9.11.17

L-Ewropa qed tinbidel




1.      Wieħed ma jistax ma jgħidx li tul din is-sena l-Ewropa rat numru ta’ bidliet interessanti fix-xenarju politiku tagħha.  L-elezzjonijiet ġenerali fir-Renju Unit f’Ġunju ħallew lill-Prim Ministru Theresa May fil-poter għall-Konservattivi, però ssoda ferm iktar il-pożizzjoni ta’ Jeremy Corbyn għall-Laburisti.  Dawk li ppruvaw iwaqqugħ għaċ-ċajt meta ġie elett, illum qed jaċċettaw li m’huwiex il-bgħid mill-poter.  It-triq għall-ħruġ ta’ dak il-poplu minn ħdan l-Unjoni Ewropea qiegħed iktar ma jmur jikkumplika ruħu.  Flok pożizzjoni ċara qed naraw instabilitajiet varji li ser jaffettwaw dak il-pajjiż, u miegħu l-ħajja ta’ diversi.  Fosthom tagħna, għalkemm il-Gvern preżenti qam tard ħafna biex jibda jistudja bir-reqqa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha.

2.      Il-Ġermanja rat hija wkoll diffikultajiet, speċjalment għall-Partit Demokratiku Kristjan, immexxi minn Angela Merkel.  L-elezzjonijiet ġenerali f’Settembru għabbewhom għal darb’oħra b’piż li jridu jiffurmaw gvern.  Din id-darba f’Parlament fejn il-partiti ż-żgħar għandhom iktar siġġijiet, u s-Soċjalisti naqqsu ferm iktar milli wieħed kien jistenna.  L-agħar li daħal partit tal-lemin estrem li huwa ovvju li ħadd f’sensih ma huwa ser jidħol f’xi forma ta’ alleanza miegħu.  Partit li l-għada tal-elezzjoni kellu, l-ewwel riżenja tal-kap tal-partit għax ma tistax toqgħod mal-bqija tal-estremisti li kien hemm.  Merkel trid tifforma gvern mal-alleati tradizzjonali, il-Liberali, u mal-partit tal-Ħodor, li ma tantx hemm rabtiet politiċi tajba.  Bidliet xejn faċli u ħadd ma jista’ jaħlef fejn sejrin.

3.      F’dan però hemm l-istabilità li l-President il-ġdid ta’ Franza, Emmanuel Macron, irnexxielu jġib f’pajjiżu.  Fl-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Lulju biddel, għall-ewwel darba f’ħafna żmien, linja li kienet ittieħdet qabel.  Il-president mhuwiex ġej minn ħdan il-partit tradizzjonali ta’ dak il-poplu.  Ġej anzi minn wieħed li ġie mwaqqaf minnu stess, Republique en Marche.  Partit li huwa iktar lejn iċ-ċentru politiku.  Wieħed b’ideat li ttieħdu in parti miż-żewġ naħat tal-Parlament.  Tul dan is-sajf xtrajt ktieb tal-istess Macron bit-titolu ‘Revolution’, tradott bit-Taljan.  Fih qiegħed insib analiżi politika interessanti tal-aspetti soċjali u ekonomiċi ta’ dak il-pajjiż.  Kif ukoll  numru kbir ta’ direzzjonijiet li huwa jħoss li għandhom jittieħdu.  Verament interessanti.

4.      Fil-fatt, ħafna mill-passi li qed narawh jieħu huma ispirati minn dawn l-ideat li huma miktuba f’dan il-ktieb.  Prinċiparjament il-pożizzjoni tiegħu dwar it-tisħiħ ta’ dak li jissejjaħ il-‘Eurozone’.  Dan, fih innifsu huwa mill-iktar pożittiv.  Ilna nisimgħu diskors negattiv u żbaljat dwar l-Ewro li kien xi żball, mentri kif nafu, m’huwiex.  Il-ħsieb tiegħu huwa li wieħed idur sabiex ikun hemm għaqda ikbar sabiex fi kriżi finanzjarja futura l-Ewropa tbati ferm inqas minn dak li kellha tgħaddi minnu ftit snin ilu.  F’dan hemm il-proposta interessanti, li naħseb li ser timxi ‘l quddiem, li jinħatar forma ta’ ministru tal-finanzi responsabbli lejn il-Parlament tal-Eurozone sabiex iħares apposta l-interessi tagħha, li jiltaqa’ almenu darba kull xahar.

5.      Il-ħsieb huwa tajjeb, però mhux neċessarjament il-miżuri kollha li qed jiġu proposti, speċjalment għall-ekonomiji żgħar bħal tagħna, meta fost l-oħrajn hemm l-aġenda li jkun hemm ċerti konverġenzi li ma jgħinux.  Biss, id-dibattitu li tqajjem ġieb ukoll fuq il-mejda l-bżonn li wieħed jagħraf iktar kemm wieħed irid jimxi flimkien u lejn fejn.  Iktar u iktar meta l-impostazzjoni tal-miżuri huma mnebbħa minn ideat li m’humiex kontrollati mill-mekkaniżmi tas-suq.  Macron jinsisti fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà iktar bejn il-Membri Stati.  Kif ukoll f’suq liberu li jħares iktar lejn ir-regoli tiegħu biex jaffronta l-eċċessi tal-kapitaliżmu globali.

6.      Tajjeb għalhekk li wieħed isegwi sew Macron x’inhuwa jgħid u jwettaq, għax għandu fuqu ħafna responsabbiltà.  Mhux biss lejn pajjiżu, imma kif inhuma ċ-ċirkostanzi preżenti, lejn l-Ewropa.  Il-Brexit huwa proċess xejn faċli għalina lkoll.  Biss, l-effetti tiegħu huma kbar fejn, fost l-oħrajn huma li Franza ser tibqa’ l-unika vuċi tal-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tas-Sigurtà ġewwa l-Ġnus Magħquda.  Mhux biss, imma l-istabilità futura Ewropea tiddependi ħafna fuq kemm imexxi tajjeb, u kemm jagħraf dak li hemm bżonn li jsir.  Fil-verità, l-Ewropa qegħda tinbidel u aħna rridu nagħrfu ż-żminijiet li ġejjin għalina.  Dawn l-istati, tul dawn is-snin għarfu ħafna drabi l-pożizzjonijiet partikolari tagħna u tawna appoġġ.  Huwa essenzjali għalina li f’dan kollu nibqgħu naraw li waqt li dan il-kontinent jikber u jissoda, aħna nipproteġu sewwa l-interessi tagħna.  Fuq kemm dan isir tajjeb tiddependi l-ħajja soċjo-ekonomika tagħna, il-paċi, u l-progress li gawdejna.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...