10.12.13

Il-Gvern qed jonqos milli jattira x-xogħol f’diversi setturi ekonomiċi.


Diversi setturi ekonomiċi f’pajjiżna għaddejjin minn perjodu diffiċli bi tnaqqis ta’ attività, bejgħ u li qed iwassal għal tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol. Dan reġa’ kien ikkonfermat illum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi li, għalkemm globalment l-attività ekonomika f’pajjiżnà f’termini reali rreġistrat tkabbir modest ta’ 1.9% matul it-tielet kwart ta’ din is-sena fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet, l-istess statistika tkompli tikkonferma t-tħassib espress riċentement mill-Partit Nazzjonalista fuq diversi setturi ekonomiċi u s-sitwazzjoni preżenti fis-suq tax-xogħol.

L-istatistika ppubblikata llum dwar il-Prodott Gross Domestiku tagħti stampa differenti minn dik li qed jipprova jpinġi l-Gvern. Filfatt, din turi attività dgħajfa – u tnaqqis sostanzjali – f’diversi oqsma, inkluż il-manifattura, il-kostruzzjoni, is-settur tal-proprjetà, attivitajiet kummerċjali bl-ingross u bl-imnut kif ukoll servizzi oħra, fosthom tiswijiet ta’ vetturi. Dawn l-indikaturi huma ta’ tħassib serju għall-kważi 60,000 persuna u l-familji tagħhom li jaħdmu f’dawn is-setturi.

Filwaqt li l-Gvern Laburista ħareġ jiftaħar b’dan it-“tkabbir”, ma qalx li parti mhux żgħira mit-tkabbir irreġistrat fl-ekonomija ġej mill-amministrazzjoni pubblika, li ma jfisser xejn ħlief riżultat ta’ ħatriet ta’ nies viċin il-Partit Laburista mad-dipartimenti, awtoritajiet u aġenziji.

Din l-istatistika tkompli torbot ma’ ċifri oħra ppubblikati fl-aħħar ġimgħat li juru tnaqqis drastiku fl-esportazzjoni, fil-produzzjoni industrijali u li xahar wara l-ieħor qed jirriżultaw f’rata akbar ta’ nies ifittxu l-postijiet tax-xogħol.

L-appell tal-Partit Nazzjonalista lill-Gvern jibqa’ wieħed ċar: il-familji jixraqilhom pjan għax-xogħol li tassew jagħraf kif se jattira lejn Malta investiment sostenibbli li joħloq aktar postijiet tax-xogħol ta’ kwalità – hekk biss nistgħu niżguraw li kif pajjiżna m’għeriqx fl-agħar maltemp, jibqa’ għaddej anke issa li madwarna qed jerġa’ jfeġġ il-bnazzi.


--
Uffiċċju Informazzjoni
Partit Nazzjonalista

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...