14.11.17

ĦADDIEMA TAL-GVERN - REATI FUQ MINURI - PROĊEDURI LEGALI U AMMINISTRATTIVI


 
2262. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba humiex jittieħdu l-proċeduri amministrattivi u legali sabiex ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern u li nstabu ħatja li kkomettew reati fuq minuri, ma jkunux jistgħu jaħdmu fi skejjel primarji?

08/11/2017

  ONOR. EVARIST BARTOLO:  Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-każ fejn Uffiċjali Pubbliċi li jkunu nstabu ħatja li kkommettew reati fuq minuri, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jieħu dawk il-proċeduri neċessarji skont kif ġej:

1.         Dwar proċeduri amministrativi u legali konnessi mal-applikazzjoni tal-Att dwar Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri Kapitolu 518 tal-Ligijiet ta’ Malta, il-Ministeru jagħmel il-proceduri kif titlob il-liġi billi jitlob lis-Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja tal-Qorti Ċivili (Prim’Awla), bħala "l-qorti kompetenti", informazzjoni li tista’ tkun reġistrata fir-Reġistru mwaqqaf skont l-Artikolu 3 tal-att imsemmi, dwar kull persuna li jkun bi ħsiebu jimpjega billi jissottometti rikorsi fejn jiġi notifikat l-Avukat Ġenerali.   Kemm ilhom isiru dawn ir-rikorsi ma jirriżultax li kien hemm xi każ dwar xi persuna mniżżla fuq dan ir-reġistru li l-Ministeru kien bi ħsiebu jimpjega. 
2.         Fil-każ fejn Kap ta’ Dipartiment isir jaf li uffiċjal pubbliku taħt ir-responsabbilita’ tiegħu jkun allegatament wettaq reat li jista jkun ta’ natura kriminali, bħalma huma reati fuq minuri, tiġi applikata l-proċedura skont kif imniżżla fir-Regolament 13 tar-Regolamenti tal-2017 tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. 
3.         Fil-każ meta persuna tkun instabet mill-Qorti jew mill-Qorti tal-Appell ħatja ta’ reat kriminali, il-proċedura li tiġi applikata hi skont kif imniżżel fir-Regolament 15 tar-Regolamenti tal-2017 tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.   F’dan ir-rigward meta impjegat ikun instab ħati ta’ reati serji bħal dawn, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumissjoni dwar is-Servizz Pubbliku l-impjegat, kif ġara f’ċerti każijiet, jista’ jkollu l-impjieg tiegħu mas-Servizz Pubbliku itterminat.

Ninforma wkoll li bil-ħidma sfieqa mwettqa mis-sezzjoni responsabbli mill-Akkreditar fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed iħares li kull skola tal-Knisja u Indipendenti qed tassigura li kull impjegat, inkluż iżda mhux limitat għall-edukaturi, għandu/ha kondotta nadifa u mhux qiegħed/qiegħda imniżżla fir-reġistru ta' min ikkommetta reat fuq minuri.

Din l-istess sezzjoni tieħu wkoll ir-responsabbiltà li ta’ kull sena tfakkar lill-Kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti sabiex josservaw il-Legal Notice 206 tal-2016.

Barra minn hekk, kull meta l-istess Direttorat jasallu rapport mill-Forzi tal-Ordni, mill-iskejjel stess, jew minn oħrajn dwar reati, jew allegazzjonijiet ġodda, minnufih jiġi stabbilit kuntatt mal-mexxejja tal-iskola sabiex b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet ta’ kull individwu, jitħarsu l-interessi tal-minuri fdati lill-kommunità rispettiva.

Seduta  51
13/11/2017

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...