3.5.17

La diplomazia uccisa dagli insolenzi




1.     Hemm bnedmin li jitwieldu diplomatiċi f’għemilhom u fi kliemhom.  Jafu kif iqegħdu l-kelma tajba, u kif iġibu ruħhom mal-oħrajn.  Tiġihom naturali.  Biss, irridu nammettu li l-maġġoranza fid-dinja m’għandhomx dawn it-talenti, u anzi ġejjin proprju mill-kontra.  Tant dan huwa minnu li minn żmien ir-Rinaxximent kiber l-għarfien: l-ewwel, tal-bżonn ta’ manwal li jispjega kif wieħed għandu jġib ruħu mal-oħrajn, li Baldassere Castiglione kien niseġ tant tajjeb.  It-tieni, fil-bżonn li pajjiż ikollu fi ħdanu servizz diplomatiku u ta’ bnedmin li jidħlu fis-servizz tiegħu f’isem pajjiżhom.



2.     Dawk li huma messaġġiera ta’ aħbarijiet f’isem min jibgħathom, li jirrappreżentawhom fiċ-ċerimonji u li xi drabi jingħata lilhom ukoll il-poter li jinnegozjaw tratti varji bejn Stat u ieħor.  Sekli twal għaddew sabiex l-arti tad-diplomazija tikber, tiżviluppa u tiġi ipprattikata b’suċċess.  Jingħad li kienet il-Knisja Kattolika li, minn dak iż-żmien, kienet minn tal-ewwel li kellha servizz diplomatiku organizzat u akkreditat.  Ir-realtà hija li d-dinja, ħafna drabi, tiddependi mill-ħidma t-tajba ta’ dawn il-bnedmin.  Li flok iġelldu, ifittxu kompromess.  Li flok jinsulentaw, jaffermaw iktar toroq ta’ rikonċiljazzjoni.  Bnedmin li jiddependu minn kemm il-politiċi jippermettulhom spazju biex iservu fihom.



3.     Dawn il-lezzjonijiet, bażati fuq esperjenzi twal u kostanti, mhux kull Stat jeħodhom il-ħin kollu.  Hemm mumenti meta jiżgarraw, u flok jimxu ma’ dak li ta’ qabilhom bnew, jispiċċaw f’toroq komplikati.  Hekk qed naraw iseħħ quddiemna f’dawn l-aħħar xhur bejn numru ta’ pajjiżi fl-istess Kunsill tal-Ewropa.  Organizzazzjoni li għamlet il-ġid u fiha hemm sebgħa u erbgħin Stat attiv u rappreżentat.  Marbutin ma’ numru ta’ prinċipji għas-sewwa u statut fejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem jiġu affermati u protetti.



4.     M’għandux ikun li f’din l-età nibqgħu naraw Stati jinsulentaw pubblikament lil xulxin.  Qegħdin verament f’mument żbaljat meta jkollna l-Olanda u t-Turkija mitlufa fi proċess li fih nistgħu biss nieħdu eżempji żbaljati ta’ kif popli ċivilizzati jġibu ruħhom.  Forsi dan kollu qam għax naħa ma kinetx biżżejjed attenta għal dak li għaddej fl-oħra.  Ix-xenarju ma ġiex kalkulat biżżejjed quddiem il-fatt li ftit ġimgħat ilu l-Olanda kienet f’lejliet elezzjoni ġenerali fejn partit tad-daqqiet ta’ ħarta fuq in-naħa tal-lemin estrem qal ħmerijiet varji.  Wieħed li kien qiegħed isaħħan lin-nies kontra bnedmin li huwa jarahom bħala barranin.  Partit li rreġistra iktar kunsensi elettorali milli kellu qabel proprju fuq din il-mewġa żbaljata ta’ populiżmu.  Mewġa bażata fuq il-premessa żbaljata li azzjonijiet bażati fuq il-forza jistgħu jżommu l-immigrazzjoni irregolari.



5.     Kien hemm, u għad hemm għalhekk f’dak il-pajjiż, tensjoni akbar mis-soltu.  Forsi f’dan ma kienx proprju l-aħjar żmien propizju li wieħed jibgħat ministru tiegħu biex jipperswadi ċittadini Torok dwar il-bżonn li jivvutaw favur f’referendum li ser isir fis-16 ta’ April, proprju f’Ħadd il-Għid il-Kbir fit-Turkija, li fih il-President qed jittanta jikseb ferm iktar poteri milli forsi għandu.  Biss, dan b’ebda mod ma jista’ jiġġustifika li pajjiż jirrifjuta d-dħul ta’ ministru ta’ pajjiż ieħor li għandu relazzjonijiet diplomatiċi ġejjin fis-sekli.



6.     Għax huwa diġà gravi li tinsulenta ambaxxatur ta’ Stat ieħor, però huwa iktar gravi li żżomm ministru, tittrattah ħażin, tinterrogah għal siegħa u nofs u tibgħatu lura minn fejn ġie.  Aġir xejn dekoruż, proprju f’pajjiż bħall-Olanda li jikkunsidra ruħu bħala l-iktar tolleranti, progressiv, illuminat fejn hemm il-multikulturaliżmu u miftuħ għall-bnedmin.  Bir-reazzjonijiet u bl-insulti li smajna jingħadu fuq dan l-inċident diplomatiku mill-iktar gravi huwa ċar li ser nibqgħu bi problema Ewropea mill-iktar kumplikata.  Waħda li issa u iktar ‘il quddiem titlob ħidma tajba minn pajjiżna f’dan il-mument meta l-Presidenza hija f’idejna u li fiha s-servizz tad-diplomazija t-tajba topera u taħdem.  Għax m’għandniex inħallu li l-insolenzi jkissru l-ħidma t-tajba tad-diplomazija.






No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...