9.12.13

L-NSO jerġa’ jikkonferma tnaqqis fl-esportazzjoni



L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika llum ħabbar li matul ix-xahar ta’ Ottubru, l-esportazzjoni minn pajjiżna reġgħet naqset, din id-darba b’36%, li jfisser tnaqqis ta’ aktar minn terz, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Din iċ-ċifra tikkonferma dak li ilu jsostni l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li l-ekonomija u l-industrija ta’ pajjiżna qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet li mhumiex jiġu indirizzati mill-Gvern. Tnaqqis fl-esportazzjoni ma jfisser xejn ħlief tnaqqis fl-attività tal-fabbriki, u allura tnaqqis fix-xogħol. 

Din hija ċifra li tkompli tqajjem tħassib fid-dawl tas-sitwazzjoni rrappurtata fl-aħħar jiem ta’ numru ta’ fabbriki ewlenin li ħabbru li se jnaqqsu sostanzjalment il-ħaddiema tagħhom jew li saħansitra kienu kostretti jpoġġu lill-ħaddiema tagħhom fuq sistema ta’ four-day week. Dan qed idgħajjef is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin, u qed ikompli jdaħħal element ta’ inċertezza, li ma tawgurax tajjeb għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

L-istqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika xxejjen ukoll l-iskuża li tipikament joħroġ biha l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li jiġġustifika dan it-tnaqqis billi jgħid li dan ġej mit-tnaqqis ta’ riesportazzjoni ta’ tipi differenti ta’ fjuwil. Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jagħmilha ċara li anke meta tneħħi l-fjuwils mit-total tal-esportazzjoni, pajjiżna xorta rreġistra tnaqqis kbir ta’ 23% fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet.

L-appell tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ wieħed ċar: il-Gvern għandu jaġixxi qabel ma jkun tard wisq. Il-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu u joħloq pjan serju dwar ix-xogħol sabiex isib is-soluzzjonijiet għall-industrija, għas-sidien tan-negozji u finalment għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom.


No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...