18.5.17

Ma Weriex Wiċċ b’Ieħor




1.      Il-bnedmin mhux dejjem ikollhom kliem ta’ tifħir fuq ħuthom.  Rari ħafna li ssib min japprezza u jirrikonoxxi l-kwalitajiet tajba ta’ min huwa l-proxxmu tiegħu.  Biss, quddiem bnedmin li jkollhom kwalitajiet, talenti uniċi li jagħrfu jikkultivawhom u jissudawhom, dan jinbidel.  Ftit huma dawk li jingħataw rikonoxximent, però dawk il-ftit li l-poplu, fil-ġudizzju tiegħu jħoss li jkunu ħaqqhom, jimmeritaw li nsemmuhom.



2.      Għax hemm mexxejja kbar, Presidenti jew Prim Ministri, li ħafna drabi jiġu nċensati u mfaħħra.  Bħalma hemm ukoll, fi klassi iktar ġenwina u li fiha ma hemmx artifiċjalità, dawk il-bnedmin li l-komunità tirrikonoxxi fis-sens u s-sustanza li jħaddnu.



3.      Nhar is-Sibt 6 ta’ Mejju, il-qniepen tal-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien daqqew il-mota li takkumpanja l-funerali.  Ir-raħal waqaf sabiex jiċċelebra l-aħħar sagramenti għal ruħ bniedem uniku li għamel differenza kbira f’ħajjet it-Tarxiniżi u l-pajjiż tagħna.



4.      Ma kienx bniedem kiesaħ, anqas rasu mimlija bih innifsu; wisq inqas supperv.  Kien ċittadin intelliġenti u, proprju għax kien hekk, ħaddan l-umiltà, ir-rispett, l-irġulija u s-servizz lejn l-oħrajn.  Joe Cassar, magħruf mal-pajjiż bħala Peppinu Cassar, kien proprju dan il-bniedem.



5.      Kont ilni nafu minn meta, ta’ wieħed u għoxrin sena, bdejt ninvolvi ruħi fil-kamp politiku.  Niftakarni nisimgħu u nitkellem miegħu bejn sigarett u ieħor.  Moħħu kien ċarissimu.  Avvanzat, u l-ħin kollu mixtieq li jiltaqa’ ma’ bnedmin bħalu li jaqraw u kapaċi jidħlu fi djalogu miftuħ.



6.      Ma kontx tlaħħaq miegħu fil-qari u fl-għerf li kien irnexxielu jiġbor tul iż-żmien li kien avukat u politiku.  Kien intellettwali li ma qagħadx fuq fil-gallarija, imma li niżel bid-diffikultajiet li tali triq tieħu b’kuraġġ u determinazzjoni kbira biex ikun għad-dispożizzjoni tal-bniedem.



7.      Ma kienx minn dawk li jitkessaħ, imma kien dejjem lest li jisma’ u jifhem.  Kont ngħidlu xi qrajt u x’qed naqra, speċjalment fil-kamp politiku u nsibu li diġà kien rahom.  Kien qara tajjeb kitbiet demokristjani li Luigi Sturzo, De Gasperi u Moro ħallew.  Però kien ukoll mgħarraf f’dak li l-moviment materjalista tax-xellug kien isostni.  Marx, Engels, Lenin, li trid, qrahom.



8.      L-impostazzjoni politika tiegħu kienet ċara.  Fi ħdan ix-xellug ta’ partit demokratiku Kristjan.  Niftakar, fost id-diversi artikoli li kien kiteb, wieħed li fih spjega bl-iktar mod ċar dan.  Mhux biss, imma ma kienx waqaf.  Baqa’ jaqra u jiskopri.  Kien l-uniku politiku interessat li sliftlu numru ta’ kotba demokristjani li għad għandi fuq l-ixkafef ta’ dari.



9.      Proprju għax kien bniedem u avukat tal-poplu li kien, u baqa’ maħbub ħajtu kollha.  Niftakru jaħdem il-Qorti bħala avukat.  Kien iservi jum wara jum lill-klijenti tiegħu mingħajr ma jaħseb f’butu.  Anke jekk kellu klijentela numeruża, għajjex il-familja fuq il-ġenerożità libera tagħha.



10.   Serva ‘l-istituzzjonijiet demokratiċi.  Elett deputat tal-poplu serva fit-tul u ġie maħtur darbtejn Segretarju Parlamentari.  Wara, maħtur ġustament Maġistrat, serva b’imparzjalità u b’ġustizzja.  Kien mhux biss jixraqlu, imma min bħali ħadem fil-Qrati jaf li kien qata’ kwantità kbira ta’ kawżi u s-sentenzi tiegħu huma fonti ta’ dritt.



11.   Kont u għadni nħossni fortunat li bqajt in kuntatt miegħu.  Fl-aħħar snin li dħalt inservi jien ukoll lil dawk li serva hu, kont ngħaddi għandu l-iktar meta jistaqsini jekk għandix xi ktieb partikolari li minn hawn jew minnhemm kont inġib minn barra minn xtutna.



12.   Is-sejħa tiegħu lura għand il-Ħallieq ħasditni, bħal diversi oħrajn.  Biss, ġiebet quddiemi kitba tiegħu li tispjegah aħjar li kienet dehret fis-17 ta’ Novembru 2016 taħt it-titolu “Il-Kuxjenza”.  Hemm kien qal: “X’inhu tajjeb, x’inhu ħażin, kull bniedem għandu t-tifsir ta’ x’inhi l-kuxjenza.  Jagħmel dmiru, ma jurix wiċċ b’ieħor.  Dak li jemmen fih iwettqu, jiġri x’jiġri.  Iħares il-ħsieb ta’ ħaddieħor, jaqbel u ma jaqbilx miegħu.  Xi ħaġa hekk qal Voltaire.  Ġewwa fih is-sliem ukoll is-sliem ta’ ħaddieħor.  Fejn tidħol il-kuxjenza ma jittieħed l-ebda vot, il-vot li jibni maġġoranza u minoranza”.  Ċert li jinsab igawdi dak li ħadem, kemm felaħ, ħajtu kollha għaliha.






No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...