14.12.13

Jgħixu f’dinja oħra*




1.         Wieħed mill-awturi li nibqa’ nieħu gost naqra huwa Herman Melville.  F’diversi mill-kotba tiegħu hemm għaddejja t-tema tal-“ħarba” (escapism).  Kif il-bniedem mir-realtà u jidħol jgħix f’dinja oħra maħluqa minnu nnifsu.  Dinja ġewwa dinja.  Dinja immaġinarja ssir, għal dawk il-persuni, r-realtà.  Kull persuna kapaċi twettaq dan fil-kitba bħal ma Melville irnexxielu tant tajjeb f’”Typee” però fil-politika ma tistax tgħix fil-fantasija, imma trid taffronta dik li hemm verament fil-ħajja.

2.         Rajt f’dawn il-jiem dak li ġie dikjarat miż-żewġ Oppożizzjonijiet, dik “telliefa” u dik “rebbieħa” fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ pajjiżna.  Hawn tinduna kemm f’din is-soċjetà tagħna jinsabu bnedmin li m’humiex janalizzaw tajjeb l-affarijiet intenzjonalment u qed jispiċċaw jidħku bihom infushom u bis-segwaċi tagħhom.  Ngħid dan għax huwa tal-iskantament kif jibqa’ jkun hemm min imeri s-sewwa u jrid jibbumbarda lill-poplu, l-ewwel, il-gidba li l-kriżi finanzjarja mondjali ħoloqha l-Gvern; u t-tieni, l-esaġerazzjoni l-oħra li l-ekonomija tal-pajjiż sejra l-ħin kollu lura.

3.         Għalkemm hemm min jaħseb fil-Partit Laburista li l-opinjoni pubblika hija magħmula minn bnedmin li ma jqisux u ma jarawx x’inhuwa għaddej fid-dinja, ir-realtà hija l-kontra.  Il-midja Maltija diġà kellha l-opportunità tispjega kif ekonomiji oħra fi Stati fid-dinja marru l-baħar, għalkemm illum nafu li mhux kulħadd isegwi.  L-Islanda huwa wieħed minn dawn il-każijiet klassiċi, però m’huwiex uniku.  Il-Latvija huwa anzi eżempju ieħor issa ta’ Stat mhux barra l-Unjoni Ewropea u jrid jidħol, iżda ta’ min qiegħed diġà ġewwa l-Unjoni.

4.         Il-Latvija ntlaqtet ħażin ħafna tant li f’dawn ix-xhur kellhom jidħlu għal dejn ikbar ma’ dak li diġà għandhom.  Fil-fatt, f’Diċembru huma daħlu għal debitu ta’ 7.5 biljun ewro li ġew minn numru ta’ istituzzjonijiet, l-IMF b’1.7 biljun ewro u l-Unjoni b’3.1 biljun.  Dan għax il-pajjiż qiegħed jara tnaqqis ta’ 17% tal-prodott gross domestiku tiegħu.  Mhux biss, imma fost il-kundizzjonijiet li daħlu għalihom hemm li l-Latvija trid tneħħi 30% tal-persuni li jaħdmu fiċ-Ċivil għax hemm bżonn li jkun hemm ekwilibriju aqwa mas-settur privat.  Apparti dan hemm ukoll il-bżonn tat-tnaqqis fil-pagi ta’ diversi ħaddiema fis-setturi tax-xjenza u l-ekonomija.

5.         Is-sitwazzjoni sforz il-kriżi globali u mhux kaġun ta’ xi miżura li ħadna f’pajjiżna wasslet lil dak il-pajjiż biex jibdel il-Gvern fost diversi rvelli u, terġa’, l-Prim Ministru l-ġdid Valdis Dambrovskis qiegħed jipprova jdaħħal l-użu tal-munita ewro anke mingħajr ma jiġi aċċettat mis-sistema li dħalna fiha aħna.  Fortunatament f’pajjiżna ma għandna xejn minn dan.  Il-Gvern baqa’ stabbli, persuni minn mas-settur pubbliku ma tkeċċewx, dawk fl-edukazzjoni ma rawx tnaqqis u anqas ma dħalna għal djun bħal dan.

6.         Ftit jiem ilu, l-ġurnal “The Economist” saħansitra qal: “New figures from economists at the IMF suggest that the public debt of the ten leading rich countries will rise from 78% of GDP in 2007 to 114% by 2014”.  Din hija l-pożizzjoni ta’ pajjiżi oħra.  Tagħna minn dan m’huwiex għaddej.  Anke jekk il-Ħadd li għadda kien hemm min qiegħed jiddikjara li m’aħniex immexxu tajjeb f’artikolu li semma “M’aħniex iggvernati tajjeb”.  Dan għandu jirrikonoxxi li ma sarx id-debitu li daħal għalih hu.  Id-dejn nazzjonali f’inqas minn sentejn sploda.  Illum, minkejja kollox, baqa’ kważi fejn hu.  Dan hu frott ħidma tajba u ffukata li ma tingħatax informazzjoni biżżejjed dwarha, imma hemm qegħda.  Pajjiżna tajjeb miexi.

*Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tal-5 ta Lulju 2009.

No comments:

ITTRI MID-DEŻERT

1. Mhux faċli tifhem dejjem l-għażliet ta’ bnedmin oħra. Trid ħafna ħin, speċjalment ma’ dawk li jagħmlu għażliet differenti. Tieqaf t...