10.12.13

Il-PBS moħħu biss biex jgħatti xtur il-Gvern


B’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-PBS illum, tlett ijiem wara li sar l-ilment oriġinali, il-Partit Nazzjonalista jinnota li kuntrarju għall-mezzi tax-xandir indipendenti kollha f’pajjiżna li rrapurtaw id-diskors tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS ma rat l-ebda “valur ta’ aħbar” f'dak li ntqal. Lanqas ma rat “valur ta’ aħbar” fl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-u-turn straordinarju tal-Ministru tal-Finanzi.

Quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Ministru tal-Finanzi sostna li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna hija żbaljata. Skont il-PBS, din l-ammissjoni ma fiha l-ebda “valur ta’ aħbar”.

Quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Ministru tal-Finanzi sostna li għandu jkun hemm capping tal-ammont ta’ individwi li jsiru ċittadini kull sena. Skont il-PBS, din il-bidla fil-politika tal-Gvern ma fiha l-ebda “valur ta’ aħbar”.

Quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Ministru tal-Finanzi sostna li għandu jkun hemm rabta akbar bejn individwu li jixtieq isir ċittadin u pajjiżna. Skont il-PBS, din il-bidla fil-politika tal-Gvern ma fiha l-ebda “valur ta’ aħbar”.

Bl-aġir tiegħu, il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet Reno Bugeja qed ikun selettiv ħafna fl-għażla tiegħu ta’ dak li jiġi rrappurtat mix-xandir tal-Istat. Minflok iwassal l-aħbarijiet b’konsistenza editorjali fl-interess tal-pubbliku, il-PBS sar moħħu biss biex jgħatti xtur il-Gvern.

Peress li l-PBS qiegħed jippersisti fl-iżbilanċ ċar tiegħu, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitlob lill-Awtorità tax-Xandir biex tagħti rimedju effettiv.


--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

FEJN SEJRIN?

1. L-eventi li ħakmuna mis-7 ta’ Ottubru 2023 sal-lum ma jridux iħalluna. Jum wara jum, is-sitwazzjoni tidher li iktar qed tikkumplika...