tal-liriku letterarju Marxista Terry Eagelton, fil-ktieb tiegħu ‘After Theory’.  Huwa jqabbel il-kultura mar-reliġjon u jgħid dan: “It is no wonder, then, that culture has been in perpetual crises since the moment it was thrust into prominence.  Fot it has been called upon to take over these functions in a post-religious age; and it is hardly suprising that for the most part it has lamentably failed to do so.  Part of religion’s force was to link fact and value, the routine conduct of everyday life with matters of ultimate spiritual importance.  Culture, however, divides these domains down the middle.  In its broad, popular, everyday sense, it means a set of ways of doing things, in its artistic sense it means a body of work of fundamental value.  But the connection between them is fatally messy.  Religion, by contrast, is culture in both senses at once.”

7.    It-tnejn narahom bħala indikaturi ċari li l-bniedem li jrid jirraġuna jifhem u jagħraf sew li ma hemmx sostitut għal dik li hija r-rabta bejn “the routine conduct of everyday life with matters of ultimate spiritual importance.”  Biss, dan huwa proċess li kull bniedem u kull soċjetà tgħaddi minnu fid-dixxerniment tagħha ta’ dak li huwa verament tajjeb.  Fil-kurrenti kollha li nistgħu, bħala Nsara naraw bħala negattivi, xorta m’għandniex nitilfu l-fiduċja fil-bniedem.  Il-Knisja stess tgħallimna dan.  L-istorja tad-dinja tagħtina xiehda ta’ dan.  Bħalma kien hemm esperjenzi iebsa u negattivi, jiġu wkoll dawk pożittivi.  Nistgħu llum naraw li qegħdin f’mument ta’ dlam, imma dan ma jfissirx li mhux ser jinbidel.  Għax, kif għandna nagħrfu, id-dinja tinbidel għas-sewwa hija wkoll.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...