9.12.13

Ipokresija mill-Gvern fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari



Dalgħodu waqt konferenza organizzata mill-People for Change Foundation, li fiha ġie diskuss il-prinċipju tan-non-refoulement, jiġifieri d-dmir ta’ kull pajjiż li ma jibgħatx immigranti lura f’pajjiżi fejn ma jistax ikun assigurat li d-drittijiet umani tagħhom ikunu mħarsa, il-Ministru Helena Dalli stqarret li l-Gvern Laburista huwa kommess li jipproteġi d-drittijiet umani tal-immigranti irregolari.

Iżda bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li d-diskors sabiħ ħafna tal-Ministru Helena Dalli jistona ferm mal-attentat tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jimplimenta politika ta’ pushbacks f’Lulju li għadda. Dakinhar, il-Gvern Laburista ma tħalliex iwettaq din il-politika żbaljata, billi jibgħat grupp ta’ immigranti irregolari lura l-Libja fis-satra tal-lejl, għaliex l-għaqdiet non-governattivi involuti f’dan is-settur għamlu talba formali lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Kienet l-istess Qorti li żammet lill-Prim Ministru Muscat milli jimplimenta l-pushback

Il-Gvern Malti llum qed ibati l-konsegwenzi tad-deċiżjoni li jipprova jimplimenta l-politika tal-pushbacks. Dan joħroġ ċar mill-falliment totali tiegħu li jikkonvinċi lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jagħtu aktar għajnuna konkreta fil-qasam tal-politika dwar l-immigrazzjoni irregolari fuq livell Ewropew, inkluż billi jiġi introdott il-burden sharing mandatorju li kien tant tkellem dwaru Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali. 

Il-Gvern Malti għandu jħares id-drittijiet tal-bniedem b’konvinzjoni u mhux għax jiġi kostrett jagħmel dan minn xi awtorità internazzjonali. F’dan id-dawl, id-diskors tal-Ministru Helena Dalli llum hu każ ieħor ċar ta’ doublespeak, fejn il-Gvern jgħid ħaġa meta fil-fatt ikun għamel oħra.


--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...