9.11.17

Ix-xenarju politiku Ingliż


 
1.      Mid-deċiżjoni politika tal-poplu Ingliż li jitlaq mill-Unjoni Ewropea, is-sitwazzjoni bdiet tiggrava ruħha biċċa biċċa.  Hemm diversi osservaturi li qed jaraw dan.  Uħud jikkummentaw, oħrajn jistennew.  Kemm f’dawn il-gżejjer qegħdin nifhmu biżżejjed l-effetti negattivi ta’ dan qiegħed, jum wara l-ieħor, niddubita.  Diġà konna tard.  Il-Gvern waqqaf Kumitat, imsejjaħ b’titolu ġenerali, “Malta-UK Business Promotion Taskforce” f’Settembru ta’ din is-sena, meta l-vot kien ilu li ttieħed u anke d-deċiżjoni politika li effettivament beda l-proċeduri legali għall-ħruġ.  Xorta huwa pass tajjeb, u wieħed jistenna pożizzjonijiet ċari.  Però, sallum għadna ma rajna ebda dokument jew linja ta’ ħidma futura.

Saħħa politika

2.      Dan għax hemm effetti diretti li ser nintlaqtu bihom.  Renju Unit li ma jkollux is-saħħa politika u l-influwenza li kellu qabel imissna wkoll.  Diġà hemm il-gravità li ser ikun hemm il-ħruġ, però dan qiegħed jiġi aggravat bil-proċess ta’ negozjar li jsid isir.  Proċess li ħa daqqa ta’ ħarta mal-elezzjoni ġenerali li nżammet din is-sena.  Il-ħsieb kien li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru tal-Partit Konservattiv, Theresa May, kellu jissoda iktar idejh f’maġġoranza parlamentari ikbar.  Iżid in-numru ta’ deputati u allura ma jkunx hemm kwistjonijiet dwar l-awtorità, u fl-istess ħin ma jqumux inċertezzi dwar jekk il-liġijiet li jridu jsiru humiex ser jiġu approvati jew le.

Gvern ta’ minoranza

3.      Ir-riżultat kien proprju l-kontra ta’ dak li riedu jwettqu.  Flok żdiedet il-maġġoranza parlamentari, din naqset.  Illum il-Gvern huwa wieħed ta’ minoranza.  Wieħed li jnaqqas mill-awtorità tal-Prim Ministru u fetaħ il-bieb għall-kumplikazzjonijiet ulterjuri.  L-ewwel, in-numru fil-voti fil-kamra tad-deputati huma dubjużi ħafna.  It-tieni, jidher ukoll li l-kabinett qiegħed jibgħat messaġġi varji barra li jirriflettu nuqqas ta’ qbil bejn ministri varji.  It-tielet, il-proċess elettorali ssoda ħafna fil-Partit Laburista mmexxi minn Jeremy Corbyn.  Ir-raba’, kiber iktar il-biża’ li mhux ser ikun hemm ftehim finali sal-aħħar ta’ Marzu 2019.

Kritika

4.      F’dan, għalhekk, il-pożizzjoni politika tal-Gvern immexxi minn Teresa May qiegħed biċċa biċċa jiddgħajjef.  Qrajt f’numru ta’ ġurnali, tul dawn il-ġimgħat, kritika lejn il-formazzjoni tal-kabinett attwali.  Diversi membri qed jiġu kritikati apertament.  Diversi jsostnu li hemm bżonn bidliet.  Uħud jaraw il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Boris Johnson b’lenti differenti.  Hemm dawk li jridu jneħħuħ u hemm dawk li qed jarawh bħala dak li ser jieħu post il-Prim Ministru.  Is-sitwazzjoni hija issa iktar kumplikata bir-riżenja tal-Ministru tad-Difiża Sir Michael Fallon.  Daqqa ta’ ħarta iebsa għall-bniedem li għandu esperjenza politika twila fil-partit u fit-tmexxija tal-pajjiż, li huma lealissimu lejn il-Prim Ministru u magħruf li huwa fost il-ftit li żied fil-voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Suspetti u inċertezzi

5.      Għalhekk, f’dan ix-xenarju n-negozjati mal-Unjoni Ewropea qed jiġu kkumplikati ferm.  Diġà rajna laqgħa barra mis-soltu bejn l-istess Mary u Jean Claude Juncker, li dehret miżura straordinarja, però loġika, f’din il-pożizzjoni preżenti.  B’dikjarazzjonijiet kontradittorji fuq livell Ewropew.  Minn naħa qisu qed jiġi reġistrat progress, u mill-oħra li qishom għadhom anqas bdew.  Il-mument huwa iebes u jista’ jkun li hemm vulkan li qiegħed jiġma’ sew.  Hemm diġà suspetti u inċertezzi kbar f’x’qiegħed effettivament jiġi negozjat, f’kemm hemm parteċipazzjoni u dokumentazzjoni tajba tal-proċess.

Mozzjoni iebsa

6.      Dan wassal lejn żvilupp iktar interessanti tul din il-ġimgħa.  Maġġoranza parlamentari jidher li qed tara dak li m’aħniex, għaddiet mozzjoni iebsa li biha l-Gvern ġie ordnat jippreżenta f’kumitat speċjali 58 rapport li jingħad li ġew preparati fuq l-impatt negattiv ta’ Brexit.  Din, sal-Ġimgħa qajmet konflitt fl-istituzzjonijiet għax ir-reazzjoni inizjali ta’ numru ta’ ministri kienet li m’humiex ser jobdu dan.  Xenarju demokratiku xejn sabiħ.  Imma huwa wieħed li fih is-saħħa tal-Gvern ser titqiegħed għall-eżami.  Jekk hemm in-numri, allura ser naraw mozzjoni li tmur kontra preżentata l-ġimgħa li ġejja.  Jekk le, allura ser jinfetaħ bieb politiku ġdid li ser jagħmel il-ħajja tan-negozjar ferm u ferm iktar diffiċli.

Komunikatur dirett

7.      Dan huwa iktar kumplikat meta wieħed jikkunsidra li fid-dgħjufija ta’ dan il-Gvern qiegħed effettivament jiġi ssudat iktar il-Partit Laburista mmexxi minn Corbyn.  Partit li għandu l-problemi tiegħu biex aċċettah, però li r-riżultati elettorali sarrfuh bħala komunikatur dirett li żied fil-vot popolari.  Bniedem li sentejn ilu, f’The Economist kien ingħad dwaru: “There is nothing to celebrate abour Mr Corbyn’s elevation.  For Britain, it is a grave misfortune”.  Mhux biss, imma li kien ser ikun figura politika temporanja għax-xenarju Ingliż.  Biss, b’dak li huwa għaddej, diversi qed jarawh bħala l-bniedem li ser ikun fil-Gvern u jġib lura stabbiltà.  Iktar u iktar jekk ikun hemm mozzjonijiet ta’ sfiduċja li jġibu elezzjoni ġenerali oħra malajr.

Golden bubble

8.      Hu x’inhuwa l-progress imwiegħed għadu ma ġiex irreġistrat, u kif qalet id-deputat Konservattiva Anna Soubry: “It might prick this golden bubble, this balloon, of the promised land of Brexit”.  Xenarju li jindika li għad hemm opinjonijiet varji u li l-pożizzjoni politika mhix daqshekk soda.  Kemm dan, però qed nifhmuh aħna f’dawn il-gżejjer, ma nafx.  Kemm aħna ppreparati għal dak li għaddej għadu m’huwiex, anqas, ċar, meta wieħed jikkunsidra r-rabtiet tagħna ma’ dak il-poplu.  Il-fatt li għandna diversi ċittadini jgħixu fil-pajjiżi rispettivi, kif ukoll li l-kummerċ tagħna jiddependi, fost l-oħrajn ukoll, f’kemm hemm saħħa eknomika.  Quddiem il-fatt li x-xenarju politiku Ingliż qiegħed jinbidel, wieħed kien jistenna pożizzjoni iktar ċara u preżentar ta’ dokumentazzjoni li sallum, sfortunatament, għad m’għandniex.  Dan ma jfissirx li ma jistax isir fil-futur qrib.  Però, hemm bżonn li jsir.

     

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...