10.12.13

Sitwazzjoni ta’ inkwiet




1.      Minn mindu nbidel il-Gvern ta’ dan il-poplu qed insibu ruħna f’sitwazzjonijiet komplikati fix-xejn.  Anzi, sforz in-nuqqas ta’ esperjenza u l-ħsieb li issa telgħet ix-xemx mentri qabel kien hemm dawl il-qamar li qed naraw lill-Prim Ministru jidħol f’basal li aħna, fl-għaqal tagħna, konna naħirbu.  Infakkar li ftit xhur ilu, appena tela’ fil-poter, kien għamel viżta malajr malajr fl-Ukrajna.  Mar hemm u ġie hawn jgħid li aħna konna ħallejna l-affarijiet lura.  Mar jiġri u issa fl-għaġġla bla sens qiegħed verament bejn il-basla u qoxritha.

2.            Il-pożizzjoni fl-Ukrajna sejra lura ma’ kull ġurnata.  L-Ewropa hija mimlija b’dikjarazzjonijiet fuq kemm id-demokrazija sejra lura u kemm il-poplu qiegħed jiġi trattat ħażin.  Il-pajjiż innifsu huwa mimli b’dimostrazzjonijiet, protesti, mozzjonijiet ta’ sfiduċja u ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Il-President attwali u fiċ-ċentru ta’ dan kollu huwa Vikto Yanukovych li ġie elett fil-pożizzjoni fl-2010.  Bniedem li f’dawn l-aħħar ġimgħat ħa d-deċiżjoni li jiċċaqlaq ‘il bgħid mill-Unjoni Ewropea.  Inaqqas, jekk mhux iwaqqaf, proċess li ilu għaddej.

3.            Sfortunatament, is-sitwazzjoni fil-pajjiż qegħda tippreċipita.  Sejra lura fuq il-linja tal-paċi, tal-istabilità u fuq kollox fuq id-demokrazija.  F’dawn il-mumenti, waqt li l-poplu qiegħed jipprotesta, qed jeżerċita d-dritt fundamentali tiegħu li jsemma’ leħnu kontra dan il-fatt, qed naraw bnedin jiġu msawta u arrestati fix-xejn.  Dawn huma sintomi ta’ tmexxija li telqet fit-triq tal-anti demokrazija.  Sintomi ta’ min m’huwiex jagħti każ dak li l-pajjiż irid, u anzi, li jrid iżommu lura bil-forza.

4.            Dan għalina huwa pajjiż Ewropew, pajjiż li huwa ġâr tagħna fl-Unjoni Ewropea u parti minna, biss jidher ċar li din it-tmexxija mhix tifhem li trid toqgħod lura milli terġa’ tieħu lill-pajjiż lejn l-era Sovjetika u komunista.  Aħna nafu x’jiġifieri.  Nafu kemm ġew minn dawn il-mexxejja ta’ dak iż-żmien milqugħa b’ħafna pompa u ċerimonji.  Nies li wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin, ma’ dak ir-riħ ta’ ġustizzja u libertà, sabu ruħhom barra mill-poter.  Fl-aħħar, diversi popli ħadu t-tmun f’idejhom lura lejn id-demokrazija.

5.            Proprju waqt li qed naraw dan kollu jiżviluppa, dan il-Gvern baqa’ jinsisti li jżomm għaddejja viżta ta’ dan il-President f’Malta.  Li ma kienx għal Yanukovych innifsu li nhar il-Ġimgħa li għaddiet ipposponiha minħabba s-sitwazzjoni f’pajjiżu, għada f’pajjiżna kellu jirfes Viktor Yanukovych, mistieden tal-Gvern attwali.  Żjara li, żgur mhux forsi, kienet se tkun mill-iktar imbarazzanti u magħmula f’mument mill-iktar ħażin. 

6.            Minflok, kellna ġimgħa għaddejja bl-uffiċċju tal-Prim Ministru jaġixxi bħat-tfal u jgħidilna li staqsew lill-Unjoni Ewropea u qalulhom li jistgħu jibqgħu għaddejjin.  Bħallikieku kien ser ikun hemm xi ħadd li jista’ jindaħal lil pajjiż sovran bħal tagħna u jgħidlu biex ma jżommx din il-laqgħa.  Bir-rispett, l-Unjoni Ewropea ma tidħol xejn f’din.  Aħna rridu niddeċiedu u mhux nistennew minn ħaddieħor biex jieħu r-responsabbiltà tagħna.  Hekk għamilna fil-passat.  Biss illum, sforz l-inesperjenza u għaġġla bla sens, qed niżolqu f’dan is-settur daqshekk delikat, bil-gvern ta’ Muscat jibqa’ sal-aħħar miftuħ li jilqa’ lil Yanukovych.

7.            Il-Partit Nazzjonalista, konfrontat b’din il-basla bla ebda sens jew ġid għalina, ħa l-pożizzjoni li jiltaqa’ ma’ Viktor Yanukovych biex jgħidlu f’wiċċu dak li naħsbu, però għażel b’rispett u solidarjetà lejn il-poplu liberu ta’ dak il-pajjiż li ma jattendix għal ebda attività uffiċjali li kienet ser issir.  Is-sitwazzjoni hija ta’ inkwiet, li ġabna fiha l-Gvern, però aħna qatt m’aħna sejrin b’xi mod inbierku dak li ma naqblux miegħu.



No comments:

IL-FURJANA – TRIQ ĠNIEN DANTE ALIGHERI – SIĠAR TAĊ-ĊITRU

17508. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-m...