3.5.17

Sir Ugo Mifsud




1.      L-attenzjoni lejn persuni li jokkupaw karigi pubbliċi qatt ma naqset fis-snin.  Ma kienx hemm żmien li fih, min jiġi maħtur jew inkarigat, ma tiġix minnu mistennija mġieba korretta.  Kif anzi nafu, aktar ma tkun ‘il fuq, iktar is-soċjetà tippretendi minnek.  Dan minn dejjem, iktar u iktar fit-tħaddim ġust tas-sistema demokratika tagħna.  Sistema li minnha nfisha trid informazzjoni korretta dwar min qiegħed imexxiha u dan sija fl-aspett pubbliku, kif ukoll dak privat.  Anzi, hija parti mill-ġebla tax-xewka tagħha li jkun hemm informazzjoni kontinwa u diretta.



2.      Tul dawn is-snin, kienet importanti dejjem li l-poplu jkun infurmat u mgħarraf fuq kif bniedem jimxi fiż-żewġ setturi.  Ħafna kienu, u għadhom, jagħtu piż għal dan kollu.  Hemm soċjetajiet li ma jħaddnux din il-linja.  Biss, is-soċjetà xorta waħda trid tkun taf u xorta tagħmel il-ġudizzji tagħha.  Żgur li ħadd ma huwa anġlu, anqas li min qiegħed fil-ħajja pubblika qiegħed jgħix f’xi kunvent tal-klawsura.  Imma l-pajjiż irid ikun jaf u jara.  Wara jrid ikun hu li jara x’piż jagħti fil-kalatura tal-ġudizzju tiegħu.



3.      Pajjiżna huwa fortunatament mimli bi storja twila ta’ politiċi li jafu b’din ir-regola u josservaw il-piżijiet u r-responsabbiltajiet tagħha.  Jekk inħarsu lejn il-passat insibu diversi eżempji ta’ opinjonijiet politiċi varji.  Ħafna politiċi batew, fil-ħajja personali tagħhom il-faqar, u sabu ruħhom ukoll suġġetti ta’ attakki inġusti fil-konfront tagħhom.  Naħseb li lkoll taqblu li wieħed minnhom kien Sir Ugo Mifsud.  Politiku, Prim Ministru ta’ pajjiżna li serva fil-perjodi diffiċli.



4.      L-ewwel, fil-bidu tas-sistema parlamentari wara ftit qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra Mondjali, bil-kumplikazzjonijiet li kien hemm.  Serva b’mod mill-iktar eżemplari oriġinarjament fl-Unione Politica Maltese, u wara meta kien hemm l-għaqda taż-żewġ partiti bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.  Avukat attent, b’reputazzjoni internazzjonali, moderat li kien patrijott, u fl-istess ħin, leali lejn il-Kuruna.  Ma kienx estremist; kien ifittex iċ-ċentru fil-ħidma.  Jagħraf il-problemi soċjali li s-soċjetà kienet għaddejja minnhom.  Persuna li jħares fit-tul u mhux biex jirreaġixxi għall-mument.



5.      Kien taħtu li bdiet l-ewwel leġislazzjoni soċjali u li ttieħdu l-passi importanti bħall-bini ta’ djar għall-ħaddiema, li għadhom użati sal-ġurnata tallum.  Kif kien ukoll taħtu li bdiet il-politika sabiex pajjiżna jibda t-triq għas-settur turistiku.  Għadda minn kumplikazzjonijiet kbar, speċjalment meta fl-1939, waqt li kien qed imexxi ‘l-pajjiż sab lill-Gvern Kolonjali, għar-raġunijiet tiegħu, jissospendi l-Kostituzzjoni.  Biss, iktar jiem diffiċli kienu dawk li fihom sab ruħu jiddefendi u jaqbeż għall-Maltin fil-Kunsill tal-Gvern meta ttieħdet id-deċiżjoni li numru minnhom jitneħħew minn pajjiżna.



6.      Kien tul dak id-diskors li huwa għamel fid-9 ta’ Frar 1942 li, fil-battikata li ħa, ħassu ħażin u jumejn wara tilef ħajtu fl-età ta’ 51 sena.  F’din is-sena li jagħlaq 75 sena, għandna d-dmir li nfakkru dak li għadda minnu u fl-istess ħin infaħħru l-imġieba eżemplari tiegħu.  Imġieba li baqgħet f’dan kollu mudell għal min irid iġib ruħu sewwa fil-politika.  Kuraġġuż, onest, mimli rġulija, u fuq kollox, trasparenti.  Ġieb ruħu sewwa sija fil-ħajja privata, kif ukoll f’dik pubblika.  Għalhekk baqa’ maħbub u għalhekk ser jibqa’ mfakkar.  Eżempju kbir għal dawk kollha li qegħdin fil-ħajja politika jew li jitħajru jidħlu għaliha.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...