16.5.17

Michael Novak




1.     Is-soċjetà tagħna għandha l-elementi partikolari tagħha.  Dawk li jsostnuha, u fl-istess ħin jagħmluha dak li hija.  Biss, minħabba diversi raġunijiet, ftit huma dawk li jkollhom il-ħin jieqfu jaħsbu f’liema sistema legali u x’livell, xi kwalità ta’ demokrazija nħaddnu.  Ngħixu lkoll f’komunità fejn naċċettaw ħafna, mingħajr ma nifhmu sewwasew dak li jagħmilna u huwa ta’ ġid għalina.



2.     Għax irridu naċċettaw li ftit huma dawk li għandhom il-ħin u l-okkażjoni li jistaqsu numru ta’ domandi determinanti marbuta madwar liema kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi qegħdin ngħixu.  Xi kwalità ta’ demokrazija nħaddnu?  Xi prinċipji etiċi fundamentali jiffurmawna?  X’forma u mekkaniżmu għandna fis-sistema ekonomika tagħna?



3.     Hemm diversi forom ta’ demokraziji, bħal ma hemm ukoll varjetà fil-prinċipji etiċi u sistemi ekonomiċi.  Kull deċiżjoni dwarhom tagħmel differenza fil-ħajja tal-bnedmin, ferm iktar milli naħsbu.  L-Istat u l-garanziji sabiex jitkattru l-libertà u l-ġustizzja huma essenzjali.  Bħalma huma dawk il-prinċipji etiċi li jiggwidaw id-demokrazija u s-sistema ekonomika.  Kull poplu jrid joqgħod attent għal dan u ma jidħaqx bih innifsu fl-illużjoni li m’humiex importanti għalih.



4.     Kull soċjetà għandha tħares li kull ċittadin tagħha, anzi kull min jgħix fi ħdanha, ikollu sistema demokratika li tħallih jgħix fil-libertà u l-ġustizzja fejn titħaddem ekonomija li għax hija għas-servizz tal-bniedem, tassigura t-tkattir tal-ġid, u wara d-distribuzzjoni intelliġenti u soċjali tiegħu.  Proprju għalhekk li l-pilastri demokratiċi tagħna jridu jibqgħu kkurati u sostnuti sabiex jagħtu iktar sostenn lejn il-bniedem fid-dinjità sħiħa tiegħu.  Għax l-Istat huwa garanti, però fuq kollox huwa protettur tal-bniedem.



5.     F’dan irridu naċċettaw li llum għandna riżultati li l-esperjenza umana sawret u sarrfet għalina.  It-tmiem tas-sistema Sovjetika neħħiet min-nofs kull illużjoni li hemm xi sistema differenti li biha tmexxi ‘l-bnedmin għas-sewwa, u li mhix id-demokrazija u li ma tagħmilx użu mis-sistema kapitalista.  Biss dan ma fissirx, u ma jfissirx li kull forma ta’ demokrazija u tħaddim tal-ekonomija fuq il-linji tal-kapitaliżmu jagħtu frott u jwasslu lejn ugwaljanza.



6.     Ir-riflessjoni preżenti ta’ diversi tibqa’ li s-sistema kapitalista newtrali hija l-aħjar mekkaniżmu ekonomiku biex toħloq il-ġid.  Biss, il-kwistjoni determinanti hija kif minn naħa l-waħda ma tkissirhiex, u fuq l-oħra li tassigura tqassim f’iktar idejn u bnedmin.  Il-politika demokratika ma tistax f’dan titlaq mill-punt li ma tindaħalx kif taħdem is-sistema ekonomika tagħha.  Tħalli kollox għaddej u taċċettah bħala konsegwenza normali tal-libertà ta’ min huwa l-iktar b’saħħtu finanzjarjament.  Trid iżżomm f’idejha l-mazz li tiċċaqlaq fil-mument fejn tara li hemm żbilanċ fid-direzzjoni, u tintervjeni.  Dawn il-miżuri u l-forma tagħhom tiddependi fuq il-liġijiet, fuq is-sistema ġuridika li aħna nibnu u nibqgħu nħarsu u nikkuraw.



7.     Ngħid iktr dan għax ftit ġimgħat ilu ġie nieqes Michael Kovak, filosfu kattoliku.  Bniedem li kiteb u influwenza diversi deċiżjonijiet politiċi fl-Istati Uniti tal-Amerika, kif ukoll direttament l-enċikliċi ta’ San Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI.  Partikolarment qawwi huwa l-ktieb tiegħu “The Spirit of Democratic Capitalism”.  Kitba verament interessanti, fejn isostni u jipprova li għall-kuntrarju ta’ dak li qal Max Weber mhix dixxiplina jew iċ-ċaħda, imma huma “the social dimensions and the free play of creativity both rooted in catholic ethics” li jagħmlu suċċess mis-sistema kapitalista fid-demokrazija.



8.     Il-lezzjonijiet mingħand bnedmin bħal Michael Novak għandna neħduhom.  Għax aħna wkoll ngħixu u nqumu f’forma ta’ sistema kapitalista li qegħda titħaddem fis-soċjetà tagħna.  Però rridu naċċettaw li hija waħda li għalkemm qed toħloq il-ġid ekonomiku m’hijiex, fuq in-naħa l-oħra, tassigura t-tqassim ġust tiegħu.






No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...