16.5.17

Il-kwistjoni Soċjali.




1.     L-Istati avvanzati huma hekk għax għandhom sistema soċjali li tassigura li tibża’ għall-membri tagħha.  Fis-seklu li għadda pajjiżna, fost oħrajn, ħa ħsieb li jibni mill-1932 ‘l hawn huwa wkoll sistema li tassigura kemm tista’ li ċ-ċittadini tagħha jkunu protetti.



2.     Minn diskors parlamentari li sibt tat-23 ta’ Novembru 1932 nannuwi, bħala Ministru tal-Finanzi, kien spjega l-viżjoni ta’ dan meta qal: “L-iskola, id-dar, l-isptar huma fost l-akwa u l-ewwel ħtiġijiet tal-poplu”.  Il-bini ta’ djar moderni għall-ħaddiema, sistema edukattiva u ta’ saħħa għal kulħadd.  F’kull żmien kellha l-avvanzi tagħha sabiex l-isfidi l-ġodda jiġu affrontati.  Mhux kull soċjetà, f’kull żmien però kapaċi twieġeb għal dawn il-punti, u fil-veloċità li għandha.



3.     Għax minkejja dak kollu li nkiseb u tqiegħed f’postu, għad għandna numru ta’ persuni f’din is-soċjetà li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn ma jsibux assistenza, jew din ma tkunx adegwata għall-bżonnijiet tagħhom.  Per eżempju: bnedmin li jkunu qed jirċievu benefiċċji li jsibuhom maqtugħa barra jew b’talbiet ta’ rifużjoni f’daqqa ta’ flus li jkunu suppost ħadu meta ma kellhomx.  Kif qiegħed jiġri, għax tul is-sena li għaddiet kien hemm 2,800 li applikaw għall-għajnuna soċjali mentri tneħħew minn fuq il-lista 4,600 persuna.



4.     Inkella ċittadini li wara snin jaħdmu jsibu ruħhom, għal raġunijiet varji, jirċievu pensjoni li tkun taħt il-ħames mitt ewro (500) fix-xahar.  Jew dawk li sabu ruħhom jirċievu pensjoni mhux kontributorja li taqa’ taħt din il-figura.  Hemm bħal dawn pożizzjonijiet varji li jmissu mar-realtà tas-soċjetà tagħna.  Għax nafu li għandna 8,000 ruħ li jgħixu fuq il-pensjoni mhux kontributorja u għandna wkoll 24,000 oħra li għandhom dħul tal-pensjoni taħt il-ħames mitt ewro u hemm reġistrati 1,400 persuna oħra li appellaw quddiem l-Arbitru sabiex il-benefiċċji li nqatgħulhom jiġu mogħtija lura.  Sitwazzjonijiet, fost diversi oħrajn, li qed jitolbu attenzjoni u rimedju.



5.     Għax hemm bżonn li naraw mill-ġdid x’pakkett għandu l-istat soċjali tagħna u kif qiegħed jaħdem fil-ħidma tagħna kull ġurnata.  Irridu, fuq kollox, immorru kontra l-kurrent liberalista li daħal f’dawn is-snin li l-istat soċjali għandu jitnaqqas u mhux jiġi sostnut.  Sfortunatament naraw u nisimgħu numru ta’ ekonomisti li jinfluwenzaw lill-politiċi u jsostnu li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem jekk iħalli lura lil min qiegħed f’kundizzjonijiet soċjali ħżiena.  Li min qiegħed fi stat ta’ faqar jew nuqqas ta’ dħul għandu jwaħħal fih innifsu u jekk m’huwiex kapaċi jibdel il-pożizzjoni tiegħu jibqa’ fejn huwa.



6.     Din hija linja politika li qed twassal sabiex nisimgħu diskors li fih jiġi reġistrat kemm tneħħew persuni mill-benefiċċji soċjali, u għalhekk kemm qegħdin niffrankaw mit-taxxi tagħna.  Dan jingħad mingħajr f’dan ma aħna naraw kemm effettivament, flok qed innaqqsu l-problemi soċjali, qegħdin inżiduhom.



7.     Hemm bżonn li nbiddlu dan u nerġgħu nassiguraw li d-dmir ta’ kull Stat li jaħseb f’kull ċittadin tiegħu jiġi affermat mill-ġdid.  Għax għad hawn wisq persuni fis-soċjetà tagħna li huma f’pożizzjoni diffiċli li m’humiex jiġu milħuqa.  Pożizzjoni li rridu nwieġbu għaliha sabiex ikollna anqas persuni li jgħixu ‘l bgħid mid-dinjietà u r-rispett li jixirqilhom.



8.     Għax għandna dmir li ngħinu lill-proxxmu fis-solidarjetà reċiproka, u dan għandu jsir: l-ewwel, direttament minna ċ-ċittadini bejnietna, però l-Istat għandu vantaġġ ferm iktar u aqwa li m’għandniex inħalluh imur lura kif inhuwa, imma rridu nissudawh u nirriformawh biex jaħdem b’mod iktar dirett u effiċjenti.  Fuq kollox, li jasal għand dawk li huma fil-bżonn u li l-Gvern ma jaqtagħlhomx l-għajnuna fix-xejn.











 




No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...