12.12.13

Twissija ekonomika oħra lill-Gvern – wara n-numri hemm ħaddiema u familji


L-indikaturi ekonomiċi pubblikati jum wara l-ieħor mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qegħdin ikomplu jagħtu stampa differenti minn dik li qed jipprova jpinġi l-Gvern Laburista.

Illum, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fi stqarrija wera kif il-produzzjoni industrijali – li hija indikatur importanti tal-performance tal-fabbriki u l-kumpaniji ewlenin ta’ pajjiżna – li fuqhom jiddependu eluf ta’ ħaddiema, niżlet b’aktar minn 13% matul ix-xahar ta’ Ottubru meta mqabbel mal-istess xahar matul is-sena li għaddiet.

Din l-informazzjoni tiżdied ma’ pubblikazzjonijiet oħrajn tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li fl-aħħar ftit jiem biss urew tnaqqis kbir fl-esportazzjoni, tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku ta’ bosta setturi produttivi tal-ekonomija ta’ pajjiżna, u żieda fil-qgħad.

Dan kollu jorbot mad-deċiżjonijiet meħuda minn numru ta’ fabbriki ewlenin f’pajjiżna li jnaqqsu l-ħaddiema tagħhom jew jaqilbu għal four-day week, u d-deċiżjoni wisq aktar diskutibbli tal-Gvern Laburista li jinjora dawn ir-realtajiet daqslikieku xejn mhu xejn.

Din l-istatistika għandha sservi ta’ twissija oħra għall-Gvern Laburista biex jibda jieħu l-ekonomija ta’ pajjiżna bis-serjetà, u lil hinn mill-istatistika jagħraf li wara dawn in-numri hemm familji Maltin u l-ħobża ta’ kuljum tagħhom.

--
Mario de Marco
Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament

Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar

No comments:

TKAXKIRA TAJBA

1. Il-pożizzjoni politika għall-Partit Konservattiv Ingliż mhijiex tajba wisq. Tul is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu daħlu diversi ...