17.7.18

Ulied il-ħidma t-tajba.

 
1.    L-Ewropa u partijiet oħra tad-dinja għaddejjin minn taħt influwenzi politiċi li jfakkru diversi fil-lemin estrem.  Hemm taqbil varju li qiegħed isir bejn dak li għaddew minnu ta’ qabilna mitt sena ilu, u llum.  Dak li nisimgħu spiss bih huwa magħġun fil-kunċett ġenerali ta’ populiżmu.  Għal uħud ifisser Nażiżmu u Faxxiżmu, għall-oħrajn inqas jew le.  Imma l-fatti huma li hawn wisq mexxejja li jaħsbu u jitkellmu f’termini li jfakkruna f’dak li mexxejja żbaljati oħra qabilhom użaw.  Hemm kunċetti viċini.  Hemm ġabra ta’ dak li ċerti persuni jesprimu fit-triq u dak li numru ta’ politiċi jaraw bħala l-garanzija li jibqgħu fil-poter.

Prudenza u attenzjoni

2.    Numru minn dawn il-politiċi li għandna jirkbu fuq l-opinjoni li ġiet iffurmata jew influwenzata minn eventi jew politiċi oħra qabilhom.  Waqaf il-politiku li jrid jikkumbatti u jieħu r-riskju biex ibiddel l-opinjoni tal-elettorat.  Tant ġie iddeklassat il-politiku awtentiku mill-medja nnifisha li tużah biex tbigħ jew jarawha iktar, billi tirredikolah, li issa qiegħed joqgħod pass sew lura.  Hemm prudenza u attenzjoni politika li qegħda toħroġ il-ħin kollu minn dawk li jagħrfu li l-ispazju politiku ngħalaq.  Dan qiegħed iġib, iktar milli diskussjoni, impożizzjonijiet varji ta’ inkomprensjoni.  Sitwazzjonijiet li jgħinu sabiex, min irid jiddett,a kull ma jrid huwa li jissekonda dak li jingħad, anki jekk dak huwa żbaljat.

Niddefendu d-demokrazija

3.    F’dawn is-snin, ikkonvinċejt iktar lili nnifsu dwar il-bżonn li wieħed jiddefendi sew id-demokrazija li ngawdu.  Jiddefendiha mhux biss b’sistema iktar b’saħħitha fl-istituzzjonijiet, imma fil-bżonn ta’ introduzzjoni ta’ reati kriminali għal min jaġixxi kontra d-demokrazija.  Għandna warajna esperjenza twila ta’ dittaturi varji.  Uħud kienu hekk mill-bidu, imma diversi użaw is-sistema demokratika sabiex qalbu demokrazija f’dittatura.  Hemm proċess li lkoll nagħrfu, li jibda billi wieħed jibda jżarma biċċa biċċa l-valuri li fuqhom is-sistema demokratika hija mibnija.

Urlato di Gioia

4.    Din il-ġimgħa, dan ġie lura quddiemi f’dak li ġie rappurtat li seħħ wara sentenza ta’ għomor il-ħabs li ngħatat lil ċittadina Ġermaniża Beate Zschaepe.  Mill-investigazzjoni nstab li hija kienet membru ta’ ċellula terrorista neo-Nażista magħrufa bħala ‘NSU’.  Ġiet ikkundannata u misjuba ħatja li kellha sehem f’għaxar omiċidji u diversi serqiet oħra.  Biss, flok kien hemm min ħa lezzjoni, ingħad li numru ta’ neo-Nażisti preżenti fl-awla bdew jgħajtu bil-ferħ.  Kif qalet il-gazzetta Taljana ‘La Repubblica’: “Al pronunciamento della sentenza, alcuni neonazisti nell’aula hanno urlato di gioia.  Senza alcun pudore davanti al padre, alle madri e ai fratelli delle vittime.”

Angela Merkel

5.    Qed tidħol żerriegħa ħażina lura f’moħħ uħud fl-Unjoni Ewropea li trid tiġi kumbattuta.  U hemm min fehem sew u qiegħed iwettaq dan.  Għax qed naraw kuljum kif ulied is-sewwa, dawk li qegħdin jiddefendu d-demokrazija, qed isibu lilhom infushom iktar u iktar attakkati.  F’dan nifhem u napprezza iktar ħidmet il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel.  Persuna li f’dawn l-aħħar snin żammet stabilità mhux biss għal pajjiżha, imma iktar u iktar għall-istess Unjoni Ewropea.  Illum il-ġurnata, wieħed għandu jagħraf li saret, f’ħafna sens, il-ġebla tax-xewka ta’ dak li nemmnu fih.

Fattur ta’ stabilità

6.    Persuna li għarfet iddawwar ruħha bi bnedmin tal-affari tagħhom u li hija tapprezza.  Proprju għal dan l-għaqal u sens tajjeb ta’ prinċipji li hija tħaddan li qed naraw daqshekk kurrenti u attakki kontra tagħha.  Jekk il-Gvern tagħha jieqaf, jew it-tmexxija tagħha tispiċċa, ċertament li ser naraw bidliet Ewropej li ser iġibuna lura f’pożizzjonijiet ta’ instabilità.  Instabilità politika li magħha jiġu dawk ekonomiċi u soċjali.  Il-futur mhuwiex f’dan immarkat b’ħafna dawl qawwi.  Ibda il-pożizzjonijiet tal-Ministru tal-Intern Horst Seehofer, u kompli b’dik ta’ diversi stati oħra li jiddependu finalment minn ħidmet il-Kanċilliera.

Unjoni Ewropea soda

7.    Dak li għaddej minn moħħ u ħalq numru ta’ Ministri tal-Intern fl-Ewropa, kif ukoll il-pożizzjonijiet politiċi ta’ pajjiżi oħra huma f’dan kontro-produċenti għalihom stess.  Kull min huwa viċin il-Ġermanja għandu jifhem li meta, f’dan il-mument storiku, qiegħed jattakkaha, qiegħed fl-istess ħin inaqqas fis-saħħa tiegħu stess.  L-Unjoni Ewropea hija b’saħħitha għax tagħraf li kull pajjiż u poplu jiddependi fuq l-ieħor.  Meta dan ma jibdiex jiġi rispettat, allura jkun hemm il-konsegwenzi.  Illum, xi politiċi jistgħu jidhru li qed iwieġbu għal sejħiet il-poplu, imma fit-tul ser ikunu biss issekondaw linji politiċi żbaljati.

Ir-Renju Unit

8.    L-istess, kif qed naraw fir-Renju Unit, fejn fil-kumplikazzjonijiet tal-konsegwenzi tal-Brexit, il-Prim Ministru Teresa May qegħda tipprova ġġib loġika fl-illoġika.  Minflok sostenn għal dak li jaf ikun iktar iebes għall-ekonomija u l-ħajja tal-bnedmin, tul din il-ġimgħa sabet żewġ ministri tagħha jirriżenjaw.  Tnejn “prominenti” bħal David Davis u Boris Johnson, li ppruvaw jagħtu spjegazzjoni għall-aġir tagħhom, imma li diversi ħadu l-impressjoni li hija biss parti minn “gwerra” interna.  Il-ħruġ ta’ dak il-pajjiż mhuwiex wieħed faċli; hemm wisq għeruq tajba li nbnew, li hekk kif jinqatgħu, ħsara lis-siġra ser iġibu.

Ambition

9.    Proprju għalhekk li wieħed jifhem li jaqbel dak li nkiteb minn New York Times dwar dan l-aġir, li ftit jiem ilu ddikjarat hekk: “For the second time in 3 years, Boris Johnson, a politician whose ambition and superficial charm far outstrip his ability, judgement or principles is destabilizing the British Government and threatening the country’s future.”  Ġudizzju xejn sabiħ, imma li jmiss direttament il-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-aġir politiku responsabbli u dak li mhuwiex.  Kull politiku jrid jagħraf li dak li qiegħed iwettaq irid iżommu fil-binarji ta’ jekk huwiex ser iwettaq il-ġid komuni, jew le.  Kif joħorġu minn dak il-kuntest, allura jsir biss f’marki ta’ individwaliżmu, fejn kollox jiġi sagrifikat għall-avvanz politiku tiegħu.

Nipperswadu mill-ġdid

10.  Ma hemmx dubju li l-Unjoni Ewropea għaddejja minn mument diffiċli ħafna.  L-iktar f’dak ideoloġiku.  Proprju għalhekk li wieħed irid jassigura li jagħti aktar fiduċja u saħħa lil min għandu direzzjoni tajba.  Waħda li tħares li ġġib is-sewwa u tissoda dejjem iktar id-demokrazija.  Forsi l-popli Ewropej draw tant fejn jgħixu u issa qed jaħsbu li, jiġri x’jiġri, xejn ma huwa sejjer ineħħilhom id-drittijiet tal-libertà u l-ġustizzja.  Imma l-istorja turi l-kontra.  Turi li hemm pożizzjonijiet li jinbidlu lejn l-awtoritajiet u d-dittatorjati.  Proprju għalhekk li għandna, ta’ ulied is-sewwa, nassiguraw u nipperswadu mill-ġdid fuq il-ġid li d-demokrazija ġġib, u dan sabiex ma nerġgħux ngħaddu minn dawk li għaddew minnu ta’ qabilna.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...