26.7.18

Beda l-proċess tal-bidla.


 
1.    Kien ċertament mhux tas-soltu, l-attakk imħallat u żlealissimu li deher fil-ħarġa tal-Orizzont tas-17 ta’ Lulju 2018, kontra l-ħidma li qegħda ssir fil-kamp tal-medja tal-Partit Nazzjonalista.  Kien barra min-normal għal diversi raġunijiet.  L-ewwel: ma kien iffirmat minn ħadd.  It-tieni: kien mifrux fuq tlett faċċati, bi stejjer varji li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin.  It-tielet, għax ibbażat fuq defiċit fil-verità wisq evidenti.  Ir-raba’ għax kien, għall-ewwel darba f’numru ta’ snin, li xi ħadd ħass il-bżonn li jattakka lill-Partit Nazzjonalista f’settur li fih qed isiru tibdliet u avvanzi.  Proprju għalhekk li l-ġurnalisti kollha tal-Partit ingħaqdu fl-appoġġ tagħhom lil Pierre Portelli u ċaħdu kategorikament dak li ngħad.

Għall-kuntrarju

2.    Dan, għal min isarraf sew il-politika Maltija, għalkemm jista’ fuq il-karta jidher li għandu xi sustanza, fir-realtà huwa rikonoxximeent li l-pożizzjoni fil-medja tal-Partit qed tinbidel għas-sewwa.  M’għandix dubju li dak li għaddej bil-programmi l-ġodda, bl-iskeda differenti, bil-preżentaturi u programmi interessanti li daħlu, qiegħed jiġi osservat sew mill-Partit Laburista.  Għall-ewwel darba fi żmien twil, l-istazzjon bidel il-libsa tiegħu mingħajr ma biddel il-valuri u d-direzzjoni politika tiegħu.  Għall-ewwel darba qiegħed jakkwista lura udjenzi li qabel konna tlifna jew ma kellniex.  Hemm kurrent ġdid ta’ ideat li ġiebu l-istazzjon inqas riġidu u preparat li jagħmel it-tibdil fi proċess kontinwu.  Dak li sar jafu li rreġistra diġà suċċess; biss, il-korrispondent ‘anonimu’ tal-Orizzont qiegħed jifhem iktar li m’aħniex ser noqogħdu lura u nkomplu nirfinaw.

L-għodod essenzjali

3.    Il-Partit Laburista qiegħed jagħraf li beda ċaqliq importanti li jrid jipprova jżomm milli jkompli.  Qiegħed jifhem li nbdiet triq sabiex id-dominju assolut tiegħu jibda jiċċekken.  Ngħid dan għax ir-realtà politika llum hija li l-partit fil-Gvern għandu vuċijiet b’saħħithom favur tiegħu li joħonqu lil dawk tal-Partit Nazzjonalista.  Mhux biss għandhom volum aqwa, imma għandhom ukoll l-abbiltà li jġibu fid-dubju dak li qiegħed isir minna.  Mhux biss dan, imma meta ddur naħa jew oħra, wieħed jara li fl-aħħar tal-jum huma l-gazzetti tagħna il-Mument, in-Nazzjon u l-istazzjon tar-radju u tat-televiżjoni Net FM u Net TV li jħabbru dak li ngħidu mingħajr indħil jew tidwir.  Strumenti, għodod essenzjali li ma ġewx ikkoltivati biżżejjed, u ġejna kull darba niddependu fuq dak li jiddependi fuq ħaddieħor.

Mezzi maħkuma

4.    L-agħar f’dan mhux tant dak li hu għaddej, jiġifieri li min huwa fil-Gvern irid iħalli kollox kif inhuwa u mhux jiġi kritikat jew attakkat, imma li jkun hemm min jibqa’ maħkum minn mezzi oħra biex jiddubita minn dak li qiegħed isir mill-Partit Nazzjonalista.  Mhux ċar għal dawn il-persuni li biex il-Partit fl-Oppożizzjoni jieħu lura l-fiduċja u l-kredibilità tal-messaġġ tiegħu jrid, bilfors, li jkollu l-għodod tiegħu f’posthom?  Ikollu, kif qegħdin sewwa jinbnew minn Pierre Portelli, mezzi li qegħdin hemm mhux biss għan-numru, imma biex ikunu effikaċi fis-soċjetà.  Għandna, nittama, nammettu li fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali l-istrumenti tagħna ma wasslux biżżejjed għar-riżultati li ridna.

Fiduċja u kredibilità

5.    Nitkellem fuq fiduċja u kredibilità bażata fuq is-sens u s-sustanza, mhux l-artifiċjalità.  L-esperjenza politika ta’ dawn is-snin għallmitni li minkejja li għedna diversi drabi l-verità, u għedna l-affarijiet bis-sens bażati fuq argumenti sodi, xorta ma konniex qed nirbħu l-argument mal-votanti.  Proprju għax f’din it-triq injorajna l-parir ta’ dak li kien qal Marshall McLuhan: “The medium is the message”.  F’kelma oħra, mhux is-sustanza ta’ dak li tgħid, imma l-mezz li tgħidu.  Għalhekk, waqt li konna qed naħdmu, ħaddieħor kien qiegħed biss jirredikolana.  Dan seħħ iktar faċilment għax għad hawn wisq preġudizzji ngranati f’moħħna fis-snin li għandna negħlbu, għax għad hawn wisq dawk li jsibuha faċli li jippruvaw iċekknu u jiddisprezzaw il-gazzetti tagħna.  Qisu xi diżunur li tikkwota dak li jgħidu jew li jinkiteb fihom.

Proġett Net FM

6.    Il-‘Proġett’ tagħna biex tinbidel din il-pożizzjoni mhux faċli, ċertament, imma nbeda.  Net FM kien l-ewwel pass, u bih bdejna nirreġistraw ċaqliq.  Tul din il-ġimgħa kelli l-pjaċir inkun fuq l-istazzjon.  Il-post baqa’ l-istess, imma min ipparteċipa u organizza kien differenti.  Hemm arja ferm aktar friska u l-għarfien li qegħdin parti minn bidla u triq ġdida.  Waħda li ġiebet bnedmin ġodda, li magħhom qed iġibu għalina l-esperjenza u l-kredibilità sħiħa u kbira tagħhom.  Proprju għalhekk li wieħed jifhem iktar u iktar għala kellu jkun hemm attakk fuq din il-bidla minn pinna mmexxija mill-Partit Laburista.  Proprju għalhekk li fuq in-naħa l-oħra għandna nkomplu għaddejjin, determinati fi triqtina, għax il-proċess tal-bidla nbeda sew.

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...